Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta – Bord tal-Fakultà tal-Liġi — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Bord tal-Fakultà tal-Liġi, fl-Università ta’ Malta maħtura mill-Gvern bejn l-1999 u l-2003, kienux jirċievu xi ħlas? Jekk fl-affermattiv, kemm kien dan il-ħlas, inkluż il-perkaċċi kollha li kienu jgawdu minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li min-naħa tal-Università ta’ Malta, qatt ma saru ħlasijiet lill-membri tal-Bord tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta maħtura mill-Gvern bejn l-1999 u l-2003. Infurmat ukoll mit-taqsima tal-Accounts fi ħdan id-Dipartiment tal-Operat li ma nstabet ebda informazzjoni li fil-perjodu indikat saru xi ħlasijiet lill-membri ta' dan il-Bord maħtura mill-Gvern.

Segretarji Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni — użu ta' karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi uffiċjali li kienu jużaw is-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-Ministru tiegħu bejn it-12 ta’ Marzu 2008 u s-6 ta’ Jannar 2012 kenux jinkrew jew ġewxmixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienu l-karozzi? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienu mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozzi kienu nxtraw mill-Gvern u meta nxtraw? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija li saru fuq dawn l-istess karozzi matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok il-karozzi uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel għall-karozza/i li għamlu użu minnhom is-Segretarji Parlamentari matul il-perjodu indikat, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu bejn it-12 ta' Marzu 2008 u s-6 ta' Jannar 2012, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu Segretarju Parlamentari wieħed u vettura waħda – Volkswagen Passat, liema vettura kienet inxtrat mill-Gvern. Din kienet irreġistrata l-ewwel darba fl-2004. Infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li ma setax jinstab il-prezz tagħha. Intefqu €4,438.61 f’tiswijiet varji filwaqt li ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar jekk qattx inkrew karozzi biex jintużaw minflok il-karozza uffiċjali. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi intefqu €14,376 fuq fjuwil li bħala medja tammonta għal nefqa ta' €305.88ċ fi fjuwil fix-xahar, li huwa l-ekwivalenti għal 249.62 litru ta’ fjuwil fix-xahar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammonti ta’ fjuwil li ntuża u l-ispiża xahar b’xahar matul il-perjodu indikat.

Bordijiet sportivi – diretturi u membri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22459, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Kunsill tal-Malta Racing Club li wkoll jaqa’ taħt l-istess Ministeru? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas jew perkaċċi qegħdin igawdu dawn il-membri fi ħdan l-istess kunsill?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill tal-Malta Racing Club hu kompost kif ġej : Sur Edwin Borg (Chairman) Sur Anthony Demanuele (membru u Segretarju Ġenerali) Sur Ivan Carabott (membru) Sur George Farrugia (membru) Sur Fidel Dalli (membru) Infurmat ukoll li s-sinjuri li jiffurmaw il-Kunsill tal-Malta Racing Club ma jieħdu ebda tip ta` ħlas jew perkaċċi.

Korsa tal-Marsa – privatizzazzjoni u żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22458, jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Marsa Race Track Consortium ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nikkonferma li l-konsorzju li tefa’ l-unika offerta hija l-Marsa Race Track Consortium, ma hux etiku li sakemm tkun lesta l-evalwazzjoni, isiru n-negozjati u jkun sar id-due diligence ikun żvelat minn min hu magħmul dan il-konsorzju.

Ta’ Qali – Open Air Gym – pitch tal-football

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni neċessarja fl-open air gym ta’ Ta’ Qali u l-pitch tal-football li hemm ħdejħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li SportMalta tagħmel routine maintenance tal-magni tal-Open Air Gym. Fil-ġimgħatejn li ġejjin ser jinqalgħu erba’ magni li ġarrbu ħsarat minħabba l-elementi. Dawn ser jiġu rranġati mill-ħaddiema ta’ SportMalta. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-art tal-pitch tal-futbol kienet inbidlet f’April 2014 u sal-lum tinsab fi stat tajjeb.

