Peress li meta sar it-tisbiħ ta' Triq Santu Wistin ġewwa l-Bajja ta' San Ġorġ, madwar sentejn ilu, kienu saru bollards ħomor u faċċata tagħhom kien hemm erba' arbli li kollha kienu jixgħelu, pero' għal ftit tal-ġranet biss għax wara z-zona reġgħet baqgħet fid-dlam, jista' l-Ministru jara li dawn jerġgħu jibdew jinxtegħlu speċjalment issa li ġejjin il-Festi tal-Milied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Se nivverifika x'jista jsir fuq is-suġġeriment ta' l-Onor. interpellant.
B'riferenza għall-Economic Survey January-September 2004 Paġna 131, Chart 5.2 u Table 5.4, jista' il-Ministru jagħtina breakdown tal-kolonna "Others"?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn meta l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika bidel is-sistema għal waħda ta' sample surveys, li permezz tagħhom tinħareġ statistika fuq tourism departures, ma tistax tingħata breakdown ulterjuri għal fejn hemm indikat Others.
Jikkonsidra l-Ministru li jitpoġġa bust tal-Papa Piju V fil-Belt Valletta bħala ġest ta' rikonoxximent u tifkira lill-persunaġġ li għen bis-sħiħ għall-bini u t-twaqqif tal-Belt Valletta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-bust oriġinali tal-bronż tal-Papa Piju V huwa propjeta` ta' Heritage Malta u misluf lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u qiegħed espost fl-uffiċini tagħhom. Dan jiġi rritornat meta Heritage Malta ssaqsi għalih.
Is-Sindku tal-Belt kien għamel talba f'Lulju ta' din is-sena biex il-Cold Cast li kien qiegħed fl-istore jiġi mgħoddi lilhom biex ippoġuħ barra x'imkien fil-Belt.
Il-Bord ta' Heritage Malta aċċetta din it-talba b'dawn il-kundizzjonijiet:
li ma jsirux kopji oħrajn;
li dan il-bust Cold Cast jiġi mħares sew min xi ħsarat;
li l-Kunsill Lokali jidħol responsabbli;
li jekk hemm bżonn ta' xi permessi, din tkun responsabilta` tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jinformani kif id-dazji u tariffi/kwoti ġodda fuq l-importazzjoni tal-beef & veal minn non-EU countries se jaffettwaw is-settur tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma żżommx informazzjoni fuq dawn id-dazji u tariffi.
Jista' il-Ministru jinformani kif id-differenza fl-għoli tal-prezzijiet tal-beef & veal importati mill-Unjoni Ewropea se jaffettwa l-industrija tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma żżommx informazzjoni fuq dan is-suġġett.
Skond l-istħarriġ li jsir mill-Ministeru tat-Turiżmu, matul is-sena d-dieħla kemm hu mistenni li jogħla jew jorħos l-ikel u xorb li jisserva mill-food chains, ristoranti, eċċ, lokali għall-konsum tat-turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma żżommx informazzjoni fuq dan is-suġġett, anki għaliex f'Malta hawn suq ħieles.
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għandhom iħallsu fil-preżent?
Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-ħlas ta' pagamenti huwa proċess kontinwu fejn it-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta' l-ammonti pendenti irid isir il-proċess ta' l-estimi supplementari ta' kull Ministeru u Dipartiment f'nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena ikun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta' Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena il-ġdida.
Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti il-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma' kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta' xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bars f'Ħ'Attard li għandhom il-permess sabiex joperaw wara l-11.00pm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li skond ir-Regolamenti Dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ (LN 102 tal-2002) li jirregolaw il-ħinijiet tal-ftuħ ta' postijiet kummerċjali, kull stabbiliment tal-catering inkluż il-bars, jistgħu jibqgħu miftuħin sas-1 00 am. F' Ħat-Attard hemm 10 postijiet licenżati mill-Awtorita tat-Turiżmu bħalabars. Dawn huma:
Saracino's Cafe Bar
Black Stallion Bar
Highway Snack bar and takeaway
Paki's Snack Bar
Alan Glen Bar
Ta' Qali Marketing Centre Canteen
Mealy Bax
Corinthia Palace Hotel
Horace Bar
Mac's
Dar il-Mediterran — Inkonvenjent għar-residenti ta' l-akwati
Question
B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 9486, jista' l-Minsitru jikkonferma li l-air conditioners li se jiġu nstallati f'Dar il-Mediterran se jkunu ta' tip silent? X'se jiġri mill-air conditioners il-qodma?
Għar-rigward ta' l-inkonvenjenza lir-residneti minħabba mużika għolja li ġieli ddum sat-3 ta' filgħodu, (ir-residenti ilhom b'dan l-inkonvenjent għal dawn l-aħħar 6 snin), x'rimedju qed toffri Dar il-Mediterran?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għad-domanda parlamentari numru W106 jista' l-Minsitru jgħid għaliex m'huwiex prudenti jew etiku li tingħata l-informazzjoni mitluba meta ngħatat informazzjoni simili għal, tista' tgħid, l-impjegati l-oħra kollha ta' l-Awtorita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-salarju/fringe benefits taċ-Chief Executive ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu huwa kif ġej:
Salarju (Gross per annum) Lm 14,208
Allowance Taxxabbli Lm 5,000
Lm 2,500 (nfieq f'edukazzjoni għat-tfal)
Fringe Benefit Karozza
Benefiċċji oħra Telephone ċellulari
Telephone tad-dar
Assikurazzjoni Personali tas-saħħa BUPA (O'Seas)
Asikurazzjoni tas-saħħa għad-dipendenti tiegħu (Lokali)
Biljett ta' l-ajru (return / economy class) fis-sena, għaċ-Chief Executive u d-dipendenti tiegħu għal destinazzjoni żona 1 sa 5 ma' l-Air Malta.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuni li isimhom qed jingħata separatament kellhom l-impjieg tagħhom terminat filwaqt li studenti oħra nżammew? Jista' l-Ministru jispjega għaliex lil dawn imsemmja ngħatatilhom Termination Form tal-konsulenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 2004, l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma kellha l-ebda studenti mpjegati magħha. L-erba' persuni msemmija kienu service providers irreġistrati bil-VAT.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'investigazzjonijiet qed isiru dwar kontijiet tat-telefon ċellulari li huma fuq l-MTA, kontijiet f'ammonti ta' eluf kbar ta' liri? Jekk hemm bord ta' inkjesta, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx investigazzjoni oħra li tikkonċerna purchasing orders foloz li jirrisalu għas-sena 2003? Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Chief Executive hux konness ma' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9441 jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu ta' l-ispezzjonijiet ta' l-uffiċjali tal-MEPA u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn saru eżattament l-ispezzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-investigazzjonijiet tas-Sovrintendenza kienu jkopru iz-zona indikata fil-pjanti mehmuza.
Dawn l-investigazzjonijet qed ikomplu fuq din il-firxa ta' art kbira.
