Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-produzzjoni attwali tat-tjur tas-simna f'Malta u Għawdex separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni ta’ Broilersfil-perjodu minn Jannar sa Marzu 2006 kienet hekk kif ġej :
Għawdex - 7,220 irjus, 16,981 Kg
Malta - 544,005 irjus, 1,242,772 Kg
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha toħroġ mill-ġdid sejħa oħra għall-applikazzjoni fl-iskema ta' l-irranġar tal-gallariji ta' l-injam? Ma jaħsibx li jkun għaqli jekk parti sostanzjali mill-fondi li qed jinġabru mill-urban improvement funds imorru direttament għal dan l-iskop?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sejħa oħra ta' l-iskema għall-irranġar tal-gallariji se titnieda f’qasir żmien. F'din l-iskema mistennija li jkunu offruti l-benefiċċji li toffri din l-iskema lir-residenti taż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat (Victoria), Għawdex. Barra minn hekk jista' japplika ukoll kull min għandu bini skedat f'kwalunkwe lokalità. S'issa gawdew minn din l-iskema aktar minn 224 familja fi ħmistax-il lokalità differenti.
Dawn il-flus huma allokati kull sena meta jitfasslu l-estimi finanzjarji ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Din is-sena kienu allokati madwar Lm40,000 għal din l-iskema. Il-flus li qegħdin jinġabru fl-urban improvement fund jmorru għall-proġetti mnedija mill-kunsilli lokali.
B'riferenza għal każi tal-MEPA 00789/02 u 03958/02, fejn il-bini huwa llum iżjed minn ħames sulari tal-permess kif jixhdu r-ritratti li qed jintbagħtu separatament, jista' il-Ministru jgħid jekk dan huwiex ksur tal-permess? Marru enforcement officers fuq is-sit? Jekk fl-affermattiv, x'passi se jittieħdu? Din it-triq tiflah żvilupp ta' seba' sulari kull naħa, ġaladarba din l-istess triq hija daqshekk dejqa?
File No. 07175/04 se jkun marbut b'ħames sulari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li applikazzjoni PA 789/02 hija 'Outline Application' u li fuqha ħareġ permess fit-18 ta' Lulju 2002. Sussegwentament saret applikazzjoni PA 3958/02 u ħareġ permess fit-8 ta' Mejju 2005.
Rigward l-għoli tal-binja eżistenti saret spezzjoni mis-sezzjoni ta l-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u jirriżulta li l-għoli tal-bini huwa skond il-pjanti approvati fil-permess PA 3958/02. Fil-fatt il-permess ikopri basement u semi-basement u ħames sulari u penthouse.
Irid jingħad li dan l-iżvilupp huwa ta' ħames sulari, semi-basement u penthouse u mhux ta' seba' sulari.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fl-aħħar ġimgħat naqas tagħrif dwar applikazzjonijiet għall-bini u proġetti fil-website tal-MEPA?
Dan in-nuqqas ta' trasparenza ma jmurx kontra diversi obbligi li għandha l-MEPA li tkun iżjed aċċessibbli fit-tagħrif li tipprovdi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ġimgħat bl-ebda mod ma naqas tagħrif b’mod intenzjonali dwar applikazzjonijiet għall-bini u l-proġetti fil-website ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li diġa' kien qiegħed jiġi ppubblikat. Din l-informazzjoni hija fil-fatt meħuda b'mod awtomatiku mis-sistemi interni li tuża l-istess Awtorità u tkun 'online' immedjatament wara li din tiġi mdaħħla fis-sistemi interni.
Jirrizulta li kien hemm nuqqas ta’ xi ritratti li jindikaw fejn tkun twaħħlet is-site notice u xi dettalji oħrajn u l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qiegħda tieħu l-passi neċessarji sabiex dan jiġi rrimedjat mill-aktar fis.
Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi informazzjoni oħra nitlobu jinfurmani.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jirċievi r-refund lura l-applikant li hu anzjan u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni tal-MEPA PA02025/03 peress li issa għaddew sena u nofs?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma jirriżultax li l-applikant għandu jieħu refund lura relatata ma’ l-applikazzjoni PA 2025/03. Il-ħlasijiet li l-applikant għamel in konnessjoni ma' din l-applikazzjoni jikkonsistu fil-building levy u fil-gbid ta' garanzija bankarja. Il-building levy mħallsa ma’ l-applikazzjoni ta' Lm15 hija korrretta u m'hemm l-ebda refund dovut. Fir-rigward tal-garanzija bankarja ta' Lm945, din inġibdet għar-raġuni li ma ġietx osservata kundizzjoni numru 2 fil-permess u saru xogħlijiet f'area arkeoloġikament sensittiva mingħajr monitoring minn arkeoloġisti kwalifikati. Għaldaqstant m'hemm l-ebda refund dovut fuq din il-garanzija.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex inħarġet liċenzja oħra għas-sajd tat-tonn lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ntbagħtet by hand meta l-persuna ma talbithiex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-liċenzji tat-tonn jinħarġu lil dawk il-bastimenti li kellhom liċenzja fis-snin 1999 u 2000. Liċenzji ġodda ma jistgħux jiżdiedu minħabba r-riżoluzzjonijiet ta’ l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT). Madankollu, minħabba li numru ta' bastimenti li għandhom dan id-dritt li jistadu għat-tonn ma joħorġux għal raġunijiet validi, ikun possibbli li bastimenti oħra li jixtiequ joħorġu jistadu għat-tonn imorru minn flokhom. Dan qabel kien isir b'arranġamenti privati, iżda fuq talba tal-koperattivi, u b'konsultazzjoni tal-Bord tas-Sajd, din is-sena sar mit-Taqsima tal-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd. Il-Koperattivi indikaw liema kienu l-bastimenti li riedu jipparteċipaw fil-kuntratt tat-tonn għal din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta?
Jista jara li din il-problema tiġi rimedjata mingħajr aktar telf ta' żmien ħalli jispiċċa darba għal dejjem l-inkonvenjent lir-residenti u lill-eluf ta' turisti li jiffrekwentaw dawn l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hemm permess maħruġ fit-22 ta' Novembru 1999 sabiex isir surface parking. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mix-xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm twaqqgħu djar ġo Tas-Sliema, Imsida, Gżira u San Ġiljan biex flokhom itellgħu flats jew blokki ta' flats? Kemm ittellgħu flats fuq art li ma kienx hemm bini fuqhom fl-istess lokalitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih jixtieq din l-informazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm area mhux b'bini fuqha ġewwa Tas-Sliema, Gżira u Imsida għaxar snin ilu u kif jikkompara dan illum? Kemm kienet l-area ta' ġonna distinta biex fuqha sar bini f'dan il-perijodu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni se tinġabar u titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-fun park li tħabbar fil-ġimgħa ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-11 ta' Marzu 2006 u li ntqal li se jsir ġewwa Wied il-Għajn bejn ir-razzett tal-ħbiberija u l-impjant tar-riċiklaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ix-xogħol fuq il-Park ta' Wied il-Għajn, bejn ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Impjant tar-Riċiklaġġ, miexi kif ippjanat. Il-fondi biex tinxtara l-art meħtieġa ġew ipprovduti u ntbagħtu lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex isir il-proċess meħtieġ biex din l-art tkun tista' tintuża għal skop pubbliku. Dwar dak li huwa żvilupp, bħalissa qiegħed jiġi ppreparat il-Project Description Statement (PDS) biex jiġi sottomess lill- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jinħarġu t-Terms of Reference għall-istudju ambjentali, speċjalment fejn hemm il-miżbla li kienet intużat bejn il-1974 u 1979, hekk kif kienet waslet biex tagħlaq dik ta' Ħal Luqa. L-ebda waħda minn dawn il-miżbliet ma kienet ġiet irriabilitata, u għalhekk ittieħdet din id-deċiżjoni biex din il-miżbla tkun irriabilitata ukoll.
Issa wara l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, fejn il-poplu ta' Wied il-Għajn bl-aktar mod demokratiku permezz tal-vot sigriet, wera biċ-ċar li huwa kontra l-impjant tar-riċiklaġġ u kontra l-fishfarms, jekk il-gvern huwiex se jibqa' għaddej b'dawn il-proġetti li jagħmlu ħsara l-ambjent u l-kummerċ ta' Wied il-Għajn jew jekk huwiex se jfittex mezzi sabiex jinstabu soluzzjonijiet aħjar li jirrispettaw ix-xewqat espressi mill-elettorat b'mod hekk emfatiku u ċar?