Ministeru għal-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2004 sa Marzu 2013 ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant mill-Ministeru, id-Direttorati/Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 12 PQ #23258 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skemi għall-ħaddiema f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li matul is-sena 2015, f’xi żmien jew ieħor kienu fuq xogħol temporanju f’xi skema li ġiet introdotta għall-ħaddiema f’Għawdex? F’liema skemi kienu jaħdmu u x’kienu l-kundizzjonijiet ta’ kull skema u l-iskop ta’ kull skema li kien hemm matul is-sena 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #23259 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – ħaddiema fis-settur privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex matul is-sena 2012 u kemm hu llum? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu ċittadini Maltin u kemm minnhom kienu ċittadini barranin fis-sena 2012 u kemm minn dawn li qed jaħdmu llum fis-settur privat huma ċittadini Maltin u kemm minnhom huma ċittadini barranin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, in-numru ta' ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex li kienu jaħdmu 'Full time' u 'Part Time Only' fl-aħħar ta’ Diċembru 2012 u fl-aħħar ta’ Awwissu 2015, kif ukoll kemm minn dawk li jaħdmu huma ċittadini Maltin u kemm barranin, hu kif muri fit-tabella t’hawn taħt, u ċjoè: Xhur Ħaddiema fis-settur Privat Maltin Barranin Total Diċembru 2012 7,090 443 7,533 Awwissu 2015 7,652 921 8,573

Aġenzija Sedqa — investigazzjoni dwar allegat abbużi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru investigax dak li qal l-Awditur Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-possibilità ta’ abbużi fl-Aġenzija Sedqa fir-rigward ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu maħsub li jiġi żviluppat permezz tal-applikazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar PA 238/16 li saret mill-FTS? Min se jkun responsabbli għal dan l-iżvilupp?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ma ssottomettiet ebda applikazzjoni bir-referenza PA 238/16.

ETC – Bord tad-Diretturi u Chairman — remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) illum? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regola li 2% tal-ħaddiema impjegati f’kull azjenda jridu jkunu persuni b’diżabilità tapplikax ukoll għas-settur pubbliku peress li persuna li marret tiċċekkja l-ETC ingħatat ir-risposta li din ir-regola ma tapplikax għas-settur pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-liġi tapplika għal kulħadd, anke s-settur pubbliku. Jirriżulta li s-settur pubbliku huwa konformi ma’ din il-liġi hekk kif laħaq it-tnejn fil-mija.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – pakkett finanzjarju u perkeċċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji kollha tal-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra li kien jirċievi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sena b’sena, fi żmien li dam jokkupa l-kariga ta’ konsulent mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jista’ jagħti d-dati li matulhom l-istess persuna dam jokkupa l-kariga ta’ ambaxxatur? Jista’ jgħid jekk kienx intgħażel wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant kien intitolat għal mhux aktar minn Lm3500 (c. €8,153) fis-sena u ma kienx intitolat għal perkaċċi oħra. L-ammonti (ekwivalenti għall-Ewro) li rċieva fi ħlas mill-Ministeru tal-Edukazzjoni bejn l-1999 u l-2003 kienu kif ġej: 1999 - €7,870.95 2000 - €6,522.43 2001 - €5,435.36 2002 - €6,522.43 2003 - €5,435.36 Total - €31,786.53

Child Care Centre — ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’xi child care centre, li iżda għal xi raġuni jew oħra ma jieħdux lil uliedhom għal xi jiem fl-istess child care centre, qed jintalbu jħallsu tal-jiem li fihom ma jkunux ħadu lil uliedhom fiċ-ċentru? Kemm kien hemm ġenituri, f’kull child care centre separatament, li fil-fatt kienu mitluba jħallsu tal-jiem li fihom ma ħadux lil uliedhom fl-istess ċentru? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-ġenituri kenux infurmati minn qabel li jekk ma jieħdux lil uliedhom fiċ-ċentri msemmija kienu se jiġu mġiegħla jħallsu kif fil-fatt qed jintalbu jħallsu preżentament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu ftehim li jħallas iċ-Childcare Centres l-ammont kollu dovut jekk tifel/tifla jattendu mill-inqas 90% tas-sigħat li jkunu miktubin għalihom. Wieħed irid jirrimarka li l-ħruġ ta’ kontijiet għad-differenza huwa taċ-Ċentri u mhux tad-Dipartiment. Jekk it-tifel/tifla jattendu inqas minn 90% (għal kwalunkwe raġuni), id-differenza titnaqqas mis-sigħat ta’ absence allowance li ma jkunux ittieħdu. Sigħat ta’ absence allowance huma kkalkulati fuq bażi ta’ sena sħiħa u huma ekwivalenti għal 15% tas-sigħat ibbukkjati għas-sena. Hawn taħt tinstab lista tan-numru ta’ tfal li qabżu l-absence allowance. Ċentru Numru t a’ Tfal li qabżu l- Absence Allowance Little Einsteins Childcare Centre 1 Pyramid Childcare Centre 1 Barney's Playschool Childcare Centre 2 It-Tajra Childcare Centre 2 Little Tots Childcare Centre 2 Magic Wonders Childcare Centre 2 Neverland Childcare Centre 2 TLC Childcare Centre – Msida 2 Little Minds Childcare Centre 3 Magic castle Childcare Centre 3 Manucca Żejtun Childcare Centre 3 Nemo Childcare Centre 3 St. Joseph Day Childcare Centre 3 Stepping Stones Childcare Centre - B'Kara 3 Thi Lakin Childacre Centre 3 Tiny Tots Childcare Centre 3 Westin Kids Childcare Centre 3 ABC Childcare Centre 4 Il-Passju Childcare Centre 4 San Andrea Childcare Centre 4 Smiles Childcare Centre 4 Victoria Nursery Childcare Centre 4 L' Ecole Childcare Centre – Qormi 5 L'Ecole Childcare Centre- Żebbuġ 5 TLC Childcare Centre – Fgura 5 Jack and Jill Childcare Centre - B'Kara 6 Little Owls Childcare Centre 6 Smart from the Start Childcare Centre - B'Kara 6 Arzella Childcare Centre 7 Happy days Childcare Centre 7 Happy Kidz Childcare Centre 7 Ilwien Childcare Centre 7 Kid's Haven Childcare Centre 7 Nikki's Nursery Childcare Centre 7 Sharon's Childcare Centre 7 Smart from the Start Childcare Centre – Qawra 7 St. Cecilia's Childcare Centre- Attard 7 Il-Bebbuxu Childcare Centre 8 Jack and Jill Childcare Centre - Burmarrad 8 St. Cecilia's Childcare Centre – Tarxien 8 Stepping Stones Childcare Centre - M'Scala 8 Bee Smart Childcare Centre 9 Bright Sparks Childcare Centre 9 Child Jesus Childcare Centre 9 Il-Pespus Childcare Centre 9 Little Munchkins Childcare Centre 9 Nannakola Childcare Centre 9 Pepprina Childcare Centre 9 The Nursery Childcare Centre 9 Flutterby Childcare Centre 10 Il-Bejta Childcare Centre 10 Kidstart Childcare Centre 10 Stepping Stones Childcare Centre - Qawra 10 It-Tbissima Childcare Centre 11 Chiswick Childcare Centre 12 Mickey's Childcare Centre – Ħamrun 12 Mickey's Childcare Centre – Żejtun 12 Sam Sam Childcare Centre 12 Smart from the Start Childcare Centre - Gżira 12 Orange Tree Childcare Centre 13 San Luigi Childcare Centre 13 Stepping Stones Childcare Centre - Fgura 13 Newark Childcare Centre 15 The Play House Childcare Centre 15 Kaell's Childcare Centre 17 Il-Merill Childcare Centre 18 All Cee's Childcare Centre 21 Magic Steps Childcare Centre 21 Giggles Childcare Centre 22 Lelluxa Childcare Centre 22 Teddies Childcare Centre 23 Pizzi Pizzi Kanna Childcare Centre 25 Is-Sardinella Childcare Centre 26 San Anton Childcare Centre 28 Id-Denfil Childcare Centre 29 Jolly Jumpers Childcare Centre 29 Footsteps Childcare Centre 31 First Steps Childcare Centre 40 Yo Yo Childcare Centre 55 L-informazzjoni fuq l-absence allowance tinsab fit-termini u kundizzjonijiet tas-sistema għal min juża l-iskema tal-Free Childcare li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni hija wkoll aċċessibbli u pubblikata fuq is-sit elettroniku www.education@gov.mt .

