Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24809 Sitting 533 2001-04-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Gambling Machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kaxxi tal-logħob (gambling machines0 għadhomx illegali? Jista' jgħid matul l-1999, is-sena 2000 u fl-ewwel xhur ta' din is-sena kemm ġew ikkonfiskati mill-pulizija? X'passi ttieħdu kontra s-sidien tal-ħwienet eċċ fejn instabu dawn il-makni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kaxxi tal-logħob magħrufa bħala gambling machines, huma permessibbli biss f`casinos. Ninsab infurmat ukoll illi bejn l-1 ta` Jannar 1999 u t-30 ta` Marzu 2001, il-Pulizija qabdet 46 minn dawn il-kaxxi f`postijiet fejn m`humiex permessibli, filwaqt li ttieħdu proċeduri kriminali kontra 36 persuna.
Leg 9 PQ #25051 Sitting 533 2001-04-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun hemm pulizija aktar mis-soltu stazzjonati Pacevilli meta jkun hawn vapur tal-gwerra amerikan fil-port? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-pulizija hiex tirċievi xi ħlasijiet konnessi ma dan ix-xogħol mill-awtoritaijiet tat-Turismu u jekk iva, kemm tħalsu s-sena l-oħra u din is-sena ta' dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta jkun hawn fil-port xi bastiment tal-gwerra Amerikan jew ta` xi pajjiż ieħor, jekk dan ikun fost il-ġimgħa, ikun hemm żieda żgħira ta` pulizija stazzjonati f`Paċeville. Filwaqt li fil-weekends, in-numru ta` pulizija ikun l-istess bħal ma jkun matul is-sena kollha. Infurmat ukoll illi l-Pulizija mhix qed tirċievi ħlas mill-Awtorita` tat-Turiżmu in konnessjoni ma` xogħol relatat ma` dawn il-bastimenti.
Leg 9 PQ #25052 Sitting 533 2001-04-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qrati — Baħrin Navali Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta' reati allegatament konnessi ġo pajjiżna minn baħrin navali barranin is-sena l-oħra u din is-sena? Jekk iva, minn liema pajjiż kienu? X'kien l-allegat reat u kemm tressqu baħrin il-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ġew eluf ta` baħrin f`105 żjara minn bastimenti navali militari ta` pajjiżi differenti. Il-Pulizija kellha biss żewġ rapporti dwar reati allegatament kommessi minn baħrin ta` forza navali barranija. Wieħed kien is-sena l-oħra, fejn żgħażugħ kien weġġa` ħafif wara li ntlaqat minn flixkun li allegatament twaddab minn qalb grupp ta` baħrin Amerikani. Il-persuna responsabbli ma kienx ġie rintraċċat. L-inċident l-ieħor kien din is-sena, fejn tfajla Irlandiża kienet weġgħet ħafif wara li kienet imbuttata minn baħri Amerikan u weġgħet ma` l-art. Dan kien ġie identifikat u arrestat, pero` t-tfajla nvoluta kienet irrinunzjat għal proċeduri kriminali.
Leg 9 PQ #24729 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru biex jinvestiga konflitti ta' interess meta persuni fl-Awtorita' ta' l-Ippjaanar, inkluż iċ-chairman, ikollhom xogħol ta' konsulenza fuq proġett li għandhom bżonn il-permessi ta' l-Awtorita' biex jimxu 'l quddiem? Fejn waslu dawn il-passi?

Response (BORG, TONIO)

S`issa mill-informazzjoni li jirriżulta lili, ma hemmx każi li fihom xi uffiċjali li kellhom jiddikjaraw xi nteress ma ddikjarawhx. Jekk l-Onor. Membru jaf b`xi każijiet fejn uffiċjali kellhom jiddikjaraw xi konflitt ta` interess u ma ddikjarawhx, nitolbu jinfurmani bihom.
Leg 9 PQ #25042 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

ALE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qabdu animali protetti il-membri ta' l-ALE s-sena l-oħra? X'tip ta' animali kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra t-Taqsima ta` l-A.L.E. tal-Pulizija qabdet 81 tajra protetta. Dawn kienu kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24723 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Delima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 24161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid jekk fl-aħħar xhur sarx xi xogħol biex jitneħħa r-radam li qed jidfen inħawi sħaħ f' Delimara? (Ara mappa mibgħuta separatament). Jista' jgħid jekk sarx xi xogħol biex jissewwew ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi u jitħawlu siġar ġodda flok dawk imqaċċtin u vandalizzati? Hemm xi ħsieb li jsir dan ix-xogħol? Jekk iva, meta?

Response (BORG, TONIO)

Rigward ir-radam, ninsab infurmat illi nħarġu diversi "Avviżi tat-Twettieq" kontra s-sidien u l-okkupanti meta dawn kienu magħrufa. Irid jingħad ukoll li qed isir ko-ordinament mal-Ministeru ta` l-Ambjent biex l-imsemmi radam jibda jitneħħa.
Leg 9 PQ #25009 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jaqdu dmirhom waqt ir-regatta tal-31 ta' Marzu 2001? X'tip ta' apparat ta' salvataġġ hemm fuq dan il-laneċ?

