Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 17519 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq l-oqbra fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal Ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Minn stħarriġ li sar, irriżulta li dawn huma fdalijiet antiki u huma taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Issa li ġie ffirmat il-kuntratt li permezz tiegħu d-ditta Campers and Nicholsons għadha tiżviluppa l-Marina fil-Kottonera, jista' l-Ministru jgħid x'sejjer isir mit-Tug Boats li jirmiġġaw fix-Xatt tal-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi min jirmiġġa, fejn u kemm, hija responsabbilta' ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta iżda bħal ma jaf l-Onorevoli Membru dak il-post ġie issa allokat għall-marina proposta. Xorta waħda, se naraw x'arranġamenti huma meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid issa li tħabbar il-ftehim ta' l-iżvilupp tal-Marina fil-Kottonera mid-ditta Campers and Nicholsons, x'se jiġi pprovdut għal dawk is-sidien tad-dgħajjes li jsorgu f'dawn l-inħawi, ġaladarba il-kuntratt jipprovdi biss għal irmiġġ għal 150 dgħajsa biss?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-ftehim li sar mad-ditta Campers and Nicholsons ma biddel xejn mill-kuntratt oriġinali hekk kif kien approvat mill-Parlament u d-diskussjonijiet fuq il-materja mqajma mill-Onorevoli Interpellant kienu qegħdin isiru bejn il-Cottonera Waterfront Group u l-Kunsill Lokali ta' l-Isla.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17600?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali tax-show tad-dawl tal-millenju fl-inawgurazzjoni ta' St. James Cavalier kienet ta' Lm43,627.44.
Din l-ispiża kienet minfuqa hekk:
Dwal tal-Milied Lm 2293.00
Ġarr U.S.A. - Malta Lm16426.96
Ġarr Malta - U.S.A. (estimi) Lm 2000.00
Akkomodazzjoni ta' JD Mooney & Team Lm 5552.40
Biljetti ta' l-arju ta' JD Mooney & Team Lm 4188.50
Export charges JD Mooney's Personal effects Lm 161.70
Kiri ta' krejn Lm 115.00
Kiri ta' ġeneraturi Lm11789.88
------------
TOTAL Lm43627.44
------------
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli biex persuni jkunu jistgħu jidħlu jgħumu fil-parti hekk imsejħa "Tat-Toqba" fil-Birgu, waqt li jkun għaddej ix-xogħol, u wara li jitlesta ix-xogħol tal-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi waqt ix-xogħol ta' kostruzzjoni ser jittieħdu dawk il-miżuri kollha li hemm bżonn sabiex il-pubbliku ma jkunx espost għall-periklu, biss, ebda parti mill-'foreshore' mhix ser tiġi preġudikata.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17496?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-applikanti għall-eżami tal-bennejja bejn l-1990 sa llum huwa hekk:
SENA APPLIKANTI APPLIKANTI LI GĦADDEW
----------------------------------------- -----------------
1990 - 1993 M'hemmx records
1994 230 101
1995 233 92
1996 193 56
1997 186 36
1998 53 10
1999 34 7
2000(Sa 28/6/00) 45 7
Applikant wieħed li applika fis-sena 1999 għad irid jagħmel l-eżami (dan qed jaħdem barra minn Malta).
33 applikant għas-sena 2000 għad iridu jagħmlu l-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu id-dipartiment jieħu miżuri biex jiġi żgurat x'jikkawża il-ħruġ ta' volumi ta' gassijiet tossiċi u velenuż minn vetturi?
Jista' jgħid x'passi beħsiebu jieħu b'koperazzjoni mal-pulizija dwar dan il-ħruġ tossiku mill-vetturi li qed jikkaġuna ħsara lis-saħħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent nieda programm ta' monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja. Ir-riżultati ta' dan il-programm se jkunu ppubblikati fuq il-website tad-dipartiment kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir.
Fuq il-punti l-oħra, nitlob l-Onorevoli Interpellant li jgħaddi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17190, jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-policy tal-gvern għar-reklamar ta' art għal skopijiet agrikoli?
X'policy għandu l-gvern għal dan il-għan u liema huma s-siti f'Malta u Għawdex li fil-mument qed jiġu reklamati bil-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jispjega kif il-proġett ta' Tas-Sliema għal din is-sena se jispiċċa jiswa Lm800,000 meta fil-budget hemm ivvotati biss Lm150,000?Kemm tħallas overtime lill-impjegati tal-gvern fuq dan il-proġett sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett kollu ta' tas-Sliema ser jiġi jiswa madwar Lm800,000. li minnhom matul din is-sena ser ikunu ntefqu madwar Lm470,000.
Fuq il-proġett ta' tas-Sliema s-somma vvutata hija ta' Lm450,000. u mhux ta' Lm150,000. kif hemm fil-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant.
