Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' serq mill-qorti, kunsilli lokali, għases jew depot tal-pulizija din is-sena u x'insteraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi ta' serq mill-Qorti, mill-Kunsilli Lokali, mill-għases jew depot tal-Pulizija li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul l-2006, kienu s-segwenti:
Lm36 u camera tar-ritratti, mill-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard.
Lm500, medalja kommemorattiva, digital camera u mobile phone, mill-Kunsill Lokali ta' Floriana.
Handbag li kien fih kontenut personali, fosthom Lm20, mobile phone minn ġewwa l-binja tal-Qorti.
Serq ta' envelope li kien fih Lm123 minn uffiċċju ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Dwar dan il-każ persuna kienet akkużata quddiem il-Qorti.
Electric drill u xi għodda ta' l-idejm minn ġewwa l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra.
Lm277 u cheque book mill-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Lm328, ċekkijiet lokali, medalji (ġieh il-Fgura) u safe mill-Kunsill Lokali tal-Fgura.
Wallet b'li kien fih Lm80 u oġġetti personali, minn ġewwa l-binja tal-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Direct Orders li ngħataw din is-sena hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li l-biċċa art żdingata u abbandunata li hemm biswit il-flats tal-gvern fi Block V, Luqa Road, Tarxien biswit it-telgħa taċ-ċimterju ta' l-Addolorata ssirx car park, peress li faċilment joqogħdu għaxar vetturi u b'hekk ikunu moqdija aħjar ir-residenti ta' Blocks 4 u 5 u fl-istess waqt ma tibqax mhux użata? Għal kull bon fini, il-file number tal-lands department huwa L 592/90.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk Triq il-Mediterran li hija diviża bejn il-kunsill ta' San Ġwann u dak ta' San Ġiljan, tistax taqa' taħt il-kunsill lokali ta' San Ġwann billi t-toroq u l-iskips huma r-responsabbilita' tal-kunsill ta' San Ġwann? Nifhem li r-residenti jixtiequ li jsir hekk.
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Artiklu 3 (3) ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali jistipula illi: "Tibdil fil-konfini ta' lokalitajiet għandu jsir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u mill-Kummissjoni Elettorali, wara konsultazzjoni mal-Ministru, il-Kunsilli Lokali konċernati u, fejn hu possibli, mar-residenti lokali ...".
Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet talba li għamlu inkwilini Sengleani li jgħixu f'post tal-Joint Office u li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament biex jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin in kwistjoni ġiet ipproċessata u fil-futur qarib l-applikant ser jingħata appuntament sabiex jiffirma l-kuntratt ta' bejgħ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm periti, nutara, avukati u professjonisti oħra ma' l-Uffiċċju Konġunt? Min huma? Huma impjegati bħala full-time jew part-time employees? Min minnhom hu full-timer u min hu part-timer? Min minnhom jaħdem bħala full-time fl-Uffiċċju Konġunt, u fl-istess ħin jagħmel xogħol privat bħala konsulent imqabbad mill-istess Uffiċċju Konġunt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt jimpjega 'full time' il-professjonisti msemmija hawn taħt:
ProfessjoniNumru
Perit1
Nutar1
Avukat3
Professjonisti oħraxejn
Ħadd mill-professjonisti full time ma jagħmel xogħol privat bħala konsulent imqabbad mill-istess Uffiċċju Konġunt.
L-Uffiċċju Konġunt jagħti wkoll xogħol lil 23 periti privati biex jagħmlu pjanti għar-reġistrazzjoni, 2 periti privati oħra biex jagħmlu stimi ta’ proprjeta’, nutar privat biex jirreġistra l-proprjetajiet, u nutar privat ieħor li jgħin fil-pubblikazzjoni tal-kuntratti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-ismijiet ta' dawn il-professjonisti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk garage li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex vojt jew għall-kiri u f'liema stat jinsab?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-garaxx li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant huwa tal-Gvern u mhux mikri. Fil-futur qarib it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ser toħroġ sejħa għall-offerti għall-bejgħ ta' l-istess garaxx.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li hemm proċess għaddej dwarha għand il-pulizija dwar telefonati anonimi? Tista' din is-sinjura tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha qed tinvestiga r-rapporti magħmula minn din is-sinjura, u li issa din ġiet ukoll mgħarrfa mill-Pulizija f'hiex waslu l-investigazzjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għas-sena 2006 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward it-tagħrif għas-sena 2005, nirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16606.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħtini b'mod dettaljat il-lista tal-persuni bl-indirizzi li fis-seduta tal-21 ta' Novembru, 2006 resqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja f'Għawdex?
Jista' jagħti rendikont tal-multi li l-persuni weħlu f'dik il-ġurnata, min ġie liberat u liema kawżi ġew diferiti?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' pedofelija din is-sena u x'weħlu f'kull kas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' l-2006, kien hemm 37 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni. Minn dawn, s'issa, għaxra kellhom il-każ tagħhom deċiż, fejn tlieta ġew mogħtija sentenza ta' priġunerija, sitta ġew mogħtija sentenza sospiża, u wieħed kellu l-każ dikjarat proċediment eżawrit. Il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-kumplament għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja ngaġġaw lill-Special Cleaners Limited wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-kuntratt għal dan ix-xogħol ingħata fil-31 ta' Lulju 2006, ix-xogħol beda fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Awissu 2006 u ġie terminat fis-17 ta' Ottubru 2006. F'dan il-perijodu l-kumpanija tħallset is-somma ta' Lm1,231.48c.
Sar ukoll ħlas bejn il-5 ta' Jannar u s-16 t'Ottubru 2006 ta' Lm2,196 lill-istess soċjeta' għal servizz ta' 'cleaner' li kienet persuna ta' fiduċja tal-Kap tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari sabiex isir tindif fl-uffiċini tiegħu, u li ġiet ingaġġata b'ordni diretta.
Issa li l-inkwilini ta' postijiet tal-gvern huma milquta bil-liġi possession and use, ifisser li kollha jistgħu jinbiegħu jekk l-inkwilini jixtiequ jixtru? Minn meta l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern bagħat ittra lill-inkwilini ta' postijiet tal-gvern li huma miltuqa bil-possession and use, kemm saru applikazzjonijiet biex jixtru l-fond tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in segwitu għall-emenda li għaddiet permezz ta' l-Att I ta' din is-sena, sar issa possibli li proprjeta' in possession and use tingħata għall-bejgħ wara l-proċeduri ndikati fl-Att.
Billi ħafna minn dawn il-proprjetajiet ġejjin mir-rikostruzzjoni ta' bini ta' wara t-Tieni Gwerra Mondjali hemm ħafna xogħol preparatorju li jrid isir.
In vista tad-diversi domandi parlamentari li saru, inbeda l-proċess fuq diversi proprjetajiet fil-Belt u fil-Kottonera. Ma kienx possibli li dawn il-proċeduri jibdew f'kull proprjeta' f'dawn il-Gżejjer f'daqqa. L-applikazzjonijiet isiru direttament lill-Awtorita' tad-Djar.
Għaliex ħass il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern li jibgħat ittra lill-mijiet ta' familji li jgħixu f'postijiet tal-gvern fil-Kottonera, li huma milquta bil-liġi possession and use, u iddiskrimina kontra lokalijiet oħra bħall-Belt Valletta u l-Floriana, li ma bgħatilhomx ittra biex jixtru l-fond tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Intbagħtu ittri ta' informazzjoni lil xi erbgħin inkwilin fl-Isla u l-Birgu, u dan peress li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tinsab fi stadju avvanzat li tixtri l-proprjeta' tal-fond tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li ttrasferew ir-residenza u l-karta ta' l-identita' tagħhom minn Malta għal Għawdex xahar b'xahar, mill-1 ta' Mejju 2005 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, l-istatistika dwar trasferimenti ta' indirizzi ma tinżammx xahar xahar, iżda f'perijodi ta' sitt xhur. Għaldaqstant mit-tagħrif disponibbli jidher illi minn April sa Settembru 2005, kien hemm 191 persuna li ttrasferew ir-reġistrazzjoni tar-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex ma' l-Uffiċċju Elettorali, li jamministra l-proċess ta' ħruġ u tibdil tal-Karta ta' l-Identita' u pubblikat fir-Reġistru Elettorali, filwaqt li minn Ottubru 2005 sa Marzu 2006 kien hemm 89 persuna u minn April sa Ottubru 2006 kien hemm 237 persuna.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru jew ġew rappurtati reati f'Paceville u fil-madwar din is-sena? X'tip ta' reati kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' l-2006, il-Pulizija kellha rapporti dwar 467 reati li jidhru li seħħew ġewwa Paceville. Dawn kienu jinkludu attentati ta' offiżi, offiżi fuq il-persuna, ħsara volontarja, offiżi relatati ma' droga, falsifikazzjoni, offiżi relatati ma' immigrazzjoni, offiżi sesswali, serq u ksur ta' buon ordni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu mobile phones din is-sena u kemm minnhom ġew solvuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija li nsertqu 1,719 mobile phones.
Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata.