Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ? Jista' jgħid fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, bejn id-dati riferuti ma ġiet impjegata l-ebda persuna. Pero, fil-perjodu riferut ġew ingaġġati ħames (5) 'trainers' fuq bażi 'part-time'. 1. Persuna ġiet ingaġġata bħala 'trainer' fl-'Empowerment Skills' wara sejħa li kienet saret f'Diċembru 1997. 2. Persuna oħra ġiet ingaġġata bħala 'trainer' lill-persuni b'disabilita', wara li hi stess offriet is-servizzi tagħha permezz ta' ittra f'Ottubru 1998. 3. Persuna oħra ġiet ingaġġata sabiex tmexxi kors tal-'catering' f'Għawdex. Dan l-ingaġġ sar mingħajr sejħa peress li l-persuna hija l-unika 'instructor' tal-'Institute for Tourism Studies' f'Għawdex. 4. Persuna oħra ġiet ingaġġata bħala 'trainer' fil-'Computer Skills' direttament. Dan sar wara li l-persuna li kienet qed tmexxi l-kors waqqfet is-servizzi tagħha ħesrem waqt li kien għaddej il-kors. 5. Persuna oħra ġiet ingaġġata direttament, sabiex tmexxi korsijiet fil-'Further Technical Education' (NIFTE). Dan sar minħabba l-kompentenza tagħha f'korsijiet simili kemm mal-industrija privata u mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. 3.11.98

Sedqa — Impjegatwi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru 1998 mas-Sedqa? Jista' l-Ministru jgħid fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm min dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

IMPJEGATI ĠODDA MA' L-AĠENZIJA SEDQA BEJN IS-6 TA' SETTEMBRU U T-28 TA' OTTUBRU, 1998: F'dan il-perjodu, l-Aġenzija Sedqa impjegat 4 persuni. Dan sar wara li saru talbiet lill-Cabinet Committee for Recruitment, permezz tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeri tal-Ħarsien Soċjali, u dawn ġew approvati mill-imsemmi Kumitat, waqt Meeting No. 11/98 tal-14 t'April, 1998 u waqt Meeting No. 17/98 tas-17 ta' Ġunju, 1998. Dawn il-persuni ġew impjegati wara li ħarġu il-permessi meħtieġa mill-ETC, u wara li dehru avviżi fil-gazzetti, kif indikat hawn taħt: Isem Data ta' Posizzjoni Permess ETC Data meta l-impieg u data meta deher ħareġ l-avviż fil- gazzetti ________________________________________ _______________________ Cutajar C. 07.09.98 Care Worker 62/98-20.04.98 31.05.98 Arpa S. 07.10.98 Research Ex. 98/88-10.07.98 03.09.98 Saliba N. 28.09.98 Prevention Ex. 99/98-10.07.98 03.09.98 Seychell C. 28.09.98 Prevention Ex. 99/98-10.07.98 03.09.98 Ħadd ma ġie impjegat mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet. 3.11.98

Mosta — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fuq każ ta' traskuraġni li kien irrapportat mill-uffiċċju tiegħu, dakinhar stess, fit-3 ta' Settembru, 1998, fuq moħqrija ta' anzjani minn numru ta' care workers fil-Mosta Home?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar dan 'il-każ ta' allegat traskuraġni irrappurtat fit-3 ta' Settembru, 1998' - ma jirriżultax li kien hemm l-ebda moħqrija fuq anzjani minn-naħa tal-Care Workers fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta. Skond ir-rapport li għamel l-Officer i/c Home, in-Nursing Aide kienet bil-leave u ghalhekk ċertu xogħol kellu jsir minn Care Workers. Billi dak in-nhar l-quddiesa bdiet tliet kwarti tard mis-soltu u billi dawn il-Care Workers riedu wkoll iqassmu l-ikel, dan ix-xogħol li kien jikkonsisti f'tibdil tal-ħrieqi, sar siegħa tard. Nista nassigura lill-Onor. interpellant li f'dawn l-aħħar ġranet ittieħdu u ser ikomplu jittieħdu deċizjonijiet dwar l-istaff fid-Djar ta' l-Anzjani kollha biex żgur ma jkunx hemm lok ta' ebda traskuraġni. Fil-fatt ċertu tibdil tal-Istaff fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta diġa ġie effetwat. 2.11.98

Ta' Farsina — Housing Estate

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-blokki tal-flats tal-Gvern fil-Housing Estate f'Ta' Farsina, Ħal Qormi, peress li ħafna minn dawn il-flats ibatu minn nuqqas ta' pressa ta' l-ilma minħabba sistema antika u f'xi wħud mill-blokki tal-flats hemm ħtieġa wkoll ta' manutenzjoni ġenerali fuq aperturi eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għandi ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-bdil tal-kanen ta' l-ilma huwa r-responsabbilta' ta' l-inkwilini skond il-policy approvata dwar tiswijiet. Ngħarrfek ukoll li inkwilini li jaqilgħu inqas minn Lm2,600 fis-sena jistgħu jibbenefikaw minn sussidju sal-valur ta' Lm500 għal dat-tip ta' tiswijiet kif ukoll xogħol ieħor bħat-tiswija ta' aperturi indikata fl-istess mistoqsija. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar f'dan il-Ministeru jagħmel xogħolijiet ta' manutenzjoni f'partijiet komuni u jsewwi strutturi perikolużi bħal soqfa u ħitan.' 2.11.98

