Legislature:
Category:
Reset
Active:

Stipendju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudent li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux qed jingħata stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika 2005/2006 l-istudent imsemmi kien qed jattendi kors Mikiel Ang Refalo u kien jirċievi stipendju. Informat ukoll li din is-sena l-istudent konċernat qed jattendi l-MCAST u qed jirrepeti l-istess livell tas-sena l-oħra. Skond l-Avviz Legali, studenti li jirrepetu l-istess livell m'humiex intitolati għal stipendju.

MCAST — Kors dwar il-community

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru li ċerti studenti fl-MCAST li qed isegwu kors dwar il-community mhumiex qed jiġu mogħtija stipendju? Ma jaħsibx li dan qed joħloq inġustizzja u diskriminazzjoni fil-konfront tal-kategoriji ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond ir-Regolamenti studenti li qabel Settembru 2006 irċivew l-istipendju waqt li kienu jattendu xi kors, u f'din is-sena akkademika qegħdin jerġgħu isegwu kors ieħor ta' l-istess livell m'humiex intitolati għal stipendju.

Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jara jekk il-ħaddiema barranin li qed iqiegħdu l-kanen ħdejn il-play ground ta' Wied il-Għajn humiex kollha bil-ktieb tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig għamlet spezzjonijiet f’erba’ postijiet f’Wied il-Ghajn illum is-7 ta’ Diċembru 2006. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, instabu jaħdmu llegalment żewg persuni, wieħed minnhom pensjonant. Il-Korporazzjoni ser tieħu l-passi skond il-liġi kontra l-imgħallmin ta’ dawn il-ħaddiema illegali talli ma nfurmawx lill-Korporazzjoni bl-impjieg tagħhom.

Skejjel — Każi ta' Tehid ta' Droga

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi każi ta' pussess jew tehid ta' droga li ġew irrapportati fl-iskejjel ta' l-Istat, fl-iskejjel tal-knisja u f'dawk indipendenti, separatament, fl-ewwel term skolastiku s'issa? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma ġie rapportat l-ebda kaz ta' pussess jew teħid ta' droga ġewwa l-iskejjel imsemmija mill-Onor. Membru. Informat ukoll li l-awtoritajiet huma informati li 30 student fi skejjel ta' l-Istat u 6 studenti fi skejjel tal-Knisja allegatament jabbuzaw mid-droga. Informat ukoll li f'dawn il-każijiet issir ħidma mis-Substance Abuse Policy Team (SAPT) fi ħdan is-Safe Schools Programme (Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni) flimkien mal-Guidance Team u l-amministrazzjoni ta' l-istess skejjel. Fil-każijiet kollha l-carers ta' l-istudenti involuti ġew informati u offruti assistenza kemm mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll minn servizzi speċjalizzati speċjalment sedqa.

Skejjel Privati — Tagħlim ta' l-IT

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-gvern laħaq ma' erba' skejjel privati fil-qasam ta' l-IT sabiex jgħallmu studenti li applikaw għall-kors ta' l-IT fl-MCAST u ma ġewx magħżula fl-ewwel intake? Liema huma dawn l-iskejjel u kemm se jieħdu studenti kull wieħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Industrija, Investiment u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni. Informat ukoll li l-MCAST qed isegwi l-programmi ta' taħriġ li qed joffru l-istituzzjonijiet privati biex jizgura l-kwalita' tal-korsijiet.

Uffiċjali Edukattivi — Xjenza/PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena 2006 u s-sena 2005 kemm ħarġu applikazzjonijiet għall-uffiċjali edukattivi u f'liema suġġetti? B'mod partikolari meta ħarġu sejħiet għal suġġetti marbuta max-xjenza u l-PSD? Kemm applikaw f'kull każ u x'inhi r-raġuni li ħadd ma ġie magħżul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-2005 ħarġet applikazzjoni għal Uffiċjali Edukattivi fis-suġġetti kif jidher mill-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li fl-2006 ma ħarġet l-ebda applikazzjoni. Informat li applikazzjoni għal Uffiċjali Edukattivi tal-PSD ma ħarġitx fl-2005 billi dan il-post ma kienx vakanti. Il-Post ta' Uffiċjali Edukattivi fix-Xjenza ma nteliex fl-2005 billi ma applika ħadd. Il-post hu mimli minn persuna fuq bazi ta' aġent.

