Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew akkużati nies b'money laundering din is-sena? Kemm hu l-valur totali li hu maħsub li ġie moħbi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, kien hemm ħames persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering, u li l-ammont involut ilaħħaq madwar Lm1,750,000.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm irġiel u nisa li kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku fis-sena 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija li weġgħu 1,013 f'inċidenti tat-traffiku. Minn dawn 617 kienu rġiel filwaqt li 396 kienu nisa.
Rigward rapporti li saru lill-gwardjani lokali, ninsab infurmat illi din is-sena, sas-27 ta' Novembru, kien hemm 4,717-il mara u 15,592 raġel li kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' gwardjani li hemm il-ħabs? Jista' jgħid jekk hemmx lok ta' vakanzi ġodda, u jekk fl-affermattiv meta jaħseb li jkunu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 174 persuna fil-grad ta' Correctional Officer u 21 persuna fil-grad ta' Senior Correctional Officer.
Infurmat ukoll illi fil-preżent ma hemmx vakanzi li jirrikjedu reklutaġġ immedjat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel 11-il xahar tas-sena kemm-il persuna nqabdet tpejjep fi stabilimenti ta' divertiment f'Paceville? Peress li kelli lmenti minn diversi persuni li qed jitħalla jsir tipjip f'diversi postijiet, jista' jara li l-pulizija tagħmel aktar sorveljanza dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 500 persuna talli pejpu f'postijiet pubbliċi ġewwa Paċeville. Kif wieħed jista' jara l-Pulizija qed tinforza r-regolamenti ta' kontra tipjip f'dawn il-postijiet bis-sħiħ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li s'issa matul din is-sena nqabdu jpejpu separatament fil-karozzi tal-linja, fis-cinema u swali tat-teatri, fi stabilimenti tad-divertiment, bħal bars, eċċ. u fi sptarijiet? Kontra kemm-il sid ittieħdu passi bil-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 725 persuna talli pejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit. Dawn kienu 722 ġewwa bars/restaurants; 2 fl-isptar u 1 f'uffiċċju pubbliku. Matul l-istess żmien il-Pulizija ukoll ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 50 persuna responsabbli minn stabbilimenti talli ppermettew li jsir it-tipjip.
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20643 qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 t’Awissu 2006. Mhux possibli għal raġunijiet ta’ riżorsi li jingħataw pjanti u kejl tal-proprjetajiet mibjugħa mill-Uffiċċju Konġunt bejn l-1996 u l-2004. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu bżonn tagħrif fuq xi bejgħ partikolari, nitolbu jagħmel id-domanda speċifikament f’dan ir-rigward.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn tekniċi tal-Joint Office fuq talbiet li għamlu inkwiilini ta' l-Uffiċċju Konġunt biex jixtru l-fond din is-sena? F'liema lokalita' kienu l-ispezzjonijiet u kemm hu l-valur totali li qed jintalab biex iħallsu l-inkwilini tal-postijiet tal-Joint Office biex jixtru l-fond tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li peress li l-proprjetajiet kollha amministrati mill-Uffiċċju Konġunt iridu jiġu reġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet, it-tekniċi tad-Dipartiment jagħmlu diversi spezzjonijiet fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex sabiex isiru l-pjanti tagħhom. Minbarra għal skop ta' reġistrazzjoni, l-pjanti relattivi jintużaw ukoll għal skop ta' identifikazzjoni fil-każijiet ta' bejgħ ta' l-istess proprjetajiet.
L-Uffiċċju Konġunt ma jżommx statistika ta' kemm minn dawn l-ispezzjonijiet iservu għal skop ta' bejgħ ta' l-inkwilinat ta' residenzi jew f'liema lokalita' kienu dawn l-ispezzjonijiet.
