Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid separatament kemm kienet l-attendenza fil-mużewijiet ta' Malta u Għawdex matul is-snin 2003 u 2004?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #9981 Sitting 220 2005-01-17 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Armar tal-karnival

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9909, jista' il-Ministru jgħid għaliex meta kien hemm offerta b'orħos prezz għall-istess servizz ingħatat dik aktar għolja bi kważi Lm500? Ma jaħsibx li din tmur kontra l-kunċett ta' value for money u mhix prattika viabbli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kien proprju minħabba l-kunċett ta’ value for money li ntgħażlet din l-offerta. Dan għaliex value for money fih żewġ elementi : is-servizz offrut u l-prezz. Ninsab infurmat illi l-kumpanija li tefgħet l-offerta bl-orħos prezz ma tiggarantixxix il-livell ta’ servizz mixtieq. Għalhekk intgħażlet il-kumpanija li tefgħet it-tieni orħos prezz imma bil-livell ta’ servizz mixtieq garantit.
Leg 10 PQ #9826 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Villa Rumana

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9710 u cioe' jgħid kemm intnefaq s’issa fuq ix-xogħol ta’restawr fil-Villa Rumana fir-Rabat? Jista' jelenka x-xogħol li sar s’issa u kemm ġie jiswa kull xogħol? Jista' jgħid meta beda u ntemm kull xogħol u min ħadem kull xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9780.
Leg 10 PQ #9780 Sitting 218 2005-01-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Villa Rumana

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9709 u cioe' jgħid x’inhu x-xogħol li fadal isir biex ikunu lesti x-xogħlijiet kollha fuq il-Villa Rumana fir-Rabat? Kif inhu mqassam ix-xogħol sakemm jitlesta għal kollox? Kemm hu stmat ix-xogħol li fadal li jsir? Min qed jagħmel ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-proġett jirrikjedi diversi interventi delikati u ċertu ppjanar u ma jistax isir qabel xogħol ieħor jiġi konkluż. Hemm ukoll l-aspett finanzjarju li ma jħalliniex nagħmlu kollox li hemm bżonn immedjatament. Għaldaqstant għal fażijiet li jmiss qed tiġi studjata liema sistema ta' ventilazzjoni u filtraġġ ta' arja għandha tiġi nstallata. Xogħol preliminari għal impjant ta' dan it-tip diġa tlesta. Irid isir ukoll studju ta' kif ser isir xogħol estensiv ta' restawr tal-mużajk in situ peress li s'issa sar intervent ta' tindif, dokumentazzjoni u konservazzjoni minima. Qegħdin jiġu preparati pjanijiet għall-illuminazzjoni tas-sit ta' wara. Saret applikazzjoni għal-landscaping u parking għal-karozzi ta' persuni bi bżonnijiet speċjali, twaqqif u irranġar ta' ħitan li jtejbu is-sigurta' fuq is-sit ta' wara u qed jitkompla l-iskavar ta' dan is-sit sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu japprezzaw x-xogħol tal-arkeoloġi u konservaturi-restawraturi. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Leg 10 PQ #9867 Sitting 218 2005-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Minor staff

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk minor staff detailed mal-Heritage Malta jistgħux jiġu trasferiti fuq talba tagħhom stess ma' dipartimenti oħrajn tal-gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-minor staff detailed ma' Heritage Malta jistgħu jiġu trasferiti fuq talba tagħhom stess bil-miktub ma' dipartimenti oħrajn tal-Gvern. Din it-talba trid tiġi mibgħuta lill-Management Personnel Office (MPO), għall-approvazzjoni, jekk ikun il-każ ta' l-istess Uffiċju.
Leg 10 PQ #8439 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Belt Valletta — Monjument tal-Gran Mastru La Valette

Question

Jikkonsidra l-Ministru li ssir xi forma ta' tifkira lil Gran Mastru La Valette peress li sal-lum ma jeżisti ebda monument, speċjalment fil-Belt Valletta li jfakkru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proposta qed tiġi kkunsidrata.
Leg 10 PQ #8441 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tifkira lil Arvid Pardo

Question

Jikkonsidra l-Ministru li ssir xi forma ta' tifkira lil Arvid Pardo, il-moħħ wara l-liġi tal-baħar tal-Ġnus Magħquda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment qed jiġi kkunsidrat.

Dar il-Mediterran — Inkonvenjent għar-Residenti ta' l-Akwati

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9543 u cioe' b'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9486, jistax jikkonferma li l-air conditioners li se jiġu stallati f'Dar il-Mediterran hux se jkunu ta' tip silent? X'se jiġri mill-air conditioners il-qodma? Għar-rigward ta' l-inkonvenjenza lir-residneti minħabba mużika għolja li ġieli ddum sat-3.00 a.m. (ir-residenti ilhom b'dan l-inkonvenjent għal dawn l-aħħar sitt snin), x'rimedju qed toffri Dar il-Mediterran?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-air conditioners li ser jiġu nstallati huma tat-tip silent. Barra minn hekk ic-chillers ta' dawn l-air conditioners ser jitwaħħlu f'parti tal-bejt ’il bogħod mir-residenti. B'hekk tkompli tonqos kull possibiltà ta' inkonvenjenza. Dwar l-air conditioners il qodma, dawn ser jittieħdulhom dawk il-partijiet li għad jistgħu jintużaw u l-bqija jintremew. Wieħed ta’ min jinnota li dawn il-units ilhom imwaħħlin madwar 25 sena. Is-suċċess tal-pjan ta’ viabilità għal Dar il-Meditterran ġab miegħu żieda fl-attività. Qed jiġi implimentat pjan serju, ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri, sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent lir-residenti minħabba din l-attività. Dan il-pjan jinkludi: l-installazzjoni ta’ service lift fuq Triq il-Mediterranean sabiex is- service entry ma tibqax minn Triq Pozzi fejn jgħixu n-nies; li l-bibien li jagħtu fuq Triq Pozzi ma jinfetħux wara l-11p.m. għajr f’eċċezzjonijiet; li t-twieqi li jagħtu għal fuq din l-istess triq għandhom jiġu mbarrati bil-ġebel; u li għandhom jinbidlu ż-żewġ bibien li jagħtu fuq Triq Pozzi. Dawn huma ta’ tip sound proof . Xi wħud minn dawn il-miżuri ġa ġew implimentati, waqt li oħrajn għandhom jiġu implimentati fil-futur qarib.
Leg 10 PQ #9791 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' San Ġorġ — Triq Santu Wistin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'irriżulta mill-verifiki li għamel dwar is-suġġeriment li għamilt f'mistoqsija parlamentari 9729?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul is-sajf li għadda id-dawl kien qed jiġi provdut matul il-lejl kollu bi flood lights mwaħħla ma' l-arbli tad-dawl eżistenti biswit il-Bajja ta' San Ġorġ. Dan kien qed isir biex ma jitħalliex li jsir xi forma ta' abbuż fuq il-bajja matul il-lejl. Fil-preżent dan id-dawl huwa mitfi sa kemm jitkomplew ix-xogħolijiet matul ix-xhur li ġejjin, peress li m'hemmx il-bżonn li dan jibqa' mixgħul. Huwa maħsub li l-fanali dekorattivi jitwaħħlu matul il-promenade il-ġdid fix-xhur li ġejjin.
Leg 10 PQ #9794 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Grant Scheme for Tourism Industries

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9726, jista' il-Ministru jgħid fuq liema indirizz ħa jsir ix-xogħol u kemm se jieħu kull operator?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9734.
Leg 10 PQ #9795 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Konsulenti/PRs/PAs

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti, PRs, PAs u persuni oħra li kienu engaged ma' l-MTA ukoll bħala consultants għall-aħħar ħames snin, u jista' jagħti wkoll id-dati ta' meta bdew u meta spiċċaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #9796 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Biljetti mingħand l-Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid l-MTA kemm tirċievi biljetti ta' l-ajru b'xejn mingħnad l-Air Malta? X'iinhuma l-kriterji biex jintużaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma tirċievi l-ebda biljetti b'xejn. Pero jeżisti barter agreement bejn l-Awtorita' u l-Airmalta, li permezz tiegħu l-Awtorita' tirċievi numru ta' biljetti ta' l-ajru bi prezz imnaqqas.
Leg 10 PQ #9909 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Armar tal-karnival

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-kuntratturi u l-offerti tagħhom għat-tender għall-ġarr ta' pajpijiet u ħadid ta' l-armar tal-Karnival? Minn dawn l-offerti, liema waħda ntgħażlet u x'kienu r-raġunijiet għalfejn intgħażlet din l-offerta u mhux l-orħos waħda kif titlob il-prattika?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi d-dettalji li talab l-Onor interpellant jinsabu fit-tabella li tidher hawn taħt. Fil-għażla ta’ offerti jittieħdu in konsiderazzjoni diversi kriterji inkluż il-prezz u s-servizz offrut fil-passat. Għalhekk jista’ jagħti l-każ li, bħalma ġara din id-darba, ma tintgħażilx l-orħos offerta. Tabella li turi l-Offerti dwar Ġarr ta’ Materjal għall-Karnival ta’ Malta 2005 Kuntrattur Prezz Għażla Ta’ Pina Professional Transport Lm2,700 Mhux magħżul Borg Brothers Lm 3,450 Mhux magħżul Frans Borg Transport Lm 3,145 Magħżul
Leg 10 PQ #9681 Sitting 216 2004-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ikel u Xorb

Question

B’riferenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 9364, jista’ il-Ministru jinformani kif f’Malta hawn suq ħieles u fl-istess ħin żdiedu dazji, tariffi u kwoti fuq l-importazzjoni ta’ l-ikel ta’ l-industrija tat-turiżmu minn non-EU countries meta suppost kellhom jitneħħew il-levies lokali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-prinċipju tas-suq ħieles japplika għas-suq intern li jeżisti fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. Dan is-suq Ewropew imbagħad jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiddefendi l-kompetittivita` tiegħu versu swieq esterni oħra li qegħdin jikkompetu miegħu.
Leg 10 PQ #9748 Sitting 216 2004-12-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

St James Cavalier — Operating Expenses

Question

Jista' il-Ministru jispjega u jagħti breakdown ta' l-other operating expenses ta' l-accounts ta' St James Cavalier f'paġna 18 għas-sena 2003?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #9710 Sitting 213 2004-12-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol ta' restawr — Villa Rumana - Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq s’issa fuq ix-xogħol ta’restawr fil-Villa Rumana fir-Rabat? Jista' jelenka x-xogħol li sar s’issa u kemm ġie jiswa kull xogħol? Jista' jgħid meta beda u ntemm kull xogħol u min ħadem kull xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #9711 Sitting 213 2004-12-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mużewijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel għaxar xhur ta’din is-sena kemm kienu dawk li żaru l-Mużewijiet f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minn dawn kienu gruppi ta’ studenti? Jista' jagħti l-figuri ta’dawk li żaru kull mużew f’Malta u Għawdex f’dan iż-żmien?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #9734 Sitting 213 2004-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Operaturi turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-operaturi fit-turiżmu li ntgħażlu biex jikkwalifikaw għall-fondi mill-UE u l-gvern Malti fi skema kordinata bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Bank of Valletta? Jista' jgħid f'kull każ fiex jikkonsisti l-proġett li se jagħmlu u kemm se jingħataw fondi għalih? Jista' jgħid kemm applikaw għal dawn il-fondi u meta se ssir sejħa oħra għall-użu ta' fondi simili?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din l-iskema ġiet organizzata mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu biss. Il-Bank of Valletta sellef l-ammont rimanenti (oltre l-parti finanzjata mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern) lil dawk li riedu japplikaw għal-Grant Scheme. Kien hemm 53 applikant li bbenefikaw mill-fondi. Il-fondi intużaw kollha. Sejħa oħra issir jekk u meta fondi simili jkunu disponibbli għal eserċizzju simili. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #9709 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Villa Rumana — Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol li fadal isir biex ikunu lesti x-xogħlijiet kollha fuq il-Villa Rumana fir-Rabat? Kif inhu mqassam ix-xogħol sakemm jitlesta għal kollox? Kemm hu stmat ix-xogħol li fadal li jsir? Min qed jagħmel ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #9726 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Grant Scheme for Tourism Enterprises

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet li kkwalifikaw għall-Grant Scheme for Tourism Enterprises (European Regional Development Fund, Structural Funds Programme for Malta 2004-206)'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.