Għalliema tal-PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema livell qed jiġi mgħallem is-suġġett tal-PSD? Kemm qed isiru lezzjonijiet fil-ġimgħa f'kull livell fejn qed jiġi mgħallem? F'liema skejjel jiġi mgħallem dan is-suġġett? Jista' jgħid x'inhu l-futur ta' dan is-suġġett? Hemm vakanzi għal aktar għalliema tal-PSD?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PSD qed jiġi mgħallem fl-iskejjel kollha ta' l-Istat kemm fil-livell primarju u kif ukoll fil-livell sekondarju. In-numru ta' lezzjonijiet huma dawn: Primarja (Yrs 4 - 6): lezzjoni waħda fil-ġimgħa Sekondarja: Form 1 u 2 zewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa 3 sa 5 lezzjoni waħda fil-ġimgħa Il-ħiliet li qed jiġu mgħallma f'dan is-suġġett ser jibqgħu jiġu mgħallma. Informat ukoll li fil-prezent m'hemmx vakanzi għal aktar għalliema tal-PSD.

MCAST — Għalliem tal-Malti

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fl-MCAST, preċiżament fl-Istitut Business & Commerce, kien hemm studenti li għamlu madwar xahrejn mingħajr għalliem tal-Malti? Jekk fl-affermattiv, se ssir pressjoni fuq l-istudenti biex ilaħħqu l-kors tagħhom fi żmien iqsar minn dak ippjanat? Jekk ma jitlaħħaqx il-materjal rikjest, x'se jsir mill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem tal-Malti rrizenja meta s-sena skolastika kienet diġa' bdiet. Immedjatament ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet (mill-ETC) u kif inkiseb il-permess saru l-intervisti. L-għalliem ġie impjegat immedjatament wara li saru l-intervisti. Il-lezzjonijiet bdew fit-13 ta' Novembru. Informat li l-kurrikulu ġie strutturat b'tali mod li s-sillabu jitwettaq kollu u li l-istudenti ma jkollhom l-ebda pressjoni zejda.

Għaqdiet sportivi — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il għaqda sportiva talbet għajnuna finanzjarja matul din is-sena? Kemm intalab minn kull għaqda? Kemm-il talba ġiet aċċettata u kemm ġiet rifjutata? X'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena finanzjarja li għaddiet, il-KMS irċieva talbiet għal għajnuna mingħand 83 entitajiet għad-diversi skemi t’assistenza. Kien hemm total ta’ 27 talba għal skemi differenti li ma ġewx milqugħa minħabba lil-assistenza tkun ingħatat lill-KOM għall-parteċipazzjoni internazzjonali jew minħabba li t-talba ma tkunx skond il-kriterji ta' l-iskema. Informazzjoni dwar it-talbiet milqugħa skond l-iskema maħruġa mill-Kunsill Malti għall-iSport fis-sena 2005 għall-użu 2006 ingħatat f’ Mistoqsija Parlamentari 22054.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Direct Orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni għada qed tinġabar mid-diversi dipartimenti tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Trasport ta' l-Iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod konkret x'isir minn min hu responsabbli mit-trasport ta' l-iskejjel sabiex jaraw li l-kuntratt qed jiġi onorat u li qed jiġi osservat? B'mod speċifiku, jista' il-Ministru jara li t-trasport li jwassal studenti tal-form 1 min-naħa tar-Rabat għall-junior lyceum tal-Handaq u li għandu annex ġewwa Tas-Sliema, qed jimxi mal-kuntratt, speċjalment li ma jmurx għall-istudenti aktar minn siegħa qabel ma tibda l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel huma obbligati li jinfurmaw lid-Divizjoni meta xi xufier jew operatur ma jimxix skond it-termini tal-ftehim milħuq ħalli jittieħdu l-mizuri li hemm stipulati fil-ftehim. Minħabba fit-traffiku li jkun hemm kuljum filgħodu, it-trasport ta' l-istudenti li jattendu l-Junior Lyceum tas-Sliema fuq ir-rotta Rabat, Mtarfa, Attard qed jitlaq mir-Rabat fis-7.00 flok fis-7.15. It-trasport l-ewwel jiġbor lill-istudenti tar-Rabat, wara ta' l-Imtarfa imbagħad ta' Ħ'Attard u jibqa' sejjer lejn Sliema.