Response (BORG, TONIO)

Qatt ma saret talba sabiex laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jkunu preżenti waqt ir-Regatta tal-31 ta` Marzu la ta` din is-sena u lanqas fis-snin ta` qabel. Il-laneċ li jintużaw mill-Protezzjoni Ċivili huma mgħammra b`apparat għal kontra n-nirien kif ukoll inkwinament tal-baħar.
Leg 9 PQ #25036 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu jew se jittellgħu persuni il-Qorti talli ħallew jew insulentaw gwardjani lokali waqt li dawn kienu fuq xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 37 persuna li kontrihom ittieħdu proċeduri kriminali dwar ir-reati msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #25039 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Armi tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weġgħu nies kawza ta' arma tan-nar is-sena l-oħra? Kemm min dawn weġgħu waqt li kienu għall-kaċċa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 12-il persuna li sofrew feriti kawża ta` arma tan-nar. Minn dawn 5 kienu konnessi mal-kaċċa.
Leg 9 PQ #25040 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weġgħu nies kawża ta inċidenti tat-traffiku s-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 weġgħu 1,177 persuna f`inċidenti tat-traffiku, filwaqt illi matul is-sena 2001, sa Marzu, weġgħu 293 persuni. Dawn iċ-ċifri jinkludu inċidenti fatali.
Leg 9 PQ #25078 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern matul l-aħħar ħames snin sena b'sena, xahar b'xahar id-Dipartiment tal-Artijiet u l-Estate Management u għal xiex daħlu dawn il-flus u minn għand min?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant jinħtieġ ħafna ħin u ħafna riżorsi u ma jidhirlix li l-użu ta` dan il-ħin u riżorsi biex tinġabar din l-informazzjoni hu ġustifikat. Il-flus li jdaħħal id-Dipartiment ta` l-Artijiet f`isem il-Gvern huma kollha riżultat ta` kirjiet, ċnus, bejgħ, permessi, penali u ħwejjeġ oħra simili li jirrigwardaw il-proprjeta` tal-gvern. L-ammont globali li jiddaħħal kull sena huwa ppublikat fl-Estimi tal-Gvern.
Leg 9 PQ #25082 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu fl-aħħar għaxar snin il-periti mpjegati tad-dipartiment ta' l-artijiet u l-estate management bid-dati rispettivi tal-appointment u meta ntemm is-servizz tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-periti mpjegati mid-Dipartiment ta` l-Artijiet bejn l-1991 u l-1997 kienu kif ġej:- Briffa Alfred mit-08.04.1986 sad-29.04.1992 (irriżenja) Caruana Montaldo mit-22.06.1981 sas-26.01.1994 (irtira bl-eta`) Oscar Sciberras John mill-01.08.1975 sal-31.03.1997 Sutton Carmen mit-02.06.1994 sat-30.04.1995 (irriżenjat) Ix-xogħol tal-periti għadda f`idejn id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` f`Marzu 1997, meta dan id-dipartiment sar jifforma parti mit-Taqsima ta` l-Artijiet u Kostruzzjoni, illum magħrufa bħala Taqsima Proprjeta` tal-Gvern. Minn dak iż-żmien sal-lum, il-periti mpjegati fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` bejn l-1997 sas-sena 2001 kienu kif ġej:- Cilia Mario mill-01.03.1997 sal-31.08.2001 (irriżenja) Schembri Michael mill-01.08.2000 s`issa Sciberras John mill-01.04.1997 sat-23.10.1997 (assuma l-kariga ta` Direttur Ġenerali) Scotto Stefan mit-30.04.2000 s`issa
Leg 9 PQ #24708 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

AAMS — Kollezzjonisti ta' l-Armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-ħidma li kienet qed issir ma' l-AAMS biex jinbidlu r-regolamenti u l-liġijiet rilevanti biex il-kollezzjonisti ta' l-armi jkunu jistgħu jgawdu d-delizzju tagħhom? X'qed iżomm milli jsiru l-bidliet meħtieġa? Xi problemi hemm? Xi sforzi qed isiru biex jinstab tarf tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħda tiġi finalizzata White Paper dwar is-suġġett. Din ser tingħata lill-għaqdiet konċernati qabel il-pubblikazzjoni għal konsultazzjoni.
Leg 9 PQ #24712 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Naxxar - Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji l-post nru. 22 Triq Żenqa, Naxxar ingħata l-permess li jibdlu f'garaxx meta suppost li l-bini f'dik in-naħa huwa riżervat għal ħwienet? Min talab il-permess? Min ħareġ il-permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sit in kwestjoni jinsab fi blokka bini koperta b`permess PA 4108/96 maħruġ fit-13 ta` Frar 1997. Skond il-pjanti approvati, fil-pjan terran inbnew numru ta` ħwienet. Wara spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta` l-infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ġie nnutat li l-fond in kwistjoni għadu mhux komplut (l-art għada torba) u qatt ma nfetaħ bħala ħanut. Peress li fuq ix-'shutter' hemm il-kliem 'Garage No Parking', is-sid ġie avviċinat mill-uffiċjal imsemmi dwar l-allegat bdil fl-użu. Is-sid qal li l-fond qatt ma ntuża bħala garaxx. Għaldaqstant qegħdin isiru verifiki biex wieħed jikkonferma jewle dak li qal is-sid u eventwalment jiġi deċiż jekk hemmx lok ta` aktar passi skond il-Liġi ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #24949 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mounted Police

