Miżbla tal-Magħtab — Skart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni
Question
Peress li l-Ministru ġie kkwotat li qal li l-iskart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni mhux se jitħalla jidħol il-Magħtab minn Lulju li ġej, jista' jgħid jekk dan ifissirx li se jingħata package 1 tat-tender tal-waste management? Jekk fl-affermattiv, meta se tingħata din it-tender?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' Package 1 ingħatat fit-8 ta' April 2003.
Jaf il-Ministru li fi Triq il-Wied Ħal Qormi hemm leak tad-drenaġġ? X'qed jagħmel id-dipartiment biex isolvi din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fi Triq il-Wied, Ħal Qormi m'hemm l-ebda leakage tad-dranaġġ, iżda meta tagħmel ħafna xita ikun hemm overflow f'Valletta Road, (quddiem Zammit Nurseries) u din l-overflow tibqa' niżla għal ġo Triq il-Wied.
F'hiex wasal il-pjan għat-tisfija tad-drenaġġ t'Malta u Għawdex? Meta huwa maħsub li se jibdew jitħaddmu l-impjanti meħtieġa? Fejn se jkunu mibnija? Kemm huwa maħsub li se jiswew?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li jinbnew tlett impjanti għat-tisfija tad-dranaġġ, wieħed f'Għawdex, wieħed fit-Tramuntana ta' Malta u wieħed fin-Nofsinhar ta' Malta. L-impjant ta' Għawdex ser jinbena fl-inħawi magħrufa bħala Ta' Mġarr ix-Xini. Is-siti ta' l-impjant li ser jinbnew f'Malta ser jiġu stabbiliti fil-ġimgħat li ġejjin.
L-impjanti ta' Għawdex u dak fit-Tramuntana ta' Malta huma ppjanti li jibdew joperaw għall-aħħar tas-sena 2005. L-impjant fin-Nofsinhar ta' Malta jibda jopera f'Marzu tas-sena 2007.
L-impjant ta' Għawdex hu mistenni li ser jiswa madwar 9 miljun Euro li parti minnu ser jiġi finanzjat mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea. L-infrastruttura fit-Tramuntana ta' Malta hija stmata għas-somma ta' 12.3 miljun Euro u ser tiġi finanzjata mill-Protokol Taljan, filwaqt li l-impjant fin-Nofsinhar ta' Malta huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar 70 miljun Euro.
Ħal Qormi — Triq San Bartolomeo - Ħruġ ta' drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-leakage ta' drenaġġ f'kantina fi Triq San Bartolomeo, Ħal Qormi fl-area tal-fond bin-numru 155?
X'għamel u x'qed jagħmel id-dipartiment biex tissolva din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dranaġġ fuq il-main tal-Gvern, irriżulta li m'hemmx ħsara. L-indikazzjonijiet huma li l-ħsara hija fil-house connection tal-fond imsemmi, għalhekk il-ħsara trid tissewwa mill-inkwilini nfushom.
Valletta — Triq Santa Lucia/Triq ir-Repubblika - taraġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-taraġ li sar fi Triq Santa Lucia kantuniera ma' Triq ir-Repubblika (fejn Pjazza l-Assedju l-Kbir) fil-Belt Valletta inqala' u ġie mibdul f'rampa meta l-iskop tat-taraġ kien li ma jippermettix vetturi jaqsmu Triq ir-Repubblika għax issir ħsara lil paviment u issa permess tar-rampa l-immanuvrar tal-vetturi ġie faċilitat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taraġ inqala' fuq insistenza tal-Kunsill lokali u tal-Pulizija sabiex il-bejjiegħa tal-Monti jkollhom minn fejn jidħlu u joħorġu. Ninforma lill-Interpellant ukoll li t-triq fil-fatt tingħalaq wara t-tluq tal-Monti, għalkemm ma hemmx sinjal tat-traffiku li jindika dan.