Villa Portelli – xogħlijiet tal-MCAST

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ sigħat fi prattika li qed jagħmlu l-istudenti tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara skont il-kors partikolari li qed (jew kienu) isegwu bejn l-2013 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn l-2013 u llum, studenti li qed isegwu korsijiet fiċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi fl-MCAST kellhom dawn is-sigħat ta’ prattika bħala parti mill-korsijiet li segwew:- (A) Studenti tal-Probationary Officer Cadet Livell 3 – Taħriġ Fiżiku, tliet sigħat fil-ġimgħa matul is-sena kollha; hemm ukoll dawn is-suġġetti li fihom sezzjonijiet ta’ prattika li n-numru ta’ sigħat tagħhom jiddependi minn kemm l-istudenti jkunu kisbu l-għarfien meħtieġ qabel u waqt il-prattika: familjarizzazjoni bażika mas-simulators waqt it-tagħlim teoretiku dwar kif iħaddmuhom; u sezzjonijiet prattiċi ta’ tul konsiderevoli waqt is-suġġett tas-Seamanship, fejn jidħlu f’dettal dwar kif jiffurmaw l-għoqod b’tipi differenti ta’ ħbula, kif ukoll iġonġu, iġantu jew jiffurmaw ħbula ta’ għamliet u ħxuna differenti; (B) Studenti li segwew il-programm Officer in Charge of the Navigational Watch kellhom dan it-taħriġ prattiku: l-ewwel fażi – Taħriġ Fiżiku, tliet sigħat fil-ġimgħa matul is-sena; madwar ħames sigħat ta’ taħriġ prattiku fil-kors ta’ madwar tlettax-il siegħa msejjaħ Personal Survival Techniques; disa’ sigħat prattika fil-kors Fire Prevention and Fire Fighting; fit-tieni fażi l-istudenti kollha huma mitluba sabiex iqattgħu tnax-il xahar fuq il-baħar fuq ‘ocean going ships’, li matulhom ipoġġu fil-prattika dak li jkunu tgħallmu fl-ewwel fażi; u fit-tielet fażi, ikollhom sigħat ta’ prattika fuq is-simulators tan-NARAS (livell operazzjonali), fil-GMDSS, kif ukoll ħmistax-il siegħa prattika fil-kors tal-Proficiency in Survival Craft and Rescue Boat u fil-kors tal-Efficient Deck Handling, flimkien ma’ tnax-il siegħa prattika fil-kors Advanced Fire Fighting u għaxar sigħat fil-kors Medical First Aid. L-istudenti li jsegwu l-kors tac-Chief Mate ikollhom madwar ħames sigħat ta’ prattika fil-kors tal-Medical Care on Board u tnax-il siegħa prattika fil-kors Advanced Fire Fighting.

Villa Portelli – Xogħlijiet tal-MCAST

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-istat ta’ faċilitajiet li għandhom l-istudenti tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara? Infurmat il-Ministru jekk bħalissa hux qed isir taħriġ prattiku bħala parti mill-kors akkademiku tagħhom u jekk hemmx il-ħsieb li jinsab post alternattiv minħabba d-diffikultajiet li għandhom? Jekk iva, jista’ jgħid liema siti qed jiġu kkunsidrati, jekk hemmx timeline għat-translokazzjoni tal-apparat, jekk hemmx data meta se jibda t-tagħlim fil-post il-ġdid u jekk hemmx pjan sabiex fil-frattemp l-istudenti ma jaqgħux lura fl-istudju u t-taħriġ tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudenti taċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara għandhom dawn il-faċilitajiet: lecture rooms, l-apparat meħtieġ skont is-suġġetti tal-kors li qed isegwu, kamra mgħammra għall-Electronic Chart Display and Information System (ECDIS), simulators għas-suġġetti tan-NARAS u l-apparat ta’ komunikazzjoni meħtieġ għall-GMDSS, librerija, Seamanship Room bl-istorage room tagħha, scaffolding fil-Court Yard bħala parti mit-taħriġ fis-suġġett tas-Seamanship, u apparat meħtieġ ieħor bħal kompjuters, screens fejn tkun proġettata d-data, sistema ta’ internet u wifi, u parti fil-ġonna ta’ isfel fejn issir parti mit-taħriġ fiżiku. It-taħriġ prattiku kollu, li huwa parti integrali mis-suġġetti ta’ kull kors, qed isir b’mod regolari, u meta meħtieġ – bħal fil-kas tal-Fire Fighting u l-PSCRB - qed jintużaw faċilitajiet barra miċ-Ċentru, liema faċilitajiet huma approvati minn Transport Malta. Il-korsijiet ta’ filgħodu qed jingħataw kollha fiċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi.

