Legislature:
Category:
Reset
Active:

Shade ta' Bozza

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir shade mal-bozza numru 3295 fl-indirizz li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qed tkun ta' inkonvenjent għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-lampa msemmija fl-indirizz indikat ġiet devoluta lil Kunsill Lokali u għalhekk it-talba għandha ssir lil istess Kunsill. Madankollu Enemalta se tieħu ħsieb tavża l-Kunsill.

Żebbiegħ — Xogħlijiet fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrakkommanda li x-xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ li qegħdin isiru fiż-Żebbiegħ jiġu estiżi għaż-żona Ta' Mrejnu, l/o ta' l-Imġarr?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li huwa ppjanat li d-drenaġġ jiġi estiż għaż-żona ta' Mrejnu l/o ta' l-Imġarr matul is-sena 2007.

Ħlas lill-kuntrattur

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kuntrattur li għamel l-estensjoni tal-main ta' l-ilma mill-Baħrija sa l-Imtaħleb ma tħallasx, minkejja li x-xogħol ilu li tlesta ħafna xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħol tal-bdil tal-main tal-ilma f'Wied Rini u l-Imtaħleb, li sar mill-kuntrattur, tħallas fit-8 ta' Awissu 2006.

Enemalta — Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jindaga meta se jaslu l-arbli tad-dawl ordnati mill-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-konsenja li jmiss ta' l-arbli tad-dawl ordnati mill-Enemalta huma mistennija jaslu lejn l-ahhar t'Ottobru 2006. Il-konsenja ta' qabel kienet waslet lejn l-aħħar t'Awissu 2006.

Kumpanniji barranin ta' l-informatika — Strategic Alliances

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim u arranġamenti kummerċjali li saru fir-rigward ta' l-istrategic alliances li għamel il-Ministeru tiegħu ma' diversi kumpanniji barranin ta' l-informatika bħall-Microsoft, Cisco, HP u oħrajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn id-dokumenti huma ta' natura kummerċjali u l-Gvern marbut li ma' jippublikahomx.

WSC

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta se jsir servizz ġdid għall-provvitsta ta' l-ilma ta' applikazzjoni numru 169749 li saret fit-3 ta' Lulju, 2006 wara li l-applikanti ntqal lilhom li dan is-servizz jingħata fi żmien 15-il ġurnata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'ċirkostanzi normali il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tagħti servizz ġdid ta' ilma f'mhux aktar minn 28 ġurnata minn meta ssir l-applikazzjoni. Fil-fatt, dan is-servizz ingħata xi jumejn qabel ma skada dan il-perjodu.

Gozo Channel — Vapuri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20279 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, kemm-il darba l-vapuri ta' Għawdex ma żammewx il-ħin tar-rotta skond kif programmat għall-pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel ta' Jannar 2006 sa' l-aħħar ta' Ġunju 2006, kien hemm 191 (mija u wieħed u disgħin) tluq ta' aktar minn ħmistax il-minuta dewmien, minn total ta' 8,960 (tmint elef disa' mija u sittin) vjaġġ li saru f'dak il-perjodu, jiġifieri 2.1%.

WSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament irċeviet notifika li se jinqatalha s-servizz tad-dawl u l-ilma meta fil-preżent qed isiru testijiet bil-meters tal-Water Services Corporation fid-dar tagħha minħabba kontijiet esaġerati tad-dawl u l-ilma li ntbagħtu lilhom mill-istess korporazzjoni? Ma jaħsibx li huwa prematur li din il-familja tħallas il-kont qabel ma joħorġu r-riżultati ta' dawn it-testijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fis-6 ta' Marzu 2006, it-tifla tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, ċemplet l-uffiċini tagħna biex tikkontesta l-kont ta' l-ilma. Hija qablet verbalment li tħallas Lm50 fix-xahar biex jinqatgħu l-arretrati li mhix tikkontesta, imma dan il-ftehim baqa ma nżammx. Għaldaqstant il-Korporazzjoni bagħatet tavża lill-konsumatur sabiex iħallas il-pendenzi li m'humiex ikkontestati.

Imġarr — Sistema tad-Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-residenti ta' Triq Sir Temi Zammit, fil-parti li tmiss mat-triq li tagħti miż-Żebbiegħ għal Għajn Tuffieħa, fl-Imġarr Malta hux se jkollhom sistema ta' drenaġġ, liema sistema ilha mistennija ħafna? Jista' jagħti l-kas li sistema bħal din tikkwalifika għal xi fondi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol biex ir-residenti ta' Triq Sir Temi Żammit ikollhom is-sistema ta' drenaġġ nbeda u mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena. Ma saret ebda talba biex dan ix-xogħol ikun issussidjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea.