Djar — Kera

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni wara l-ammont esaġerat tal-kera tal-post okkupat mill-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament, u wara li din il-persuna ilha tgħix f'dan l-appartament ma' ommha li issa ilha mejta għal aktar minn 20 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi għall-każ imsemmi fil-mistoqsija, il-kera ġiet maħduma skond l-Avviż 202 tat-13 ta' Marzu 1987 li jirregola l-kirjiet ta' rikonoxximenti. 2.11.98

Djar — Bormla - Sur Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa dwar l-erba' appartamenti li nbnew snin ilu fl-area tal-HOS, Sur Sta Liena, Bormla u li tħallew fi stat ta' ġebel u saqaf u qed isiru wkoll bħala lok għall-abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għada kif irċeviet il-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex isiru xi alterazzjonijiet fil-bini eżistenti. Għalhekk, issa qegħdin isiru l-preparamenti għall-ħruġ ta' tender għal dawn ix-xogħolijiet. 2.11.98

Persuni b'diżabilita' — Dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir dar għall-persuni b'diżabilita'? Jekk iva, fejn se ssir u kemm se tkun tesa' persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ilha żmien twil impenjata biex tindirizza l-bżonn għal servizzi residenzjali għall-persuni b'Diżabilita'. Fis-snin li għaddew, twaqqfu djar żgħar fil-komunita' u dawn swew biex inħolqot esperjenza prattika li minnha għandna x'nitgħallmu. 2. Barra minn dan, jien infurmat li l-Kummissjoni talbet li jsir rapport dettaljat dwar Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita'. (a) Dan ir-rapport huwa fdat f'idejn uffiċjali fi ħdan il-Management Efficiency Unit (MEU), fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru. (b) Il-Kummissjoni insistiet li dan ir-rapport jrid jagħti stampa ċara tal-bżonnijiet wiesgħa f'dan il-qasam, joffri soluzzjonijiet differenti u flessibbli, u li r-rapport għandu b'mod partikolari jirrifletti l-ħsibijiet u xewqat ta' persuni b'diżabilita' u l-familjari tagħhom. (c) Il-Kummissjoni talbet li r-rapport ikun lest sa' nofs Diċembru, 1998. (d) Meta jiġi approvat mill-Kummissjoni dan ir-rapport ser jiġi ppreżentat lill-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali. 2.11.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-istaff tas-segretarjat privat tiegħu kif ukoll tas-segretarju parlamentari fl-uffiċċju tiegħu jekk dan ikun il-każ? X'inhu r-rwol ta' kull impjegat? Liema huma dawk il-persuni ngaġġati b'kuntratt? X'inhuma l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluż paga, allowances u benefiċċji oħra ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tweġiba li ta l-Onorevoli Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 81. Anke fil-każ ta' dan il-Ministeru, peress li s'issa għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt jew ftehim ma' l-individwi kkonċernati, tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 2.11.98

Impjiegi — Gainfully occupied

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? U minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' nies li huma reġistrati bħala 'gainfully occupied' fl-aħħar ta' Awissu 1998 kien ta' 137,652. Minn dawn hemm 4,521 persuna li għandhom 'il fuq minn 60 sena. Mill-137,652 persuna hemm 49,846 persuna li jaħdmu fis-settur pubbliku, filwaqt li 83,486 persuna jaħdmu fis-settur privat. Minn dawn ta' l-aħħar hemm 15,428 persuna li huma 'self employed'. Filwaqt li hemm 4,320 persuna li huma mpjegati temporanji bħal apprentisti, 'pupil workers' u 'student workers'. Il-figuri għax-xahar ta' Settembru 1998 għadhom qegħdin jinġabru. 2.11.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li bħalissa qed jirċievu xi tip ta' pensjoni b'mod globali? Kemm minn dawn jirċievu pensjoni kontributorja u kemm minnhom jirċievu pensjoni non-kontributorja? F'termini ta' flus, għal kemm jammontaw dawn il-pensjonijiet? X'persentaġġ tal-G.D.P. jikkontribwixxu dawn il-pensjonijiet issa u matul dawn l-aħħar tlett decades?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru f'din il-Mistoqsija kif ukoll f'Mistoqsija Nru. 345 qed tinġabar, naturalment sa fejn dan huwa possibli. Għalhekk tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 2.11.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tal-GDP ikkontribwixxew is-social budgets, sena b'sena, għal dawn l-aħħar 20 sena? Kemm minn dawn il-persentaġġi kienu għall-pensjoni kontributorja u kemm ma kienux, ċioe' pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra bħal SKA's? X'persentaġġ minn dawn is-social budgets, sena b'sena, kien allokat għall-unemployment benefits?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 332. 2.11.98