Il-valuri tal-proprjetajiet mikrija, li fuqhom isir talba għax-xiri tagħhom, jiġi stabbilit individwalment skond stima peritali meta tkun qegħda tiġi proċessata t-talba tal-inkwilini.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22115, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kienx hemm sentenzi mogħtija mill-qrati ta' l-appell superjuri (tliet ġudikanti) fejn wieħed mill-imħallfin kellu dissenting opinion kif ġieli sar fi qrati oħra fl-Ewropa u partikolarment fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem?
Jekk qatt ma kien hemm dissenting opinion, dan għandu jfisser li fis-sentenzi mogħtija mill-qrati superjuri hawn Malta dejjem kien hemm qbil unanimu mill-ġudikanti u s-sentenzi jiffirmawhom it-tliet ġudikanti bħala li jaqblu t-tilieta?
Response (BORG, TONIO)
Peress li f'Qorti kolleġjali s-sentenza tirrifletti jew il-fehma tat-tliet imħallfin jew tal-maġġoranza tagħhom iżda dejjem tingħata biss sentenza waħda, wieħed qatt ma jista' jkun jaf jekk kienx hemm sentenzi mogħtija fejn wieħed mill-imħallfin kellu opinjoni dissenzjenti. Hija prassi li anke l-imħallef li ma jkunx jaqbel mas-sentenza jiffirma l-istess sentenza, għax dik tkun is-sentenza tal-Qorti. Ir-regola 18 tal-Kodiċi tal-Etika għall-Ġudikanti jipprovdi li l-membri ta' Qorti kolleġjali m'għandhomx, direttament jew indirettament, jiżvelaw il-vot jew l-opinjoni tagħhom jew ta' xi wieħed jew aktar mill-membri l-oħra ta' dik il-Qorti. Għalkemm l-Artikolu 216 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jipprovdi li fil-Qorti Kostituzzjonali u fil-Qorti ta' l-Appell sentenza tista' tiġi ffirmata minn tnejn biss mill-imħallfin, dawn iż-żewġ firem huma meħtieġa biss meta s-sentenza tkun ser tiġi ppronunzjata mill-president ta' dik il-Qorti mhux fil-presenza taż-żewġ membri l-oħra, u għalhekk b'ebda mod dawk il-firem ma huma indikazzjoni ta' jekk it-tliet imħallfin ikunux qablu jew le dwar dik is-sentenza.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li l-kumpannija Special Cleaners Ltd. kienet diġa' bdiet topera x-xogħol ta' tindif fil-Qorti ta' Malta sa xhur qabel ma ġiet mogħtija t-tender fil-31 ta' Lulju 2006 u dan żgur minn April 2006? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min ta d-direct order biex tagħmel dan l-istess Special Cleaners Ltd.?
Jista' jgħid kemm laħqet tħallset pagamenti diretti l-istess kumpannija ta' l-iSpecial Cleaners Ltd. u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-payment vouchers li saru bejn April 2006 sa qabel ma ngħatat it-tender l-istess kumpannija Special Cleaners Ltd.?
Jista' jgħid jekk ingħatax rapport jew informazzjoni lill-bord ta' l-għażla dwar it-tenders fil-qorti li din l-istess kumpannija kellha diġa' direct order qabel ma sar l-istess bidding tat-tender?
Response (BORG, TONIO)
Il-kumpanija Special Cleaners Limited bdiet topera x-xogħol ta' tindif fil-Qrati ta' Malta fit-8 ta' Awissu 2006. Din il-kumpanija ġiet ingaġġata wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-kuntratt għal dan ix-xogħol ingħata fil-31 ta' Lulju 2006. L-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja ma tat l-ebda direct order lill-kumpanija Special Cleaners Ltd.
Ma sar l-ebda pagament mill-Qrati tal-Ġustizzja lill-kumpanija Special Cleaners Ltd. bejn April 2006 sa qabel ma ngħatat it-tenderl-istess kumpannija.
Naturalment, peress illi t-tindif fil-Qorti ma sarx a bażi ta' "direct order", ir-risposta għall-aħħar parti tad-domanda hi fin-negattiv.