Jista' il-Ministru jispjega x'qiegħed jiġri fi Pjazza San Ġorg, fil-Belt valletta, proprju quddiem il-palazz presidenzjali fejn qiegħed jinqala' l-wiċċ tal-pjazza u b'hekk inħoloq inkonvenjent kbir għal kull min jgħaddi minn dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq talba tal-Kunsill Lokali tal-Belt, qiegħed jinbidel xi madum f'parti żgħira tal-pjazza li kien imkisser. Biss hemm il-ħsieb li jinbidel il-pavimentar kollu u b'hekk il-pjazza tintgħata facelift.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan għall-għeluq tal-Magħtab u tal-Qortin? Fejn huma l-postijiet differenti fejn se jintefa' l-iskart minflok dawn iż-żewġ postijiet? Fiex wasal il-pjan biex isir ix-xogħol meħtieġ fuq il-Magħtab u l-Qortin biex ma jibqgħux ikunu ta' periklu ambjentali fl-inħawi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan tal-Gvern għall-għeluq tal-Magħtab u tal-Qortin miexi kif imfassal fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart. Diġa' beda jiġi ddepożitat skart tal-bini fis-sit tal-Mejda u f'dak tal-Bellula għar-riċiklaġġ. Minn l-ewwel ta' Lulju mhux ser jibqa' jintrema skart ta' l-industrija tal-bini fis-sit tal-Magħtab.
Minbarra dan, qiegħed isir EIA sabiex jintagħżel l-aħjar sit għal engineered landfill. Qed ukoll jiġi mħejji pjan biex hekk kif is-siti tal-Magħtab u tal-Qortin jingħalqu, jiġu riabilitati u b'hekk ma jibqgħux ikunu ta' periklu.
Pieta' — Triq is-Sorijiet ta' l-Ursolini - Katusi mkissrin
Question
Jista' il-Ministru jibgħat ħaddiema sabiex jagħmlu x-xogħol urġenti li hemm bżonn f'Ursuline Sisters Street, f'Tal-Pieta' fejn hemm xi katusi mkissrin u b'hekk id-drdenaġġ qed jispiċċa fil-basement ta' dar privata li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tad-Dranaġġ ser isewwi l-ħsara li hemm fi Triq l-Ursolini, Pieta' għall-aħħar ta' din il-ġimgħa.
X'kienet l-ispiża sabiex jittella retaining wall fil-barriera ta' fejn il-Kwartieri ta' l-SAG f'Ta' Kandja? Kemm ilu jintefa radam f' din il-barriera? X'inhu d-dħul tal-Gvern minn dan ir-radam?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tfigħ ta' radam f'din il-barriera beda fis-27 ta' Marzu u waqaf fil-21 ta' Mejju 2003. Id-dħul tal-Gvern minn dan huwa stmat li ser jilħaq is-somma ta' Lm23,058.
Rigward ir-retaining wall, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku retaining wall li sar kien dak temporanju ġewwa l-barriera li ma sewa l-ebda spiża lill-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet trasferita' minn jew għal ma' l-unit tar-restawr fit-taqsima tax-xogħlijiet minn Jannar 1999 sal-lum? Minn liema dipartiment ġew dawn il-persuni u f'każ ta' transfers għal liema dipartiment inbagħtu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-transfers minn jew għal mal-Unit tar-Restawr, minn Jannar 1999 sa llum kienu kif ġej:-
Transfers għal mal-Unit tar-Restawr:-
1 minn mal-Coordination Unit
1 minn mal-Unit għas-Servizzi ta' Tisbigħ
2 minn mad-Districts Office
1 minn mal-Human Resources Branch
2 minn mat-Taqsima tas-Saħħa
1 minn mal-Housing Department
1 minn mat-Taqsima ta' l-Edukazzjoni
1 minn mad-Dipartiment tad-Dranaġġ
1 minn mal-Contracts and Procurment Section, fi ħdan id-Dipartiment tal-Finanzi u Amministrazzjoni.
Transfers minn mal-Unit tar-Restawr:-
2 għal mad-Districts Office, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzzjoni
1 għal mad-Dipartiment tad-Dranaġġ
2 għal ma' l-Agricultrual Services and Rural Development Division (meta ġew appuntati Senior Operatives).
Peress li minn rapporti ta' leakages ta' drenaġġ fiż-żona tad-Dawl f'Ħaż Żebbuġ, jista' il-Ministru jinvestighom biex titteffa l-problema kkwawżata lil numru ta' residenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara fawran ta' dranaġġ ġo żewġ residenzi fiż-żona tad-Dawl f'Ħaż-Żebbug ġie mnaddaf u qiegħed jiġi mbattal u mnaddaf bir li ġie ikkontaminat bid-dranaġġ ukoll.
Jista' il-Ministru jirrakomanda li l-art tal-Gvern li hemm bejn Triq il-Ponsjetta u Triq Lorenzo Manche' f' Ħ'Attard tiġi żviluppata f'żona ta' rikreazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ikkonċernat ser jikkonsidra s-suġġeriment tiegħu.
Jista' il-Ministru jħeġġeġ lill-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żebbuġ biex ilesti x-xogħol ta' culverts fiż-żona tal-Grazzja f'Ħaż Żebbuġ peress li x-xogħol li sar s'issa aggrava u mhux solva l-problema ta' flooding f'din iż-żona?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-proġett imħabbar biex jiġi żviluppat il-crafts centre f'Ta' Qali għadux se jsir? Fiex waslu t-taħdidiet li kienu għaddejjin mas-sidien?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-pjan dwar Pjazza Santa Margerita, f’Bormla li sar minn Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-1996, għadux bil-ħsieb li jsir? Jekk fl-affermattiv, jista’ għallinqas jagħti ndikazzjoni meta se jsiru x-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta' Pjazza Santa Margerita ser jitkompla s-sena d-dieħla wara li ngħataw il-permessi meħtieġa mill-MEPA.
Dan ix-xogħol kien waqaf peress li l-Kunsill Lokali ta' Bormla biddel il-pjan dwar it-tkomplija tal-proġett.
Jista' il-Ministru jindaga meta se jinbeda x-xogħol fuq is-sistema ta' drenaġġ fiz-zona ta' Dawret Ħaż-Żebbuġ peress li leakages fis-sistema qed joħolqu inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment m'għandux rapporti ta' xi leakages tad-dranaġġ f'Ħaż-Żebbuġ, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-isem jew ismijiet tat-toroq fejn qiegħed jgħid li hemm leakages tad-dranaġġ.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn għadu ma tkomplix ix-xogħol ta' culverts mibdi mill-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ peress li dan qed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti taz-zona tal-Grazzja, f'Ħaż-Żebbuġ? Jista' il-Ministru jagħmel pressjoni biex dan ix-xogħol jitlesta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrikkmanda li jitlesta x-xogħol li nbeda fiz-zona Tal-Grazzja, f'Ħaż-Żebbuġ biex tittaffa il-problema ta' flooding li jkun hemm kull meta tagħmel ħalba xita sew?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini aktar tagħrif dwar ix-xogħol li nbeda fiż-żona tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ għaliex is-Sezzjoni responsabbli ma bdiet l-ebda xogħol konness mal-problema ta' l-għargħar peress li din iż-żona taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħaġa pprogrammata sa l-aħħar ta’ din is-sena sabiex tittaffa l-problema tal-Magħtab?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura miexi mal-programm ta' l-istrateġija għall-immaniġjar ta' l-iskart u beda jnaqqas ir-rimi ta' l-iskart tal-bini fis-sit tal-Magħtab. Dan qiegħed iwassal biex aktar skart tal-bini jiġi ddepożitat fil-barrieri li m'għadhomx jintużaw, u skart ieħor jiġi depożitat b'mod li ma jagħmilx ħsara. Dan qiegħed jgħin biex tibda tittaffa l-problema tal-Magħtab.
Il-Ministeru qiegħed jieħu wkoll il-passi meħtieġa għar-riabilitazzjoni ta' dan is-sit.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-limiti ta' kemm tista' toħroġ bankina fi triq, kemm one-way jew two-way u jekk dawn il-limiti humiex qegħdin jiġu mħarsa fi Triq il-Knisja ħdejn il-Menqa f'San Pawl il-Baħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-wiesa' ta' bankina għandha tippermetti l-użu ta' wheelchair.
Ix-xogħol tal-bankini fit-triq imsemmija huwa f'idejn il-Kunsill lokali, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru kkonċernat.