Higher Secondary – studenti u amministrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta’ studenti fil-Higher Secondary sena b’sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jagħti rendikont sħiħ tal-amministrazzjoni kollha fil-Higher Secondary skont il-pożizzjoni li jokkupaw u l-iskala ta’ salarju rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f’Jannar ta’ kull sena f’dawn l-aħħar ħames snin, il-popolazzjoni tal-istudenti kienet kif tidher fit-tabelli t’hawn taħt, u ċjoè: Giovanni Curmi HSS - Naxxar 2012 1887 2013 1996 2014 1922 2015 1874 2016 1879 Sir M.A.Refalo 6 th Form, Victoria, Gozo 2012 574 2013 541 2014 543 2015 515 2016 499 Infurmat ukoll li l-amministrazzjoni tal-iskola bħalissa hi kif se nsemmi: Giovanni Curmi HSS: Kap + 8 Assistenti Kapijiet Sir M.A.Refalo 6th Form: Kap + 4 Assistenti Kapijiet (waħda bħalissa tinsab bil-Maternity Leave filwaqt li żewġ Għalliema fi skala 8 qed jistennew il-ħatra ta’ Assistent Kap ta’ Skola). Is-salarju tal-grad ta’ Kap ta’ Skola hu skala 6 filwaqt li tal-Assistent Kap hu ta’ skala 7.
Leg 12 PQ #23199 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ Skola Primarja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li se tkun tieħu studenti l-Iskola Primarja ġdida li qed tiġi ppjanata fir-Rabat Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li l-Iskola Primarja ġdida fir-Rabat Għawdex takkomoda madwar sitt mitt student.

Ir-Rabat Għawdex – Bini ta’ skola primarja ġdida

Question

B’referenza għall-iskola primarja fir-Rabat Għawdex, li issa qed jingħad li se tinbena minflok il-ground Leli Farrugia, jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ntgħażel dan is-sit kienx hemm deċiżjoni li din l-iskola tinbena ħdejn l-iskola sekondarja tal-bniet fir-Rabat Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk kienx inħareġ permess tal-bini mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jekk kenux ħarġu l-offerti għall-bini u jekk dawn l-offerti kenux ġewx mogħtija? Jista’ jgħid x’kienu d-diffikultajiet li wasslu biex ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm tibdil tas-sit? Jista’ jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-kapijiet tal-iskejjel involuti u ma’ uffiċjali oħra tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi, fuq is-sit ta’ ħdejn l-iskola sekondarja tal-bniet qabel ma saret l-applikazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista’ jgħid jekk inħarġux offerti u jekk dawn ġewx mogħtija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 23029.

Segretarjat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22732 u jgħid jekk it-tieni karozza li kienu jużaw is-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu, bejn it-12 ta’ Marzu 2008 u s-6 ta’ Jannar 2012, kinux jinkrew jew ġewx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienu dawn il-karozzi? F’każ li l-karozzi kienu mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozzi kienu nxtraw mill-Gvern u meta nxtraw? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq dawn l-istess karozzi matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel għat-tieni karozza li għamlu użu minnha s-Segretarji Parlamentari jew xi ħadd awtorizzat minnhom, fil-perjodu indikat, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat fil-mistoqsija, is-Segretarju Parlamentari li kien jaqa' taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien jieħu allowance ta' €7,000 fis-sena minflok jagħmel użu tat-tieni karozza.