Ħal Tarxien — Sub-post office

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir sub-post office f'Ħal Tarxien għax l-eqreb post office huwa f'Raħal Ġdid u dan huwa 'l bogħod ferm għal min joqgħod f'Ħal Tarxien (speċjalment għall-anzjani li joqogħdu fit-tarf ta' Ħal Tarxien?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li t-talba tiegħek għal ftuħ ta' Sub Uffiċju tal-Posta f'Ħal Tarxien ser tiġi kkunsidrata.

Isla — Arloġġ

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 18315, 19826 u 19952, peress li skond l-informazzjoni li ġbart l-arloġġ ta' l-Isla jaqa' taħt il-kontroll tal-management tad-dockyard, jistgħu jittieħdu passi li jsir dak li hu meħtieġ minn min hu responsabbli biex it-tiswija u l-konservazzjoni ta' dan l-arloġġ issir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-arloġġ ta' l-Isla m'għadux jaqa' taħt il-kontroll tal-Malta Shipyards Ltd. Għalehekk nitlob l-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, u cioe' lill-Ministru responsabbli għall-Artijiet (tal-Gvern).

Hompesch Steel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-kumpannija Hompesch Steel li tinsab fil-viċinanzi tal-housing estate ta' Bulebel iż-Żgħir ġewwa Ħaż-Żabbar tiġi rilokata għal xi post ieħor? Jekk fl-affermattiv, fejn u meta se jsir dan? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li kien hemm bidla fil-ħsieb u kif se jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-propjeta' msemmija mill-Onor. Membru ma taqax fiż-żona amministrata mill-Malta Industrial Parks Ltd. (MIP).

Xgħajra — Bdil ta' bozza

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi mibdula bozza li hemm imwaħħla mal-ħajt u li ilha rappurtata maqtugħa għal bosta xhur, bejn Triq l-Iskola u Triq il-Fortizza tal-Grazzja, ix-Xgħajra?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba li d-dawl tat-toroq ġie devolut lill-Kunsil Lokali, dwal ġodda huma responsabbilita tal-Kunsill Lokali.

Enemalta — Makni tal-Petrol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra fi flus li nġabret abbażi ta' l-agreement li kien sar bejn l-Enemalta u l-pompi tal-petrol sabiex titnaqqas xi forma ta' "fee" għall-maintenance and repair tal-makni tal-pompi tal-petrol/diesel, eċċ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ċ-ċifra fi flus li nġabret abbażi ta' l-agreement hija Lm817,557.53 bejn il-perjodu 01 t'April 2003 sa 31 ta' Diċembru 2005, u Lm144,253.23 minn Jannar 2006 sa 31 ta' Mejju 2006.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20236 u jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

SmartCity@Malta

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta ta' fejn mistenni jsir il-proġett ta' SmartCity@Malta? Kemm hi kbira l-area fejn hu mistenni li jsir dan il-proġett? Kemm hemm fabbriki/bini fuq is-sit fejn din ser tiġi żviluppata? Kemm ġiet stmata ż-żona kollha fejn mistenni jsir il-proġett ta' SmartCity@Malta? Min huma s-sidien ta' din is-sit, min kien l-espert/il-perit biex ħareġ il-valur tas-sit? Meta mistenni jibda l-proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 19489, nitlob lil-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru. 18845. F'dan l-istadju m'għandix iktar x'inżid pero' iżjed informazzjoni tingħata meta ssir id-diskussjoni li rriferejt għaliha f'dik ir-risposta.

Ħaddiema tas-servizz pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu abbażi ta' kuntratt definit mal-gvern fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu u min huma? b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern fi ħdan l-istess dekasteru ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin? min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu? xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu u min huma dawk li għandhom grad sostantiv u min huma dawk li m'għandhomx? c) ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor. Interpellant huwa nfurmat li l-informazzjoni mitluba tirrekjedi ħafna ħin u fiċ-ċirkustanzi illi bħalissa l-Gvern qed jevalwa s-sitwazzjoni tal-"fixed -term" (ara risposta PQ 19741), ma jinħassx li għandha tingħata risposta dettaljata f'dan l-istadju.