Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21241 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Deposit Protection Scheme

Question

Billi l-Gvern qed jippjana l-implimentazzjoni sħiħa sas-sena 2002 tad-Deposit Protection Scheme għad-depositi tal-pubbliku mal-banek f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk implimentazzjoni sħiħa tfissirx Cover F immedjat u sħiħ sa dak iż-żmien tad-depositi kollha li jkunu jikkwalifikaw mal-banek in konformita' mad-direttiva applikabbli ta' l-UE? Il-Gvern bi ħsiebu jitlob xi derogi dwar dan lill-UE? Sar xi assessment ta' l-impatt finazjarju ta' din il-miżura fuq il-banek lokali? X'inhi r-raġuni li meta trid tinħoloq din l-istruttura ġdida fl-NPAA ma sar ebda provvediment dwar chapter 3 - Free Movement of Services - fit-tabella 223 li titkellem dwar assessment finanzjarju ta' l-implimentazzjoni ta' kapaċita' amministrattiva biex jitwettaq l-acqius?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Working Group koordinat mill-Bank Ċentrali li jinkludi fih rappreżentanti tal-banek f'Malta u l-assoċjazzjoni tagħhom ilhom għal dawn l-aħħar xhur jaħdmu dwar kif tista' tiġi mwaqqfa Deposit Protection Scheme f'Malta. Il-Working Group mhux biss għamel assessment tal-impatt finanzjarju fuq il-banek iżda wkoll ra metodi kif l-iskema tista' tkun konformi mad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra żviluppati li jħaddmu skemi bħal dawn.
Leg 9 PQ #21251 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Central Bank — Central Bank Workers Union

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Karma f'liema stadju waslu n-negozjati bejn il-Bank Ċentrali u s-Central Bank Workers Union? X'qiegħda titlob l-Union? X'inhu lest li jikkonċedi l-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li hemm medjatur fil-kwistjoni li teżisti bejn il-Management u l-Union Ħaddiema Bank Ċentrali u hemm tama ta' soluzzjoni fil-qrib.
Leg 9 PQ #21252 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Interim From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Salarji u Benefiċċji oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'żidiet ħadu fis-salarju u f'benefiċċji l-Gvernatur u l-General Managers tal-Bank Ċentrali f'dawn l-aħħar sentejn? Ġew offruti żidiet simili lill-ħaddiema fi gradi oħra fil-Bank Ċentrali, l-MFSC u l-MSE u lic-Chairman tal-MFSC u lic-CEO tal-MSE?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #21253 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Central Bank

Question

B'riferenza għall-kummenti li saru mill-Ministru, f'liema stadju wasal il-propost trasferiment tal-Banking Regulation mis-Central Bank għall-MFSC? Xi spiża hemm involuta f'dan it-trasferiment? Il-ħaddiema li ser jiġu trasferiti ser jiġu offruti salarji u benefiċċji simili għal dawk li jgawdu ħaddiema mal-MFSC? Il-membri tas-Central Bank Workers Union li jibqgħu jaħdmu l-Bank Ċentrali ser jingħataw benefiċċji simili?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm l-Gvern irid li jkun hemm regolatur finanzjarju wieħed - kif kien ħabbar fl-1994 - għada ma ġietx iffissata data għall-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni. Għaldaqstant id-dettalji li talab l-Onorevoli Interpellant dwar din il-kwistjoni għadhom mhux magħrufa.
Leg 9 PQ #21197 Sitting 429 2000-11-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Collective Agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiswa lill-gvern fi flus il-collective agreement f'reviżjoni tal-pagi tal-ħaddiema tal-gvern u li jibda minn Jannar 2001? Kemm hemm impjegati ġo kull skala u kemm se tiswa lill-gvern kull żieda li se tingħata lill-impjegati li hemm ġo kull skala individwali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dwar in-nefqa lill-Gvern b'riżultat tal-Ftehim Kollettiv li jibda f'Jannar 2001, it-tagħrif diġa ngħata fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 16,768. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, t-tagħrif dwar impjegati f'kull skala qiegħed jinġabar u se jkun ippubblikat f'appendiċi fl-Estimi 2001. Għall-bqija, qatt ma sar ezerċizzju biex tiġi stmata l-ispiża mitluba fil-mistoqsija.
Leg 9 PQ #20721 Sitting 428 2000-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Refunds

Question

Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament teħtieġ immedjatament il-pagament dovut lilha mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni bħala refund, jista’ l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan il-bżonn?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onor. Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament.
Leg 9 PQ #21158 Sitting 428 2000-11-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Public Sector Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 21001

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan hu suġġeriment li għamlet il-GRTU fil-proposti tagħha għall-budget u li, bħal suġġerimenti oħra ġie diskuss fil-laqgħat tal-MCED li saru bi preparazjoni għall-budget.
Leg 9 PQ #21089 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ħlasijiet mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sa l-aħħar ta' Ottubru 2000, kien hemm xi pendenza fil-ħlasijiet li jsiru mill-Gvern lill-Knisja dwar it-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha li jitħallsu mill-Vot tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni 16-4024? Jekk iva, kemm huma dawn il-pendenzi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onorevoli Membru jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #21090 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Teżor — Garanziji - Letters of Comfort

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar, 2000 kienx hemm garanziji u/jew letters of comfort li ħarġu mit-Teżor? Jekk iva, jista' jagħti lista ta' dawn il-garanziji / letters of comfort, il-valuri tagħhom u l-entitajiet li kienu nvoluti?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija parlamentari nru. 19383 f'seduta 375 illi fiha kont tajt id-dettalji kollha sena b'sena tal-garanziji u letters of comfort li għandu l-gvern mal-banek. Qiegħed n'updatja din il-lista biex għas-sena 2000 ngħati l-pożizzjoni dettaljata, hekk ikun hemm iktar stampa ċara tal-movimenti minn Jannar sal-lum billi xi self jiġi re-organizzat jew amalgamat flimkien. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista għall-perjodu 1996 sa s-sena 2000.
Leg 9 PQ #21012 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Spetturi

Question

Billi madwar xahrejn ilu saru l-intervisti għall-ingaġġ ta' spetturi tal-VAT fid-dipartiment tal-VAT, jista' l-Ministru jgħid: (a) ta' min hu r-responsabbilita' li joħorġu r-riżultati ta' dawn l-intervisti? (b) meta se joħorġu r-riżultati ta' dawn l-intervisti? (c) meta se jsir ir-reklutaġġ ta' dawn l-ispetturi?(d) kemm se jiġu reklutati spetturi tal-VAT?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Għażla għall-ingaġġ ta’ spetturi tal-VAT intbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru skond il-proċeduri u r-riżultati ser jinħarġu dalwaqt. Ir-reklutaġġ ser isir skond il-ħtieġa tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #21034 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-salarji li qed jiġu offruti lil accountant prospettivi mat-Tax Compliance Unit huma negozjabbli? Huma 'l fuq mis-salarji ta' Professional Officers li huma pegged magħhom? Huwa minnu li wara li ġew offruti ċerti pakketti ta' salarji lil dawn l-accountants il-proposti tat-Tax Compliance Unit ġew imblukkati mill-Public Service Commission? Huwa minnu li biex jiġi megħlub dan l-ostaklu ċerti applikanti magħżula ġew mitluba jirreġistraw bħala self-employed sakemm jiġu sormontati dawn il-problemi? Jikkonferma li dan mhux eżempju tajjeb meta t-TCU li taqa taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tal-Finanzi qed tipprova ssib mezz kif iddur mar-regolamenti tal-Public Service Commision propju fejn jidħlu salarji u nċentivi oħrajn relatati, aktar u aktar meta il-Gvern innifsu biħsiebu jdaħħal regolamenti ġodda dwar il-fringe benefits fil-ġejjieni qarib?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onerevoli Interpellant li:- 1. Is-salarji li ġew offruti lil-accountants prospettivi mat-Tax Compliance Unit huma negozzjabbli ġo fixed band li tirrelata mal-għola skala ta’ accountant mat-Tax Compliance Unit. 2. Il-livell ta' accountants huwa ugwali ma oħrajn li diġa jeżisti fis-settur pubbliku. 3. M’hux minnu li wara li ġew offruti dawn il-pakketti ta’ salarji lil dawn l-accountants il-proposti tat-Tax Compliance Unit ġew imblukkati mill-Public Service Commission. 4. M’hux minnu li biex jiġi megħlub dan l-ostaklu ċerti applikanti magħżula ġew mitluba li jirreġistraw bħala self-employed. 5. Le ma nikkonfermax. Il-fatti huma li dawn il-professional officers inklużi l-accountants ġew offruti kuntratti sabiex jissuplixxu servizzi lit-Tax Compliance Unit bil-ħsieb li wara ċertu żmien u dejjem bi qbil bejn il-partijiet, il-kuntratti jistgħu jinbidlu f’kuntratti ta’ mpjieg wara li jiġu osservati r-regolamenti u l-proceduri kollha tal-Public Service Commission.
Leg 9 PQ #21054 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