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ħadet l-ebda għajnuna ta' Home Help meta din għandha l-Eddisons Disease? Jekk ir-raġuni hi minħabba l-eta', x'tista tagħmel din il-persuna peress li tgħix weħidha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ġew mibgħuta separatament, ma ngħatatx is-servizz tal-Home Help f'Marzu 1998 wara li l-Bord eżamina l-każ tagħha u sab li din il-persuna kellha indipendenza biżżejjed li tgħaddi mingħajr għajnuna. Il-każ se jerġa jiġi kkunsidrat mill-Bord il-ġdid skond l-aħħar ċertifikat mediku mibgħut lis-Servizz tal-Home Help. 2.11.98

Djar — Allokazzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel bil-post tal-Gvern numru 2, Block 2, Triq l-Arċisqof Mattia, fl-Isla? Ladarba dan il-post jinsab vojt, għalfejn se jdum biex jiġi allokat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post imsemmi mhux vojt iżda ġie allokat fl-1996. 2.11.98

Djar/Flats

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm djar jew flats tal-Gvern ġew imbattla fix-xhur ta' Settembru u Ottubru? Kemm hemm minnhom li diġa' tqassmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Settembru u Ottubru tbattlu sitt appartamenti tal-Gvern. Dawn għadhom ma ġewx allokati. Erba minn dawn l-appartamenti huma riservati għal dawk il-familji li ser ikollhom jitilqu l-post fejn joqgħodu minħabba proġett ta' 'slum clearance'. 2.11.98

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ngħatatx permess li ssirilha manutenzjoni fuq is-saqaf tad-dar li hi dar tal-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-manutenzzjoni tal-bjut hija r-responsabbilta' tar-residenti u m'għandhom bżonn ebda permess biex jagħmlu dan. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jidħol biss f'każ li s-saqaf ikollu ħsara strutturali u jkun jeħtieġ jissewwa jew jinbidel. Minn spezzjoni li saret f'dan l-istess flat, irriżulta li għalkemm hemm sinjali ta' umdita' fis-saqaf, mhuwiex fi stat li jinħtieg tiswija strutturali. 2.11.98

Ta' Ġiorni/Ta' Xbiex — Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux il-ħsieb tal-Gvern li jiġu nstallati l-lifts fil-blokki ta' l-appartamenti fl-oqsma residenzjali ta' Ta' Ġiorni u ta' Ta' Xbiex? Jekk għadu l-ħsieb tal-Gvern li jinstalla l-imsemmija lifts, jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-proċedura relatata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif aktarx jaf l-Onorevoli interpellant, il-ħsieb tal-gvern preċedenti kien li jtella' sular ieħor fuq il-blokk eżistenti u bhala parti mill-proġett jiġu stallati lifts għall-benefiċċju kemm tar-residenti eżistenti kif ukoll tar-residenti l-ġodda. Kif aktarx jaf ukoll l-istess interpellant, l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar minħabba li dan il-proġett kien ser joħloq wisq konġestjoni. Għalhekk, issa li l-proġett mhux ser jitwettaq, il-possibilta' li jiġu stallati dawn il-lifts trid tiġi evalwata mill-ġdid. 2.11.98

Djar — Reviżjoni ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi riveduta l-kera, skond il-policies tas-sussidju, tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sussidju li qed tieħu l-persuna ndikata huwa skond il-kundizzjonijiet tal-Avviż 33 fil-Gażżetta tal-Gvern 15421 u skond il-kuntratt minnha ffirmat meta ġiet allokata l-post. Meta ssir ir-reviżjoni tal-kirjiet li jmiss, is-sussidju jinħadem skond l-avviż numru 523 tas-7 ta' Lulju 1998. 2.11.98

Impjiegi — Assistenti Soċjali Każwali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-Casual Social Assistants li ġew trasferiti mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn u jagħti d-dettalji ta' fejn kienu jaħdmu u fejn intbagħtu jaħdmu issa u x'inhi r-raġuni għaliex ġew trasferiti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux etiku li tingħata lista bl-ismijiet ta' l-Assistenti Soċjali Każwali li wara l-elezzjoni ġenerali ngħataw xogħol differenti milli kienu qed jagħmlu qabel l-elezzjoni. Pero' se nagħtik dettalji taċ-ċaqliq li sar s'issa. 26 Assistenti Soċjali Każwali li kienu qed jagħmlu xogħol fid-Djar tal-Anzjani jew Day Centres ingħataw xogħol fil-komunita'. 20 Assistenti Soċjali Każwali li kienu qed jaħdmu fil-komunita' reġgħu ngħataw ix-xogħol li kienu qed jagħmlu fid-Day Centres u fid-Djar tal-Anzjani qabel dawn ma kienu mnehhija nġustament minn posthom mill-amministrazzjoni preċedenti. 2.11.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta ohra. 28.10.98