Sa issa tħallset is-somma ta' Lm74,676. f'overtime lill-ħaddiema tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għax-xogħlijiet ta' restawr li sar fuq il-faċċata tal-Knisja ta' Sta. Katarina d'Italia fil-Belt, Valletta?
Jekk fin-negattiv, kif ġie permess dan meta xogħlijiet bħal dawn, meta jsiru mill-privat, dejjem jintalab permess għalihom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet infurmata bix-xogħol ta' restawr li għadu kif beda fuq il-Knisja ta' Santa Katerina, u awtorizzat li jsir dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sistema kontra l-umdita' qegħda tintuża fil-Knisja ta' Sta. Katarina d'Italia? Din is-sistema ġieli ntużat qabel f'Malta? Din is-sistema għandha bżonn il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sistema kontra l-umdita' li qed tintuża f'Santa Katerina hi magħrufa bħala l-ADIKOM. Din hi teknoloġija li ilha tintuża snin kbar barra minn Malta, tinvolvi t-titqib ta' sensiela ta' toqob żgħar li fihom jiddaħlu vireg tal-ħadid li permezz ta' fenomenu fiżiku ibaxxu l-livell ta' umdita' fil-ħajt.
Ma jidhirx li s-sistema qatt intużat qabel f'Malta.
Billi din is-sistema hi kkunsidrata bħala waħda ta' manutenzjoni ma jidhirx li hemm bżonn permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mina li tgħaqqad ix-xatt ta' Sant'Anġlu għal mal-post magħruf bħala l-Ħofra, il-Birgu, ingħatatx lill-consortia li se jagħmlu l-iżvilupp tal-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi għalkemm se jsiru xogħlijiet fil-mina stess, din ser tibqaż passaġġ miftuħ għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi, lokali u barranin, li qegħdin jagħmlu x-xogħol ta' restawr fil-Knisja ta' Sta. Katarina d'Italia? X'esperjenza għandhom dawn il-kuntratturi f'dan it-tip ta' xogħol? Kemm se jiswa dan il-proġett u kemm minn din is-somma se tinħareġ taħt il-protokoll Taljan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li wara sejħa pubblika, x-xogħol fuq il-Knisja ta' Santa Katerina ingħata lil ITERAS Spa, kumpanija Taljana b'esperjenza twila fuq xogħol ta' restawr. Il-kuntrattur lokali li ser jassisti lil ITERAS hi Nexos Ltd.
Billi x-xogħol kollu li ser isir hu ffinanzjat mill-Protokoll Taljan, it-tender kien jistipola li x-xogħol kellu jsir minn kumpanija Taljana, b'appoġġ ta' kumpanija lokali. Hu stmat li l-proġett jiswa madwar Lm248,000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic impact assessment li l-gvern intrabat li jagħmel għall-proġett tal-Kottonera ġiex kummissjonat?Min ġie magħżul sabiex jagħmel dan il-proġett u kemm se jiġi jiswa dan l-istudju?Meta se jitlesta dan l-istudju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Traffic Impact Assessment se jingħata bi proċess ta' tender pubbliku u għaldaqstant il-gvern bħalissa mhuwiex f'pożizzjoni illi jiżvela min ser jiġi kkummissjonat biex jagħmel ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jispeċifika x'inhi r-raġuni illi għadhom ma tħallsux bilanċi dovuti in konnessjoni ma' żvujtar ta' cesspits li sar mill-kuntrattur fl-1997/98 (files WD323/98/1 u WD 94/98)? Jista' jara li dawn il-każi jiġu finalizzati u jekk hemm xi differenzi x'jiġu diskussi mal-kuntrattur kkonċernat isir dan biex tinstab soluzzjoni finali għal ħlas dovut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pagamenti msemmija qegħdin fil-proċess li jitħallsu.
B'riferenza għal dak li ntqal dwar l-approvazzjoni tal-pjan ta' Renzo Piano għal Bieb il-Belt, jista' l-Ministru jgħid jekk il-konsulent Piano ġiex mogħti kuntratt sabiex ikompli bix-xogħol tiegħu? Ġaladarba Piano reġa' ġie riferut bħala l-konsulent għal proġett ta' Bieb il-Belt, kif se jitħallas Piano għal dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju ma hemm l-ebda kuntratt ma' l-Arkitett Renzo Piano.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża totali tax-show tad-dawl tal-millenju fl-inawgurazzjoni ta' St. James Cavalier?
Jista' jagħti l-breakdown ta' din l-ispiża b'mod partikolari kemm intnefqu flus sabiex jinġieb l-artist barrani, kemm għall-equipment li inġib mill-Amerika, kemm biex dan l-apparat ġie maqlub għas-sistema Maltija u kemm biex intbagħtu lura l-Amerika?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża totali tal-proġett ta' St. James Cavalier sal-lum u kemm hu mistenni li se jiswa meta jispiċċa x-xogħol kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali fuq St James Cavalier mistennija tkun ta' madwar Lm4,000,000. li minnhom diġa' tħallset is-somma ta' Lm2,978,000.