Il-payment vouchers għat-tindif tal-Qorti diġa' tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intilfu proċessi mir-Reġistru tal-Qorti bejn Ottubru 2005 sa Ottubru 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar kemm intilfu proċessi fir-Reġistru tal-Qorti. Pero' nfakkar li kull min jitlob li jara proċess ikollu jiffirma għalih ħalli jinżamm rendikont ta' kull wieħed. Jingħad ukoll li mhux l-ewwel darba li proċess jinqabad ma' ieħor u jitqiegħed f'garżelli ta' dati differenti.
Infurmat ukoll illi fil-perijodu indikat ma ntilef ebda proċess mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġurisdizzjoni Kriminali.
Minħabba li qed ikun hemm konġestjoni kbira ta' traffiku fi Fleur de Lys waqt ir-rush hours u l-ammont ta' studenti ta' l-iskola Santa Monica, partikolarment bejn is-7.00 a.m. u t-8.30 a.m. u s-1.00 p.m. u s-2.00 p.m., jista' il-Viċi Prim Ministru jordna li pulizija tikkontrolla d-dħul u l-ħruġ minn Triq l-Indjana u Triq Brighella?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tat-traffiku, kull meta l-eżiġenzi tas-servizz jippermettu, ikunu preżenti f'din il-lokalita' fil-ħinijiet meta l-istudenti jibdew u jispiccaw l-iskola.
Pulizija — Investigazzjoni ta' każi dwar kunsilliera u sindki
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum kemm kien hemm każi nvestigati mill-pulizija dwar ħidma ta' kunsilliera u sindki wara rapporti ta' irregolaritajiet fl-operat tagħhom fil-kunsilli lokali?
Jista' jagħti l-lista tal-kunsilli lokali kollha fejn saru dawn l-investigazzjonijiet? Kemm kellu każi kull kunsill lokali u kemm minn dawn il-każi tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx mill-Pulizija taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq mistoqsija parlamentari li tirrigwarda plot mhux żviluppat li kellha toħroġ xi offerta fuqha f'kantuniera ta' Triq il-Knisja l-Qadima ma' Triq Indri Galea, Birkirkara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għadu qiegħed iħejji l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot imsemmi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħwienet fil-Gżira u Birżebbuġa li isimhom qed jintbagħat separatament, għandhomx il-permessi meħtieġa biex idoqqu mużika tgħajjat sa l-4.00 a.m. peress li ġirien fl-inħawi lmentaw miegħi bi storbju fis-sigħat tard ta' bil-lejl u bikrin ta' fil-għodu li qed iħarbat il-ħajja tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Kif ġa kelli l-okkażżjoni nispjega, il-liċenzji tan-negozju imsemmi, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, dwar l-ewwel parti, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi, għalkemm ma jirriżultax illi kien hemm xi lmenti mal-Pulizija dwar l-ewwel ħanut imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija tagħmel spezzjonijiet f'dan il-ħanut u tieħu passi kull meta jirriżulta li jkun hemm xi ksur tal-liġi. Dwar il-ħanut l-ieħor kien hemm diversi lmenti mal-Pulizija, pero' f'dan il-każ ukoll il-Pulizija ħadet il-passi skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jekk le għaliex? Jekk iva, meta se jibdew il-proċeduri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija pproċediet quddiem il-Qorti kontra l-persuna indikata u ċ-ċitazzjoni inħarġet fl-4 ta' Lulju 2006, bil-każ ikun appuntat għas-smiegħ nhar l-24 ta' Ottubru 2006. Ġara pero' illi waqt is-smiegħ tal-kawża tqajmet l-eċċezzjoni illi filwaqt li l-inċident kien seħħ fit-8.15pm, fuq iċ-ċitazzjoni il-ħin kien indikat fit-8.15am. Kif ġie ssollevat dan il-punt, l-uffiċjal prosekutur kien talab lill-Qorti għal korrezzjoni tal-ħin, pero' stante li l-każ kien fl-istadju ta' provi tad-difiża, din it-talba ma ġietx milqugħa. Minħabba f'hekk l-imputat ġie liberat. Għandu jingħad ukoll illi l-vittma, ma kienx ġie notifikat għal din is-seduta, stante li meta l-Pulizija kienet marret tqassam it-taħrika fir-residenza tiegħu, f'erba' okkażżjonijiet, ma kien hemm ebda risposta.
