Jista' l-Ministru jgħid jekk id-discount store li għandu s-sinjal "opening soon" fi Triq Vincenzo Bugeja, Naxxar, għandux il-permess tal-Planning Authority u jekk għandux spazju għall-parking kif stipulat mil-liġi? Jekk le, jista' jara li dan l-istabiliment ma jinfetaħx qabel ma jkun hemm spazju skond il-liġi għall-parking? Dan minħabba li n-nies li joqogħdu fil-viċin diġa` għaddew minn ħafna problemi u inkonvenjent meta dan is-supermarket kien operat minn owners oħrajn u minkejja li rrapportaw ħafna drabi lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar xorta kien baqa' miftuħ minkejja li ma kienx hemm parking space?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-discount store li saret referenza għalih huwa kopert b`permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, b`referenza PA 2676/95 datat 26 ta` Ottubru 1995. Skond kundizzjonijiet Nru. 4 u Nru. 9, il-livell tal-basement kellu jipprovdi post għal disa` parking spaces. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ma kienux qegħdin jiġu osservati, billi dan il-livell kien qiegħed jintuża, parti bħala store u parti oħra bħala estensjoni tal-ħanut, inħareġ Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 349/97 datat 10 ta` Ġunju 1997. Sar appell kontra dan l-Avviż, liema appell ġie deċiż fit-28 ta` April 1998, fejn ġie ikkonfermat l-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq. Ta` min jinnota li kienet saret ukoll applikazzjoni b`referenza PA 6908/97 bi proposta biex il-livell tal-basement kolpit bl-Avviż jiġi regolarizzat. Din l-applikazzjoni għadha pendenti quddiem il-Bord ta` l-Appell fuq punt ta` Liġi.
Irid jingħad li għalkemm twaħħlu xi sinjali li jindikaw li dan l-istabbiliment dalwaqt jibda jopera, l-Awtorita` mhux se tippermetti il-ftuħ mill-ġdid ta` dan l-istabbiliment mingħajr ma` l-kundizzjonijiet imposti jiġu osservati, jew is-sitwazzjoni tkun regolarizzata skond il-Liġi.
Peress li tliet pulizija pajżana daħlu għand familja bi żball wara li kellhom l-indirizz u n-numru tat-telefon korrett nhar is-sibt 11 ta' Mejju wara nofsinnhar, jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi investigat dan il-każ li d-dettalji tiegħu qed ngħaddi under separate cover?
Tista' issir apoloġija lill-familja konċernata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-ilment qed ikun investigat u l-familja ikkonċernata ser tkun infurmata bl-eżitu ta` l-investigazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet f'Jannar u Frar ta' din is-sena fejn persuni li qed jissokktaw sentenza ta' ħabs talbu għas-servizz tat-tabib u /jew għall-assistenza medika u ngħatalhom u kemm ma ngħatalhomx? Fil-każ li ma ngħatilhomx, x'kienu r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xhur ta` Jannar u Frar tas-sena 2002 kien hemm sebgħa mija u erbgħa u erbgħin (744) talba minn priġunieri biex jaraw tabib. It-talbiet kollha ġew milqugħa. Minn dawn kien hemm tmienja u sebgħin (78) li wara li inkitbu għat-tabib, meta issejħu biex jiġu eżaminati mit-tobba irrifjutaw.
Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu kien hemm ukoll mija u tnejn u għoxrin (122) talba ta` urġenza wara l-ħin normali tal-Clinic. Dawn kollha ġew milqugħa.
Jista' l-Kumitat ta' l-Ismijiet tat-Toroq jikkunsidra favorevolment li jsemmi triq ewlenija fl-Isla għal John F. Marks li kellu sehem ewlieni fil-ħajja kulturali, trejdunjonistika u politika tal-pajjiż l-iżjed fis-snin '20 u '30?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali 176 ta` l-1995, kull proposta ta` tismija ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita` u għalhekk din il-proposta trid tiġi ndirizzata lill-Kunsill Lokali konċernat.
Bħala Ministru responsabbli għall-awtorita' tal-ippjanar jista' jgħid b'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija tiegħi nru. 32949:
1 meta saret kull applikazzjoni?
2 minn min saret?
3 f'liema lokalita' tinsab kull lukanda/skola?
4 fil-każ tal-estenzjonijiet x'inhu x-xogħol prinċipali li intalab li isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jikkunsidrax li tinfetaħ għassa speċifikament f'Paceville fejn dan l-aħħar jidher biċ-ċar li żdiedu l-inċidenti serji ta' ġlied?
Jista' jara ukoll li dawk il-pulizija li jservu f'din l-għassa jkunu mħarrġa apposta biex jiffaċċjaw id-delinkwent, jieħdu ħsieb il-vittma u jkunu f'pożizzjoni li jikkontrollaw is-sitwazzjoni minnufih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`effett minn Settembru 2000, l-area ta` San Ġiljan inqatgħet minn mad-Distrett ta` Tas-Sliema, u saret Distrett ieħor tal-Pulizija, b`Supretendent għalih. Dan sabiex tkun tista` tingħata aktar attenzjoni mill-Pulizija f`din l-area, li Paceville minnha tagħmel parti. Ta` min iżid, illi fi tmiem il-ġimgħa, peress li l-attivita` tiżdied immens, il-Pulizija tagħmel użu minn Mobile Police Station sabiex jinqdew il-ħtiġijiet ta` din il-lokalita`, fil-ħin li l-aktar ikun hemm konċentrazzjoni ta` nies. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan huwa parti mit-taħriġ li jingħata fl-Akkademja tal-Pulizija. Il-possibilita` ta` ftuħ ta` għassa fil-lokal mhux eskluża jekk jinstab post għal hekk.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-membri tal-korp tal-pulizija jattendu l-kors tal-bidu meta jidħlu fil-korp dawn jingħataw kors ta' first aid?
Min huwa inkarigat minn dan l-aspett ta' taħriġ?
Għal dawk il-membri li kienu daħlu qabel ma twaqqfet l-akkademja tal-pulizija x'kien sar biex dawn ukoll jkunu mħarrġa fil-first aid?
Kemm saru refresher couses fil-first aid f'dawn l-aħħar tlett (3) snin u kemm il-membru tal-korp attenda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taħriġ li jingħataw ir-rekluti fil-Korp tal-Pulizija, jinkludi lezzjonijiet fil-first aid mit-tabib tal-Korp. Dan l-istess taħriġ jingħata ukoll fl-in services courses li jingħataw lill-membri tal-Korp. Infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar tlett snin kien hemm 35 in-service courses.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onorevoli Interpellant jippreċiżali x`tip ta` rapporti għandu f`moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta` tliet snin sħaħ, inkun nista` niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija bħalissa fil-korp?
Kemm hemm vakanzi f'kull rank tal-korp?
Kemm ilha l-aktar kull vakanza?
Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li jerġa' jiftaħ ir-reklutaġġ għall-:
a uffiċjali kadetti u
b kuntistabbli tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru tal-membri fil-Korp tal-Pulizija fil-preżent huwa 1,753. Infurmat ukoll illi jeżistu vakanzi fid-diversi rankijiet tal-Korp, u huwa maħsub li dawn jimtlew wara li jiġu valutati l-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in generali.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi żviluppi għall-ħruġ ta' permessi għall-bini fil-Qbajjar li fl-iskema għall-iżvilupp mill-1987, minn meta kienet ħarġet it-temporary provision schemes, li kienu ħarġu żewġ permessi nru. PB 2099/85/1085/84 u PB 2100/85/108/84 għal-parti mill-art?
Jikkonferma li din l-art m'hix qegħda tiġi kkunsidrata biex tiddaħħal fl-iskema tal-pjan lokali għal Għawdex?
X'inhuma r-raġunijiet għaliex din l-art m'hix tiġi inkluża fil-pjan ta' l-iżvilupp?
Response (BORG, TONIO)
Il-file PB 1085/84 jirreferi għal sit fil-Qbajjar, filwaqt li file PB 108/84 jirreferi għal sit ix-Xewkija u għalhekk ma huwiex relevanti għal mistoqsija.
Rigward file PB 1085/84, kien ħareġ permess fl-14 ta` Ġunju 1985 biex jinbnew appartamenti fil-Qbajjar. Il-permess kien ħareġ skond il-policies viġenti dak iż-żmien, li huma differenti minn dawk ta` illum. Dan il-permess kien validu sa sena waħda mid-data tal-ħruġ tal-permess, sakemm ma jkunx imġedded. Iżda dan il-permess ma ġiex imġedded u għalhekk skada u ma baqax validu. Il-bini approvat ma kienx inbena.
Ma hux propizju li l-Ministru jgħid liema art qed tikkunsidra l-Awtorita` dwar l-ambjent u l-ippjanar biex iddaħħal fl-iskema ta` żvilupp. Il-Bord ta` l-Awtorita` fil-ġimgħat li ġejjin għandu jiddiskuti l-Abbozz tal-Pjan biex joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jagħti definizzjoni eżatta dwar il-kelma teknika garigue?
Jekk kull blat jaqax taħt din id-definizzjoni?
X'inhu meqjus bħala art ikkultivata?
Liema records uffiċjali għandha l-awtorita ta' l-ippjanar dwar art agrikola, dwar jekk hix kultivata jew le?
Kemm-il talba saret għall-kostruzzjoni ta' gwiebi u kmamar tal-pompa taħt l-iskema tad-DNO mill-1 ta' Ġunju 'l hawn?
Kemm il-clearance ħarġet taħt l-iskema tad-DNO mill-1 ta' Ġunju 2001 'l hawn fiz-zona ODZ?
Jista' jikkonferma jekk il-Ġimgħa 21 ta' Diċembru 2001 kinietx ġurnata normali tax-xogħol? Jekk le, jista' jikkonferma f'liema ħin twasslet il-posta mill-awtorita?
Kemm minnhom ittieħdet deċiżjoni fi żmien 30 ġurnata kif stipulat fl-A.L. 126 ta' 2001?
F'każ ta' rifjut, semmi lokalita' b'lokalita' u r-raġunijiet li nġiebu għar-rifjut?
X'rimedju hemm għal min ma ħax risposta fi żmien stipulat u x'passi bi ħsieba tieħu l-awtorita' kontra minn qiegħed b'xi mod jabbuża mill-poteri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
1. Il-kelma "garrigue" hija t-terminu tekniku għal art xagħrija, jiġifieri art li hija magħmula minn blat fil-wiċċ u li aktarx fiha wkoll irqajja` ta` ħamrija. F`dan l-ambjent jikbru xtieli baxxi bħalma huma s-sagħtar, l-għansar u/jew pjanti simili.
2. Le
3. Art ikkultivata hija ħamrija li tkun imħawla u tinħadem għall-kultivazzjoni.
4. L-Awtorita` għandha ritratti meħudin mill-ajru, li juru l-art in kwestjoni u b`hekk jindikaw b`mod dirett jekk hiex art mibnija, xagħri, siġar, għelieqi, eċċ.
5. Saru 214-il talba għal żvilupp li jinkludi ġwiebi jew kmamar tal-pompi taħt l-iskema ta` l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp mill-1 ta` Ġunju 2001 `l hawn.
6. L-Onor. Membru mitlub jiċċara l-mistoqsija ġaladarba mhiex tiftiehem.
7. 42 clearance inħarġu fi żmien 30 ġurnata.
8. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif hekk kif mitlub.
9. Wara l-iskadenza ta` 30 jum, żvilupp li huwa kopert mill-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp jiġi meqjus bħala żvilupp permess, sakemm ikun konformi għal kollox mal-kundizzjonijiet kollha indikati fl-istess Ordni u mal-policies u pjanijiet approvati skond l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp. Iżda l-Ordni nnifisha tipprovdi illi l-Awtorita` xorta tibqgħalha s-setgħa li twaqqaf ix-xogħlijiet jew li tieħu azzjoni ta` infurzar jekk żvilupp ma jkunx konformi, sabiex "short cut" proċedurali bħalma hija l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp ma sservix bħala "loophole" li tkun tista` tagħti wkoll lok għal xi abbuż.
L-Onor. Membru huwa mitlub jindika għal liema abbuż qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-MCP car park fil-Furjana hux jikser kundizzjonijiet tal-permess tal-PA kif ukoll xi kundizzjoni tal-kuntratt li sar mad-dipartiment ta' l-artijiet? Jekk fl-affermattiv x'inhuma l-kundizzjonijiet miksura u x'qiegħed isir dwar dawn l-irregolaritajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tikkontendi illi xi partijiet mill-bini li sar fl-'air space' qed jaqbeż il-livell ta` Triq l-Assedju l-Kbir kif meħud matul it-talut (gradient) tagħha. Rigward dan il-punt kien ġie revokat parti mill-permess ta` Żvilupp li tirrigwarda dik il-parti tal-proġett u fil-21 t`April 1995 inħareġ Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq skond l-Att Nru.1 dwar l-Ippjanar. Il-każ kien mar quddiem il-Bord ta` l-Appelli dwar l-Ippjanar fejn iżjed tard il-kwestjoni spiċċat anke fil-Qorti ta` l-Appell. Min-naħa tagħha din il-Qorti ddeċidiet li terġa` tibgħat il-każ lura lill-Bord ta` l-Appelli dwar l-Ippjanar sabiex jinbeda smigħ mill-ġdid. Il-każ sa llum għadu pendenti quddiem dan il-Bord fejn l-aħħar seduta saret fit-8 ta` Mejju 2002. Għaldaqstant il-każ għadu 'subjudice'. Għalhekk kwalunkwe azzjoni li tista` eventwalment tittieħed tinsab sospiża sakemm jiġi deċiż dan l-Appell.
Għal dak li jikkonċerna d-Dipartiment ta` l-Artijiet ninsab infurmat illi minħabba ksur fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt f`dak li jirrigwardja l-livell ta` triq imsemmi hawn fuq, id-Dipartiment qed jieħu passi kontra l-kumpanija li tmexxi l-MCP car park.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33121 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe`: jgħid kemm kellna ħaddiema barranin differenti, sena b'sena, matul dawn l-aħħar għaxar snin, nazzjonalita' b'nazzjonalita?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti professjoni i) Maltin 2) Barranin fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Kemm minnhom huma marbutin li ma jaħdmux privat u kemm jitħallsu? i) Jekk jaħdmu wkoll privat u ii) jekk ma jaħdmux wkoll privat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Id-ditti legali imsemmija m`humiex marbutin li ma jaħdmux privat.
Il-konsulenti barranin huma marbutin li ma jaħdmux xogħol privat li jista` jirriżulta f`kunflitt ta` interess mal-funzjonijiet tagħhom fl-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jara kif sejjer jigi rranġat il-ħajt tas-sejjiegħ li ilu
mwaqqa snin b'periklu għan-nies li jinsab wieħed fi Triq il-Kurtellaz u l-ieħor fi Triq
il-Mitħna, Mosta? Jarax li f'każijiet simili għandu jkun hu stess li jara min hu sid dawn il-ħitan biex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa skond l-istess liġijiet kif indikati fil-kap. 10 tal-liġijiet ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant lill-awtoritajiet kompetenti.
Dipartiment tal-Proprjeta` tal-Gvern — Junior Legal Officer
Question
Jista' l-Ministru jagħtina informazzjoni kemm applikaw persuni għall-kariga ta' junior legal officer fid-dipartiment tal-proprjeta` tal-gvern? Kemm minnhom ġew magħżula u ġew impjegati? Min ma kkwalifikax ġie informat?
Response (BORG, TONIO)
L-applikazzjonijiet għall-impjieg ta` Junior Legal Officer ma kinitx fit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern imma fid-Dipartiment ta` l-Artijiet li jifforma parti mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħtina informazzjoni dwar kemm applikaw persuni għall-kariga ta' junior legal officer fid-dipartiment ta' l-artijiet (ċirkolari L346/98/3)? Kemm minnhom ġew magħżula u ġew impjegati? Min ma kkwalifikax ġie infurmat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`kollox applikaw disa` persuni għal kariga ta` Junior Legal Officer. Tnejn minnhom irtiraw l-applikazzjoni tagħhom qabel ma saru l-intervisti. Is-seba` l-oħra ġew intervistati mill-Bord ta` l-Għażla u bħalissa r-riżultat qiegħed jiġi proċċessat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33036 u cioe, jista' jgħid dwar il-huts ta' Dbiegi li
qegħdin limiti tal-Għarb, Għawdex, huwa minnu illi s-sidien ta' l-art fejn hemm mibnija
l-istess huts qatt ma tħallsu ta' l-art li tteħditilhom mill-gvern?
Sar kuntratt ta' espropriazzjoni u meta sar?
Huwa minnu li l-gvern ta' b'ċens temporanju posizjonijiet mill-istess art fejn inbnew
huts oħra għas-spejjeż taċ-ċenswalisti?
Jekk l-art sal-llum għadha tas-sidien u hemm il-biża' li spekulaturi ta' l-artijiet beħsiebhom
jixtru l-istess art mingħand is-sidien oriġinali, x'sejjer isir mis-sidien tal-huts, il-ħaddiema
impjegati magħhom u l-ispejjeż li nefqu fil-bini u rranġar tal-istess huts?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32934, ninsab infurmat illi hija l-Korporazzjoni Maltija ta` l-Iżvilupp li tista` tgħid jekk tatx b`ċens temporanju partijiet mill-istess art jew inkella x`qiegħed issir fuq din l-art. Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda informazzjoni rigward dan.
Rigward il-ħoss qawwi li qed joħroġ mid-disco Liquid f'Tal-Balal b'mod apert anke sa l-4.00 a.m., jista' l-Ministru jara li jsir xi bord tal-pulizija li jevalwa l-problema għaliex qiegħed jirrita ħafna residenti? Isiru ħafna rapporti lill-pulizija imma ma jidhirx li qiegħda tieħu azzjoni xierqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ilmenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, qed ikunu mistħarrġa mill-Pulizija skond il-liġi. Infurmat ukoll illi anke` kienu ttieħdu proċeduri quddiem il-Qorti.