AttXVII/1993 — Trasferiment ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: (a) kemm inħarġu kontijiet addizzjonali għal atti ta' dikjarazzjoni ta' trasferiment ta' proprjeta' b'causa mortis mil-leġislazzjoni ta' Att XVII/1993 'l hawn xahar b'xahar u għal kemm kienu jammontaw; (b) kermm minn dawn ġew kontestati; (c) kemm minn dawn ġew konklużi bi ftehim; (d) kemm minn dawn inġabru flus f'taxxa u kemm f'penali; (e) kemm minn dawn ġew kontestati quddiem il-board of special commissions; (f) kemm minn dawk kontestati quddiem il-board of special commissions intrebħu mill-gvern u kemm intrebħu mill-kontestant?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tabelli li juru n-numru ta' kontijiet (claims) causa mortis li:- a) ħarġu xahar b'xahar mill-leġislazzjoni ta' l-Att XVII ta' l-1993 huwa kif jidher f'tabella "A" għal Malta u "AA" għal Għawdex. b) In-numru ta' kontijiet kontestati (objections) matul il-perjodu huwa kif jidher f'tabella "B". c) In-numru ta' l-oggezzjonijiet li kienu konklużi bi ftehim matul l-istess perjodu huwa kif jidher mit-tabella "C". d) L-ammont ta' taxxa li nġabret huwa kif jidher f'tabella D (i) waqt li l-ammont ta' penali (taxxa addizzjonali) huwa muri f'tabella D (ii). e) Kont wieħed biss kien kontestat quddiem il-Bord ta' Kummissarju Speċjali u dan kien irtirat mill-istess kontestanti.
Leg 9 PQ #21055 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Att XVII/1993 — Trasferiment ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: (a) kemm inħarġu kontijiet addizzjonali għal atti ta' bejgħ/trasferimenti inter vivos mil-leġislazzjoni ta' Att XVII/1993 'l hawn - xahar b'xahar; (b) kemm minn dawn ġew kontestati; (c) kemm minn dawn ġew konklużi bi ftehim; (d) kemm minn dawn ġew kontestati quddiem il-board of special commissioners; (e) kemm minn dawk kontestati quddiem il-board of special commissioners intrebħu mill-gvern, u kemm intrebħu mill-kontestant?

Response (DALLI, JOHN)

Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru : In-numru tal-kontijet addizzjonali claims għall-atti ta' trasferimenti inter vivos mid-data tal-legislazzjoni ta' Att XVII ta' l-1993 'l hawn maħruġa xahar b'xahar huwa kif jidhru f'Tabella "A" għal Malta u Tabella "AA" Għawdex. In-numru ta' claims li kienu kontestati (objections) huwa kif dettaljat fit-Tabella "B". L-Oġġezzjonijiet li kienu konklużi huma kif jidhru fit-Tabella "C". Lista "D" turi n-numru ta' appelli quddiem il-Board of Special Commissioners. Minn numru ta' appelli ta' quddiem il-Bord ta' Kummissarji Speċjali tlett (3) każi inqatgħu favur il-kontestanti filwaqt li tnejn (2) inqatgħu favur il-Gvern. Il-ħames każi jinsabu kontestati quddiemil-Qorti tal-Appell.
Leg 9 PQ #20994 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Iċċekkjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'iċċekkjar isir mill-Bank Ċentrali li flus li nkunu nħarġu minn Malta biex ikunu importati prodotti minn barra, l-oġġetti tassew ikunu importati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali ma jagħmel ebda iċċekkjar, għax transazzjonijet bħal dawn huma approvati direttament mill-aġenti awtorizzati (banek u ċerti istituzzjonijet finanzjari liċenzjati). Biss, fuq struzzjonijiet tal-Bank Ċentrali, f’dawk il-każi meta l-ammont imsarraf ikun jeċċedi l-Lm20,000, u l-merkanzija tkun diġa daħlet Malta, l-impurtatur irid jippreżenta lill-aġent awtorizzat konċernat, fattura u d-dokument oriġinali tad-dwana imsejjaħ ‘Customs Release Order’. Huwa d-dmir tal-aġent awtorizzat li jivverifika li l-ammont, kif ukoll id-dettalji kollha li jidhru fuq il-fattura, jaqblu mad-dettajli kollha li jidhru fuq id-dokument tad-dwana li permezz tiegħu tkun ġiet irrilaxxata l-merkanzija. F’dawk il-każi fejn l-impurtatur ikun qed jagħmel pagament minn qabel ma tidħol il-merkanzija f’Malta, dan, bil-liġi, għandu sitt xhur sabiex jippreżenta lil aġent awtorizzat id-dokument tad-dwana fuq imsemmi. Fil-kas li l-impurtatur jonqos li jagħmel dan, barra li jiġi rrapurtat lil Bank Ċentrali, huwa jiġi blacklisted ma’ l-aġenti awtorizzati kollha, jiġifieri ma jkunx jista’ jagħmel ebda transazzjoni oħra.
Leg 9 PQ #21000 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Prezz taż-Żejt

Question

Jista’ l-Ministru jelabora dwar dak li ġie irrapportat li qal waqt konferenza politika f'Ħaż-Żabbar nhar il-05.11.2000 li għandu jkun hemm mekkanizmi li jiżguraw li meta jogħla l-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali, għandhom jitieħdu passi biex titnaqqas id-domanda domestika, aktar u aktar billi intqal li jkun fl-interess nazzjonali li jitwaqqaf mekkaniżmu bħal dan?

Response (DALLI, JOHN)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant illum jifhem li hu fl-interess ta' pajjiżna li meta prezzijiet ta' 'commodities' bħaż-żejt jgħolew, pajjiżna ma jistax jibqa' għaddej bl-użu u l-konsum qisu m'hu qed jiġri xejn. Naħseb ukoll li l-Onorevoli Interpellant illum jifhem li dan ma jinkisibx billi noħolqu s-sitemi ta' projbizjoniżmu ta' apparat li jaħli ż-żejt, bħalma għamlu amministrazzjonijiet qabilna, u li għalhekk is-sistema għandha tkun li f'pajjiżna jkollna mekkaniżmu ta' prezzijiet li biħ meta l-prezz jgħola, l-pajjiż inaqqas il-konsum, u meta l-prezz jitbaxxa, igawdi minnu l-konsumatur.
Leg 9 PQ #21038 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Ħlasijiet — Periti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil Kamra kemm tħallsu flejjes lill-periti sena b'sena mill-1992 'l hawn fuq spezzjonijiet ta' propjeta' li kienu l-oġġett ta' transferimenti inter vivos u kemm tħallsu flejjes lil periti sena b'sena mill 1992 'l hawn fuq spezzjonijiet ta' propjeta ta' transferimenti b'causa mortis?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika separata tal-ħlasijiet li jsiru lill-periti għal valutazzjonijiet tagħhom għal dawk li kienu trasferimenti inter vivos u dikjarazzjonijiet causa mortis u hawn taħt qed tingħata l-informazzjoni tal-ħlas globali li sar għall-inkarigu tagħhom mill-1993 minħabba li l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti kien ippublikat fis-16 ta' Lulju 1993, għalkemm il-provvidementi kellhom jitqiesu li bdew iseħħu mill-25 ta' Novembru 1992. SENA AMMONT (LM) 1993 28,767.28,0 1994 30,390.66,0 1995 49,630.65,0 1996 61,697.20,0 1997 87,912.20,0 1998 69,980.35,0 1999 84,973.50,0 2000 (sa Ottubru) 69,357.00,0
Leg 9 PQ #21044 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru tal-Finanzi

Middle Sea Insurance — Shares

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-arranġamenti biex jitqassmu x-shares tal-Middle Sea Insurance li kellu l-ex-Mid Med Bank u li kienu għaddew għand il-Gvern, u li eventwalment kienu ġew imwiegħda li ser jitqassmsu lix-shreholders ta' l-ex-Mid Med Bank?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara li ntgħelbet id-diffikulta legali dwat stockholders residenti barra minn Malta l-offerta għandha tiftaħ għall-aħħar ta' dan ix-xahar.
Leg 9 PQ #21049 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Att XVII/1993 — Trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jemenda Att XVII/1993 sabiex fit-trasferiment ta' proprjeta' kawża ta' mewt, il-perijodu ta' żmien li fih is-CIR għandu dritt jibgħat perit jispezzjona proprjeta' u joħroġ kont addizzjonali jonqos għal sena u jiġi fuq l-istess linja bħal fil-każi ta' trasferiment ta' proprjeta' inter vivos?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumplikazzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet causa mortis żgur li jirrikjedu żmien aktar milli hemm provdut dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti għar-rigward it-trasferimenti inter vivos. In-numri ta' fondi u l-frazzjonijiet ta' proprjeta' u kumplikazzjonijiet oħra minħabba dispożizzjonijiet testamentarji żgur li jagħtu lok għal żmien itwal minn dak provdut fil-każ ta' trasferimenti inter vivos. Il-kelma stima fil-provvediment tal-Att qed talludi għall-kont li l-Kummissarju jista' joħroġ fuq id-dikjarazzjonijiet causa mortis u mhux għal xi stima li l-Kummissarju jinkariga lil xi wieħed mill-periti biex jagħmel għal dik li hi proprjeta mmobbli. M'għandux ikun li l-perit idum snin biex iwettaq l-inkarigu tiegħu u l-Kummissarju se jara li l-istima fejn ikun meħtieġ isir fi żmien raġjonevoli ta' xhur u mhux snin minn mindu tkun reġistrata d-dikjarazzjoni causa mortis.
Leg 9 PQ #21051 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Spontaneous Declarations

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fadal li jinħadmu spontaneous declarations (NITTS) li ddaħħlu mad-Dipartiment tat-Taxxa sa Ottubru, 1995?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-formoli li daħlu ġew ipproċessati ħlief għal xi waħdiet li għadhom miżmuma minħabba diffikultajiet tekniċi jew legali. Min għad għandu l-każ mhux finalizzat, jista' jikteb lid-Dipartiment biex ikun mistħarreġ u possibilment konkluż.
Leg 9 PQ #21058 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Bini — Werrieta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 20809 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li meta persuna tmut u tħalli postijiet (bini) mikrija lill-werrieta, il-bini jiġi stmat skond il-kera li jkunu qegħdin idaħħlu flok jiġi stmat il-bini?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond ir-Regoli ta' l-1993 dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti il-valur tal-proprjeta' fid-data rilevanti li fil-każ ta' dikjarazzjoni causa mortis fid-data tal-mewt għandu jkun il-prezz medju li dik il-proprjeta' kienet iġġib li kellha tinbiegħ fis-suq liberu f'dik id-data wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha li jolqtu lil dik il-proprjeta' u fl-istima li jagħti l-perit il-fatt li l-proprjeta' tkun mikrija jittieħed in konsiderazzjoni fost fatturi oħra.