Wara s-seduta ta' l-24 ta' Ottubru 2006, il-Pulizija rreġistrat nota ta' appell minn din is-sentenza, pero' fuq punti tekniċi, ma kienx hemm lok ta' appell.
Minn indaġini li saret, sar magħruf, illi għalkemm fil-kopja ta' l-akkuża li ntbagħtet mis-surġent li nvestiga l-inċident fl-uffiċċju prinċipali taċ-ċitazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn ikunu pproċessati taċ-ċitazzjonijiet. Il-ħin kien indikat korrett, ċioe' 8.15pm, meta ċ-ċitazzjoni ġiet miktuba, il-kuntistabbli mara li ttraskriviet l-akkuża, bi svista, il-ħin tniżżel bħala 8.15am.
Minkejja dan, il-Pulizija ser tkompli bil-proċeduri quddiem il-Qorti kontra l-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant, billi terġa' tiġi servuta ċitazzjoni oħra bil-ħin korrett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22118 li kienet titratta dwar pulizija Għawdxin, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm pulizija Għawdxin li jaħdmu f'Għawdex irtiraw/ħarġu mill-korp f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn il-pulizija li rtiraw/ħarġu ġew replaced u mhux ingaġġati mal-korp kif irrisponda l-Viċi Prim Ministru f'mistoqsija parlamentari 22118?
Response (BORG, TONIO)
L-ewwel u qabel xejn niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellanti, illi f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 22118 it-tagħrif mitlub kien dwar "Pulizija Għawdxin" u mhux pulizija stazzjonati Għawdex. Għadaqstant it-Tweġiba mogħtija kienet relevanti għat-tagħrif kif mitlub.
Dwar dak mitlub f'din il-Mistoqsija, ċioe' 22492, ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 28 membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati Għawdex li spiċċaw mill-Korp, filwaqt li matul l-istess perijodu ġew stazzjonati 9.
Pulizija — Persuni li nqabdu jibburdellaw f'night clubs
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li nqabdu nhar is-17 ta' Novembru 2006 f'diversi night clubs f'Paceville u Buġibba jiżfnu u li ġew akkużati b'burdell?
Jista' jgħid min fost dawn il-persuni għandhom il-permessi meħtieġa biex jaħdmu f'Malta?
Jista' f'kull każ jgħid x'inhu l-permess tax-xogħol li jistgħu jagħmlu f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 37 tfajla li tressqu l-Qorti mill-Pulizija wara li kienu nstabu f'ċirkostanzi li jindikaw li kienu qed jagħmlu attivitajiet immorali f'diversi stabbilimenti ġewwa Paceville matul il-lejl tas-17 ta' Novembru 2006.
Minn dawn it-tfajliet, 20 kienu mir-Rumanija; 7 mill-Ungerija; 4 mir-Repubblika Ċeka; 2 mir-Repubblika Slovakka; 1 mill-Polonja; 1 mill-Estonja u 2 Maltin. Ma' dawn tressqu wkoll 10 irġiel li ġew akkużati li kienu żammew burdell u akkużi oħra relatati.
Billi ninsab infurmat ukoll illi dawn il-proċeduri kriminali għadhom pendenti quddiem il-Qorti, ma nħossx li huwa prudenti li jingħata aktar tagħrif dettaljat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' hit and run din is-sena? Kemm ġew solvuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija disa' każi fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra, li minnhom s'issa seba' ġew solvuti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija fuq ix-xogħol din is-sena? Kemm minn dawn weġġgħu wara li ġew aggrediti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, kien hemm 111 membru tal-Korp tal-Pulizija li weġgħu waqt li kienu duty. Minn dawn 29 kien waqt li ġew aggrediti.