Kunsill tal-Kultura u l-Arti — Esebizzjonijiet minn Maltin
Question
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu jsir mill-Kunsill tal-Kultura u l-Arti sabiex jgħin u jinkoraġġixxi esebizzjonijiet minn Maltin kemm f’Malta kif ukoll barra? Jista’ jgħid ukoll kif għen u lil min f’din is-sena finanzjarja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-policy tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fir-rigward ta' eżibizzjonijiet minn Maltin hija li, wara li jkun ġie evalwat il-livell artisitiku tal-eżibizzjoni, il-Kunsill jipprovdi l-għajnuna kollha possibli. Dan isir b'diversi modi għalkemm ma jiġux applikati kollha f'kull każ. Jingħataw grants, jinbnew stages, jiġu mislufa boards u siġġijiet. Ġieli wkoll tittella eżibizzjoni sħiħa mill-Kunsill f'isem l-artist. Hekk sar per eżemju, fil-każ tal-Aboriginal Art Exhibition ta' Dr Giuseppe Schembri Bonaci. Fil-każ ta' l-artisti li jtellgħu installation barra minn Malta, l-Kunsill iħallas il-passaġġi ta' l-ajru ta' l-artisti. Hekk sar fil-każi ta' Norbert Attard li tela installation f'Ateni; Vince Briffa li tella eżibizzjoni f'Cork u Raphael Vella li tella eżibizzjoni f' The Hague.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tabella li telenka każi li ngħataw għajnuna biex itellgħu eżibizzjonijiet f'Malta.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm applikaw din is-sena għal-liċenzja bħala ‘host families’ biex jospitaw studenti barranin? Kemm ġew aċċettati? X’kienu r-raġunijiet li għalihom xi wħud ma ġewx aċċettati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi din is-sena saru 1,698 applikazzjoni biex familji jkollhom liċenza ta' host family. 1,688 ġew aċċettati u, wara l-proċess tal-applikazzjoni, nħarġitilhom il-liċenza mitluba. 10 ma ġewx aċċettati għax l-applikazzjoni kienet nieqsa mill-informazzjoni jew dokumenti meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kien hemm host families li tteħditilhom il-liċenzja minħabba xi nuqqasijiet? F’liema lokalitajiet? Kemm kien hemm ilmenti minn barranin għax ma kinux kuntenti bil-familji li kienu qed jgħixu għandhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 kien hemm host family waħda li ttieħditilha l-liċenza, erba' ġew immultati talli kienu qed jaħdmu mingħajr liċenza u sebgħa ġew immultati talli kisru l-kundizzjonijiet tal-liċenza.
Dawn kienu ħames familji minn Pembroke, tlieta mis-Swieqi u familja mill lokalitajiet ta' Birkirkara, Ta' Xbiex, Gżira u Buġibba. Total ta' tnax-il familja.
Ġew irreġistrati u investigati 43 ilment minn barranin li ma kienux kuntenti għal xi raġuni jew oħra bil-familja li kienu qed jgħixu magħha.
Jista' il-Ministru jgħid dawk il-fondi li nqatgħu minn holiday flats ma' l-MTA għandhomx il-kontijiet ta' l-ilma u d-dawl b'rati kummerċjali jew b'rati domestiċi? Jekk b'rati kummerċjali, jaf li huma diversi dawk l-abitazzjonijiet li preżentement huma vojta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu tinforma lill-Water Services Corporation b'dawk il-postijiet li ma jibqgħux liċenzati ma' l-Awtorita' biex jintużaw bħala holiday premises. Dan appuntu jsir biex ir-rati tad-dawl u l-ilma ma jibqgħux b' rata kummerċjali.
Billi jirriżultali li fl-Ambaxxata Maltija fil-Libja hemm numru ta' pitturi oriġinali ta' Edward Caruana Dingli u ta' Esprit Barthet, jistgħu dawn jinġiebu fil-mużew ta' l-arti f'Malta? Jekk hemm pitturi oħra simili, (f'ambaxxati Maltin oħra) jistgħu dawn ukoll jinġiebu Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-wiri ta’ xogħolijiet ta' l-arti ġewwa ambaxxati, dipartimenti u aġenziji tal-Gvern huwa fiħ innifsu fatt positiv. Dawn l-opri artistiċi jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali u huma meqjusin bħala fdati f’idejn dawn l-entitajiet.
Opra ta' l-arti tista tittieħed lura jekk jinħass illi mhiex eżibita f’post xieraq u fl-aħjar kundizzjoniet. Sa llum is-Sovrintendenza ma rċeviet l-ebda rapport li hemm opri ta’ l-arti għal wiri gewwa Ambaxxati Maltin li ma jsegwux dawn il-kriterji.