Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ dwar Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Każ dwar Blue Sticker

Question

Tista' il-Ministru tara li tinħareġ blue sticker fuq persuna li tieħu ħsieb anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Blue Sticker tinħareg lill-persuni b’diżabilita’ li jkollhom nuqqas sever ta’ mobilita’, wara li jiġu nvistati u ċertifikati mit-tabib tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, u mhux lil min jieħu ħsiebhom. Dwar il-każ speċifiku li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li l-anzjana in kwistjoni ma aċċettatx li tattendi għal vista msemmija u għalhekk l-applikazzjoni għall-Blue Sticker ma tistax tkompli tiġi proċessata.

Awtorita' tad-Djar — Xiri ta' Post

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' xiri ta' post mill-Housing Authority ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20871 f’Seduta Numru 435, dwar l-istess suġġett. Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għadha qed tistenna l-awtorizzazzjoni mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex tkun tista’ tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.

Persuni bid-diżabilita' ta' autism

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex f'każ ta' persuni bid-diżabilita' ta' autism mhumiex intitolati għall-affarijiet gluten freemeta 80% ta' dawn il-persuni jenħtieġu din it-tip ta' dieta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Immigranti Illegali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn immigranti illegali jgħixu f'open centres illum u kemm jiswew lill-gvern fuq medda ta' xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hawn 1,415 immigrant irregolari jgħixu f'Open Centres u li dawn iċ-ċentri jiswew madwar Lm62,000 fix-xahar.

Awtorita' tad-Djar — Xogħlijiet f'residenza

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-awtorita' tad-djar u dan sabiex isiru x-xogħlijiet ta' irranġar u titjib fir-residenza tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet l-ordni lill-kuntrattur biex jagħmel ix-xogħol li mistenni jibda fit-13 ta' Novembru 2006.

Awtorita' tad-Djar — Kuntratti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw u kemm saru kuntratti bejn l-Awtorita' tad-Djar u s-sidien privati li biegħu l-proprjeta' lill-istess awtorita' tad-djar? Tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li saru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 35 offerta biex tixtri postijiet privati. Minn dawn 6 ma kienux jissodisfaw il-kriterji stabbiliti. Ninsab infurmata wkoll li, għalkemm ġie rakkomandat li l-Awtorita’ tixtri żewġ proprjetajiet, s’issa għadu ma ġie finalizzat ebda kuntratt.

Awtorita' tad-Djar — Sidien Privati

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw sidien privati u saru konvenji biex l-istess sidien privati jbiegħu proprjeta' lill-Awtorita' tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21455 f'din l-istess seduta. Ninsab infurmata li s'issa għad ma sar ebda konvenju.

Awtorita' tad-Djar — Sidien Privati

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex sidien privati jbiegħu l-proprjeta' lill-Awtorita' tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-inizjattiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hi maħsuba biex tħajjar sidien ta' proprjeta' mmobiljari jbiegħu lill-Awtorita' tad-Djar, proprjeta' li tkun lesta minn kollox u li idejalment tkun fil-qalba ta' l-ibliet u l-irħula, jew proprjeta' delapidata fil-qalba ta' l-ibliet u l-irħula biex tiġi rranġata jew titwaqqa u tinbena mill-ġdid. Din il-proprjeta' imbagħad tiġi offruta mill-Awtorita' għall-bejgħ bi prezz issussidjat taħt l-iskema ta' Shared Ownership, jew għall-kiri lill-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali. L-applikanti jridu jipproduċu pjanti tal-proprjeta' approvati mill-MEPA u evidenza li huma l-proprjetarji assoluti tal-proprjeta', il-proprjeta' ma jridx ikollha ebda piżijiet li ma jistgħux jitħassru qabel l-iffirmar tal-kuntratt u l-offerta trid issir fuq l-applikazzjoni.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' units li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21273 f'Seduta Numru 442.

Awtorita' tad-Djar — Professjonisti

Question

Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-collective agreement tal-periti, nutara, avukati u l-professjonisti kollha ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, fl-Awtorita' tad-Djar, m'hemmx collective agreement li jkopri l-kategoriji ta' mpjegati li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Karozzi Mikrijin

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm karozzi mikrija fid-dekasteru tagħha, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kiri ta' postijiet lill-awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Minsitru tgħid kemm hemm sidien privati li applikaw biex jikru lill-awtorita' tad-djar? X'inhuma l-kondizzjonijiet li qed jiġu imposti mill-awtorita' tad-djar lil dawk is-sidien privati li jridu jbiegħu jew jikru lill-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li żewġ sidien applikaw biex jikru proprjeta’ lill-Awtorita’ tad-Djar. Il-kundizzjonijiet huma li: ·is-sidien iridu jipproduċu pjanti tal-proprjeta’ approvati mill-MEPA u evidenza li huma l-proprjetarji assoluti tal-proprjeta’; il-proprjeta’ ma jridx ikollha ebda piżijiet li ma jistgħux jitħassru qabel l-iffirmar tal-kuntratt; l-offerta trid issir fuq l-applikazzjoni; il-kirja trid tkun għal mhux anqas minn 10 snin.

Xiri ta' units

Question

Tisat' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar x'se jagħmel wara li jixtri units mis-settur privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-politika tal-Gvern dwar il-postijiet li l-Awtorita' tad-Djar ser tixtri mill-privat hi marbuta mal-politika li tippromwovi r-riġenerazzjoni tal-qalba ta' l-ibliet u l-irħula permezz tar-riabilitazzjoni jew rikostruzzjoni ta' proprjetajiet li bħalissa jinsabu vakanti u dilapidati, kif ukoll li tipprovdi akkomodazzjoni f'lokalitajiet ċentrali taħt l-iskemi ta' l-Awtorita'. Għalhekk, il-units iġġenerati minn din l-inizjattiva ser jiġu allokati skond l-iskemi u l-policies ta' l-Awtorita'. Partikolarment, il-ħsieb hu li l-proprjeta' akkwistata taħt din l-inizjattiva tiġi addattata f'units adekwati biex eventwalment jiġu allokati lill-anzjani li jkunu jeħtieġu akkomodazzjoni biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-qalba tal-belt jew raħal.

Awtorita' tad-djar — Għajnuna għal min jixtri dar

Question

Tista' il-Ministru tgħid u tispjega kif se taħdem l-inizjattiva fejn ġie magħruf fid-diskors tal-budget li l-awtorita' tad-djar se tiffinanzja jew tiggarantixxi sa Lm8,000 lill-persuni li jkunu jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom, imma li ma jkollhomx il-kapital kollu biex jieħdu loan mill-bank, meta hi taf li l-banek qed isellfu aktar minn massimu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji ta’ l-iskema li għamel referenza għaliha ser jiġu mħabbra aktar il-quddiem.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu maħsub li l-Awtorita' tad-Djar toħroġ units għall-bejgħ matul is-sena d-dieħla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, sas-sena d-dieħla, l-Awtorita' tad-Djar qed tippjana li jkollha aktar minn 400 unit. Dawn il-units huma kollha suġġetti għall-ħruġ ta' offerti u permessi meħtieġa.

Slum Clearance

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn mistenni jkun hemm proġetti ta' twaqqiegħ (slum clearance) biex wara jinbnew units ġodda matul is-sena d-dieħla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li tard is-sena d-dieħla mistennija jinħarġu l-offerti għall-proġetti ġodda ta’ slum clearance fl-Imsida u Bormla. Dawn il-proġetti mistennija jibdew is-sena ta’ wara.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Kumpanniji ta' reklamar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'kumpanniji ta' reklamar mill-ministeru u dipartimenti tagħha matul is-sena 2006? Tista' tgħid liema kienu l-aġenziji ta' reklamar li ġew użati u l-ispiża nvoluta f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li l-erba' persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jgħixu f'kamra waħda fil-Kalkara, jingħataw post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.