MCAST — Kunsill ta' l-Istudenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix kunsill ta' l-istudenti ġewwa l-MCAST? Jekk fl-affermattiv, kif jinħatar u kull meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel Kunsill ta' l-istudenti fi ħdan l-MCAST ġie ffurmat matul ix-xahar ta' Ottubru 2006. Kull Istitut għandu d-dritt jeleġġi rapprezentant għall-Kunsill. Il-Kunsill għandu mandat sa Ottubru 2007. B'hekk l-elezzjonijiet isiru f'kull bidu tas-sena skolastika.

MCAST — Diplomi/Ċertifikati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diploma u ċ-ċertifikati mogħtija mill-MCAST humiex rikonoxxuti sabiex persuna ssib impjieg kemm mas-settur privat kif ukoll ma' dak pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha ta' l-MCAST fil-maġġoranza tagħhom isibu xogħol malli joħorġu mill-MCAST. Dan għaliex min iħaddimhom jirrikonoxxi d-diplomi u ċertifikati li dawn jiġu mogħtija. Informat ukoll li aktar ma jgħaddi z-zmien aktar qegħdin naraw sejħiet għal postijiet ta' xogħol fejn jintalbu pubblikament il-kwalifiki ta' l-MCAST.

Mellieħa — Skola Primarja

Question

Tista' il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada tagħmel ix-xogħol meħtieġ ta' tqattigħ ta' blat fl-iskola primarja tal-Mellieħa biex jintrebaħ l-ispazju meħtieġ fil-bitħa ta' l-iskola biex isir mini-pitch tal-football u hekk ma jintilfux il-fondi li tat il-UEFA permezz ta' l-MFA lill-Mellieħa Sport Club?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-blat li għalih qed jirreferi l-Onor. Membru ma jiffurmax parti mill-għarja ta' l-iskola u għallura ma jistax ikun soġġett ta' xogħol li jista' jiġi allokat lill-FTS.

Scholarships

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19302 li saret fit-22/5/06 u 21350 li saret ft-23/10/06 li t-tnejn li huma għadhom ma ġewx risposti, jista' il-Ministru ġentilment jirrispondihom u jforni l-informazzjoni mitluba?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għar-rigward ta' dawk il-boroż ta' studju li jamministra l-Ministeru tiegħi u li ma jinkludux skambji taħt il-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Universita' ta' Malta. Għall-iskema ta' scholarships tal-Gvern ivvotajna Lm200,000 fl-Estimi.

MCAST — Kors ta' l-IT

Question

No question text.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li bħalissa qed isegwu kors ta' l-IT fl-MCAST huwa ta' 732. Barra minn hekk, 54 studenti se jibdew f'Jannar 2007. Informat ukoll li dawk kollha li riedu jibdew jattendu kors fl-IT fl-MCAST din is-sena ġew aċċettati kollha.

Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw għalliema, f'liema suġġetti u kemm minnhom ġew magħżula sabiex jibdew jgħallmu? Jista' jgħid x'vakanzi kien hemm u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema li ġew impjegati fl-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena skolastika 2006/7 huwa ta' 171 għalliem. Informat ukoll li fl-iskejjel primarji ġew impjegati 52 (inkluż ukoll għalliema waħda li ggradwat is-sena l-oħra) u fl-iskejjel sekondarji ġew impjegati 119. Informazzjoni dwar is-suġġetti li l-għalliema l-ġodda qed jgħallmu fl-iskejjel sekondarji ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' ta' Malta — Studenti tal-B.Educ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 22349 u jgħid jekk l-istudenti tal-B.Educ li se jiggradwaw is-sena d-dieħla mill-Universita' ta' Malta hux se jkunu jistgħu jkomplu sena oħra biex iġibu l-Masters jew inkella l-kors tal-Masters hux se jitwal b'sentejn, biex b'hekk jiġi mtawwal għal sentejn? Huwa veru li l-kors tal-PGCE se jitwal għal sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni, kif tagħmel minn żmien għal żmien tevalwa l-korsijiet tagħha. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet ta' din in-natura iżda s'issa l-ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet.