Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industriji — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid separatament fil-mument kemm huwa n-numru ta' ħaddiema fil-qasam ta' l-Agro Industrija, ta' l-industrija ta' l-iproċessar tax-xorb, tabakk u ta' l-ikel f'Malta u Għawdex rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ għax-xahar ta' Ġunju 2002.

Self Employed

Question

Jista' il-Ministru jgħid separatament, fil-preżent kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u ta' self employed fil-food retail f'Malta u Għawdex rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, fl-aħħar ta' Ġunju 2002, f'Malta kien hawn l,561 ħaddiem u 971 self-employed li kienu jaħdmu fil-food retail filwaqt li f'Għawdex kien hemm 43 ħaddiem u 76 self-employed.

Self Employed

Question

Jista' il-Ministru jgħid separatament, fil-mument, kemm huwa n-numru tal-ħaddiema u tas-self employed reġistrati ma' l-ETC bħala, butchers, dulċiera, kokijiet, bejjiegħa tal-laħam, ħut, frott u ħaxix, green grocers, caterers, furnara, take-aways u tuck-shops f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta-mpjegati u self-employed li f'Ġunju 2002 kienu reġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ bħala butchers, dulċiera, kokijiet u furnara. Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni ma żżomx l-informazzjoni mitluba separatament dwar bejjiegħa tal-laħam, ħut, frott u ħaxix (green grocers), caterers, take-aways u tuck-shops peress li ħaddiema f'dawn l-operati huma nklużi f'setturi ekonomiċi oħra differenti.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament u li hija marida b'mod akkut jerġa jiġi investigat mill-ġdid il-każ tagħha għall-assistenza finazjarja tal-mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36234 f'Seduta Numru 803.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-futur qarib hux ser joħorġu xi postijiet għall-kiri? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid meta u f'liema lokalita' se jkunu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-policy ġdida ta' l-Awtorita' tad-Djar hi li tgħaddi postijiet għal kiri lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati lil persuni fuq il-lista.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jistax id-dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar jikkunsidra li jsir tibjid tal-partijiet komuni tal-post li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Housing

Question

B'riferenza għall-file HAA 60/98, jista' il-Ministru jgħid jistax jindika meta ser jiġi żviluppat dan il-plot mill-housing authority, stante li matul dawn l-aħħar sentejn baqa' l-istatus quo, dejjem b'riferenza għas-suġġett tat-talba magħmula mill-persuna li ismu qed jintbagħat separatament u li tinsab fl-imsemmi file?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art in kwistjoni qed tiġi mħammla u qed jinbena boundary wall. Huwa proġettat li fi żmien sena u nofs il-bini fuq l-istess plot ikun lest.

Wages Councils — Kundizzjonijiet ta' l-impjiegi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk issa fid-dawl tal-liġi l-ġdida dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali, hux se jkun hemm reviżjoni ta' legal notices dwar kundizzjonijiet ta' l-impjiegi, eċċ. li kienu ġew introdotti b'riżultat ta' deċiżjonijiet minn wages councils?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-liġi l-ġdida dwar il-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg u tar-Relazzjonijiet Industrijali tipprovdi għall-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi. Il-funzjonijiet tal-Bord huma:- a. li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar xi standard nazzjonali minimu ta' kondizzjonijiet ta' l-impieg, bl-iskop li tidħol f'ordni ta' standard nazzjonali; b. li jagħmel rakomandazzjonijiet lill-Ministru dwar kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' settur, b' l-għan li dan is-settur jiġi regolat; c. li jagħti pariri lill-Ministru fuq kull ħaġa li jkollha x'taqsam mal-kondizzjonijiet ta' l-impieg jew fuq hwejjeg riferiti lill-Bord mill-Ministru. Huwa mistenni li dan il-Bord jagħmel rakomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa biex jaġġornaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm illum hawn persuni il-fuq minn 61 sena li qed jaħdmu? Kemm minn dawn huma nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawn huma impjegati u kemm self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Mejju 2002 in-numru ta' ħaddiema jaħdmu full-time il-fuq minn 61 sena kien ta' 1,000 li minnhom 231 kienu nisa u 769 kienu rġiel. Mill-231 mara 130 kienu self-employed filwaqt li 101 kienu mpjegati u mis-769 raġel 358 kienu self-employed filwaqt li 411 kienu mpjegati.

Ħarsien tas-Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi mill-istrutturi tal-ħarsien tas-sigurta` u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol biex jissorveljaw il-plant room tal-pixxina nazzjonali fejn wires ta' l-elettriku jixxarbu regolarment mill-ilma li jiskala mis-saqaf mill-ilma ta' min ikun qed jieħu shower b'periklu għall-ħajja tal-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol biex jinvestigaw il-każ.

ETC

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew boarded out din is-sena, persuni li kienu qed jaħdmu u kemm dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' persuni li ġew mogħtija pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali matul il-perjodu 1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena kien ta' 688. Inżid ngħid li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija.

Politika Soċjali — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba. Iżda jekk l-Onor. Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikulari, nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.

GATT Licence

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 35462, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif se taffetwa l-pensjonanti u l-familji ta' dħul baxx u medja l-għoli tal-prezzijiet tal-prodotti tal-laħam aħmar li ġabet din il-forma ta' levy (Gatt licence) wara sħubija ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf l-Onor. Interepllant iż-żieda fl-għoli tal-ħajja li tingħata kull sena tkun ibbażata fuq it-tibdil ta' l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut li jipprovdi l-miżura uffiċjali ta' l-inflazzjoni. Għalhekk, żidiet fil-prezzijiet ta' prodotti, tkun xi tkun ir-raġuni, jittieħdu in konsiderazzjoni biex jiġi determinat l-ammont ta' żieda għall-għoli tal-ħajja li jingħata.

Aġenzija Appoġġ — Kera

Question

B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 36208, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' kera li qiegħed jitħallas mill-aġenzija Appoġġ? Kemm hu stmat il-valur tax-xogħol li qiegħed isir fl-istess blokk? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-nefqa kurrenti fuq il-kera ta' l-uffiċini kollha ta' l-Aġenzija Appoġġ hi Lm28,240 fis-sena. Il-kera tal-blokk il-ġdid ser tkun ta' Lm9,840 għall-ewwel sena u Lm19,680 għall-erba' snin ta' wara. Wara dan il-perijodu il-kera tiżdied kull tlett snin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relattiv.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'gara mill-applikazzjoni għall-housing soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament peress li sal-lum, jigifieri snin wara, il-persuna indikata għadha mingħajr risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma oħrajn li għandu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Benefiċċji Supplimentari — Gżira

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatagħlu l-benefiċċju supplimentari? X'tibdil kien hemm fiċ-ċirkostanzi li seta wassal għal dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix intitolata għall-Allowance Supplimentari għax ma tissodisfax it-test tal-meżżi. Ninsab infurmat ukoll li ma kienetx intitolata għal din l-Allowance lanqas is-sena l-oħra għall-istess raġuni.