Question

Rigward il-mistoqsija parlamenti nru. 24907, jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti tad-domanda nru 24907 (jiġifieri fuq liema kriterji jiġu magħżula biex jagħmlu dan ix-xogħol) u jgħidx jidirlux li din hi sitwazzjoni ġusta?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid kemm il-darba, it-tqassim ta` doveri lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jsir skond il-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali.
Leg 9 PQ #25006 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kunsill Lokali - Tarxien

Question

Wara li fit-22/9/00, il-Kunsill Lokali Tarxien ippubblika sejħa għall-offerti għal xiri ta' post biex jintuża bħala l-Uffiċini Amministrattivi ġodda tal-Kunsill u wara li fil-11/10/00 intgħażlet l-iżjed offera vantaġġjuża u mmedjatament saret it-talba lill-Ministri tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u dak tal-Finanzi għall-approvazzjoni ta' self mill-Bank biex fis-17 ta' Jannar 2001 saret l-awtorizzazzjoni ta' self mill-Ministri konċernati peress li fil-25/10/00 saret sottomissjoni lill-planning authority għall-permess ta' change of use minn class 5 Shop għal class 5 offices bi ħlas ta' Lm 120 li ġiet acknowledged fit-13/11/00 u peress li l-arranġamenti mal-Bank għal self saru bl-eċċezzjoni li l-istess bank irid l-approvazzjoni tal-planning authority biex jipproċedi imma sal-lum, jiġifieri 5 xhur wara, il-planning authority għadu ma pproċessax l-applikazzjoni tal-Kunsill bil-konsegwenza li l-Kunsill għadu jistenna b'idejh marbuta u jħallas Lm 6 kuljum kera għal-post li qed jokkupa. Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-dewmien fil-ħruġ tal-permess meħtieġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant (PA 5817/00) ġiet validata fit-13 ta` Novembru 2000 kif indikat u fis-6 ta` Diċembru 2000, ir-rapport ingħadda għall-endorsement. F`dan l-istadju ġiet indikata l-ħtieġa ta` pjanti addizzjonali li jindikaw il-layout tal-parkeġġ fit-triq u landscaping plan li jassisti għall-użu sħiħ tat-triq. It-talba saret u l-pjanti rikjesti ġew sottomessi fl-aħħar ta` Frar 2001. L-applikazzjoni ġiet diskussa u approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fit-18 ta` April, 2001.
Leg 9 PQ #25018 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar serq, lokalita b'lokalita u ġimgħa b'ġimgħa matul dawn l-aħħar 6 xhur? Jista' l-Ministru jikklassika s-serq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #25021 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex saru u x'irriżulta mill-investigazzjoni li saru mill-pulizija fl-isptar Monte Carmeli fit-30 ta' Marza 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b`riżultat ta` l-investigazzjoni tal-Pulizija li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, persuna ser titressaq il-Qorti b`akkuża ta` pussess ta` droga.
Leg 9 PQ #25028 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Traffic Management

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' traffic management li qiegħed isir fi Spencer Hill, Marsa, huwiex kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa relatat ma` proġett li preżentament qed tagħmel il-Korporazzjoni Enemalta. Dan jinvolvi il-bini ta` Ċentru ta` Distribuzzjoni Elettrika u li huwa kopert bil-permess ta` żvilupp PA 0423/00. Bħala parti minn dan l-iżvilupp, l-Enemalta kien jinħteġilha li twettaq 're alignement' tat-toroq fl-inħawi skond pjan propost u li fost affarijiet oħra jinvolvi t-tneħħija tal-blata li hemm fir-'roundabout' ta` nofs it-triq. Fil-frattemp ix-xogħol ta` 'traffic management' li sar s`issa bl-awtorizzazjoni tal-Pulizija u tad-Dipartiment tat-Toroq, huwa biss mod temporanju sakemm isir il-qtugħ neċessarju tal-blat. Sadanittant qed isiru diskussjonijiet dwar il-fażijiet differenti ta` kif għandu jiġi attwat il-'Construction Management Plan' in vista taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fl-inħawi.
Leg 9 PQ #25032 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-sittax il-sena ġo postijiet ta' divertiment fejn mhux suppost jidħlu, din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Marzu 2001, kien hemm 17-il persuna taħt is-16-il sena li nstabu f`postijiet ta` divertiment mill-Pulizija.