Ma jaħsibx li huwa aktar importanti għall-Wied il-Għajn li jiġu nvestiti flus u nkoraġġiti proġetti li jsebbħu l-post, jgħollu l-livell tiegħu, jiġbed it-turisti u joħloq l-impjiegi, milli li jkun hemm fishfarms li jħallu tant ħsara fuq ix-xtajta tal-bajja sabiħa ta' Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema demokratika biex ir-residenti u kummerċjanti ta' Wied il-Għajn jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-fishfarms u/jew ir-riċiklaġġ hija ferm differenti minn elezzjoni għall-Kunsill Lokali. Is-sistema ta' applikazzjoni għal permessi ta' żvilupp tinvolvi konsultazzjoni pubblika li fiż-żewġ każi kienet waħda li nagħtat pubbliċità kbira. Hija din il-konsultazzjoni li għanda tiġi wżata biex wieħed iwassal il-messaġġ u l-ħsibijiet tiegħu fuq kull żvilupp. Huwa mportanti li wieħed jevalwa l-kummenti w ilmenti li jkunu mressqin u l-bażi tagħhom.
B'referenza speċifika għall-proġett taż-Żona ta' l-akwakultura jidher ċar li għadu ħadd ma jrid jifhem li l-ħsieb aħħari huwa li l-attività tat-trobbija tat-tonn tibda ssir kollha 6.3 kilometri ‘l barra mil-kosta ta' Wied il-Għajn. Dan ifisser li l-ħsibijiet li kellu l-Onor. Interpellant biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-kosta, u b'hekk jiġbed aktar turisti, joħloq aktar impjiegi u jnaqqas jew ineħħi l-ħsara fuq ix-xtajta huma l-istess ħsibijiet ta' l-applikant (il-Gvern) u kien għalhekk li sar dan ix-xogħol kollu biex iz-zona l-ġdida tkun 6 kilometri ‘l barra. Dawn il-gaġeġ lanqas biss ser ikunu jidhru mill-art. Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu japprezza il-ħidma tal-Gvern sabiex iressaq anke l-attività eżistenti tat-tkabbir tat-tonn li tinsab xi kilometru ‘l barra għal distanza ħafna akbar u dan għall-benefiċċju tal-komunità kollha ta' M'Scala.
Qabel ma l-gvern iddeċieda li l-aħjar post għat-tkabbir tat-tuna huwa l-ponta ta' Wied il-Għajn, jista' il-Ministru jelenka liema postijiet ġew studjati bħala siti għal dan il-proġett u x'kienu l-punti favorevoli u sfavorevoli f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 18087.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi dwar ilmenti li waslu għandi li b'mod regolari vapuri ta' nazzjonalita' barranija li jkunu sorġuti l-freeport f'Birżebbuga qed isir xogħol ta' żebgħa fuqhom bil-konsegwenza li qed isir tinġis tal-baħar bl-ammont ta' żebgħa u materjal ieħor li qed jispiċċaw ġol-baħar waqt dan ix-xogħol?
Jien informat li dan l-abbuż ilu jsir u baqa' isir, anke wara li kont ġbidt l-attenzjoni permezz ta' mistoqsija parlamentari oħra. Jista' il-Ministru jara li din id-darba dan l-ilment jiġi investigat u jittieħdu passi biex ma jibqax isir dan it-tinġis fil-baħar?
Jista' il-Ministru ġentilment jinformana x'passi jkunu ttieħdu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li vapuri li jixtiequ jwettqu xogħlijiet bħal dawk li semma’ l-Onor. Membru jikkuntattjaw l-Malta Maritime Authority (MMA), li tindika lilll-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex din ta’ l-aħħar tagħti 'clearance' fuq kwistjonijiet ambjentali.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda ilment dwar dawn ix-xogħlijiet. Peress li jidher li jista’ jkun hemm xi nuqqasijiet f'dan ir-rigward il-MEPA sejra terġa’ tikkuntattja lill-Malta Maritime Authority (MMA) u l-Malta Freeport (MFP) ħalli tassigura li din il-proċedura tiġi osservata u sabiex tinsisti mal-Malta Maritime Authority (MMA) u / jew il-Malta Freeport (MFP) illi biex jingħata clearance, l-Malta Maritime Authority (MMA) u / jew il-Malta Freeport (MFP) trid tibda’ tipprovdi sorveljanza kontinwa mill-inspectors tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li applikaw għas-sussidju fuq ħitan tas-sejjieħ mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew ikkonsidrati pożittivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpllant biex jindika għall-liema perjodu qiegħed jirriferi.
Jista' il-Ministru jelenka fuq liema tajr li jpassi minn Malta nstab li jistgħu jkunu qed iġorru l-mikrobu tal-bird flu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tajr tal-passa li jista' jgħaddi minn fuq Malta u li jista' jippreżenta riskju ta’ ġarr ta' Avian Influenza (bird flu) huma dawn li ġejjin:
White fronted goose Anser albifrons
Bean Goose Anser fabalis
Mallard Anas platyrhynchos
Gadwal Anas strepera
Northern Pintail Anas acuta
Northern Shoveler Anas clypeata
Eurasian Wigeon Anas Penelope
Common Teal Anas crecca
Garganay Anas querquedula
Common Pochard Aythya ferina
Tufted duck Aythya fuligula
Northern Lapwing Vanellus vanellus
Ruff Philomachus pugnax
Black headed gull Larus ribibundus
Common gull Larus canus
Mil-lista t'hawn fuq, il-White fronted Goose, il-Bean Goose u il-Common Gull rari ħafna li jgħaddu minn fuq il-gżejjer Maltin.
Jista' il-ministeru jinformani kemm-il applikazzjoni hemm għal ticket booths fix-xatt ta' Tas-Sliema? Kemm hemm maħruġa u kemm hemm pendenti? Kemm-il ditta differenti applikaw għal dawn? Hemm xi ilmenti fuq dawn it-ticket booths?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġew validati, bejn Lulju 2005 u Marzu 2006, ħames applikazzjonijiet għal ‘ticket booths’ fix-Xatt ta’ Tas-Sliema. S’issa għad m’hemmx deċiżjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet li saru minn erba’ individwi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk minn meta twaqqfet il-MEPA saritx applikazzjoni biex jinfetaħ zoo? Fil-preżent hemm applikazzjoni biex isir zoo? Il-gvern għandu l-ħsieb li jinkoraġġixxi investituri biex jiftħu zoo?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qatt ma kien hemm applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetaħ zoo, u lanqas hemm applikazzjoni biex isir zoo.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-blat li tqatta' mill-barriera tas-Swejra kienx qiegħed jew hux jintiżen fuq il-miżien fil-gate tal-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-blat li tqatta’ fil-barriera ta' Żwejra kien intiżen u l-ħlasijiet saru skond l-użin. Il-blat li qed jitqatta’ mill-Għallies ta' Ġewwa qed jiġi kkalkulat fuq bażi ta' kejl li jirriżulta permezz ta' surveys li jittieħdu hekk kif meħtieġ. Biex jiġi assigurat li dan il-materjal ma jintremiex, jittieħed l-użin fis-sit fejn jiġi storjat jekk il-kumpanija WasteServ Malta Ltd ikollha aċċess għall-apparat meħtieġ. Materjal li hu dirett għal siti fejn m'hemmx apparat għal użin il-materjal jintiżen fil-gate tal-Magħtab Environmental Complex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm inġenji li qed jaħdmu fl-impjant ta' Sant'Antnin u tas-Swejra li huma tal-privat? Min hu s-sid ta' dawn l-inġenji? B'liema proċedura ddaħħlu dawn l-inġenji għall-użu f'Sant'Antnin u f'Tas-Swejra? Kien hemm sejħa għall-offerti? Min applika? Kemm kienu l-prezzijiet sottomessi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta’ min iżid li l-informazzjoni dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija m’għandhiex tingħata peress li hija ta’ natura kummerċjali.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 18089, jista' il-Ministru jgħid it-30 ħaddiem humiex attwalment impjegati mal-fishfarm eżistenti jew hu n-numru li mistennija jħaddmu l-fishfarms ġodda li hemm proġettati biex isiru fl-ibħra ta' Wied il-Għajn? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li qed jaħdmu full-time maż-żewġ fishfarms eżistenti?
Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' Maltija u kemm ta' nazzjonalita' barranija?
Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ġodda li mistennija jiġu mpjegati mal-fishfarms ġodda li hemm proġettati?
Jista' il-Ministru jirrispondi għal kull domanda individwalment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18546.
Stimi ta’ kemm hu mistenni jiġu mpjegati ħaddiema fil-farms huma imsemmija fl-istudju li sar (Environment Impact Assessment - EIA) u għalhekk nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi għal dan l-istudju.