Billi l-parking hi problema li tolqot bosta lokalitajiet, jista’ l-Ministru jikkonsidra l-possibbiltà li matul il-ħinijiet ta’ billejl waqt il-ħin li ma jkunx hemm trasport pubbliku, l-ispazji riservati għall-bus stops, jintużaw biex fihom isir il-parking?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bus stops, fil-maġġoranza tagħhom, jintużaw mis-servizz tat-trasport pubbliku bejn il-ħamsa ta’ filgħodu u l-ħdax ta’ bil-lejl. Dan minbarra li ċertu bus stops jintużaw ukoll fuq is-servizz ta’ bil-lejl. Dan ifisser li ċertu bus stops ma jkunux qegħdin jintużaw ħlief għal perjodu pjuttost qasir tal-lejl filwaqt li ċertu bus stops jibqgħu jintużaw prattikament il-ħin kollu.
Wieħed irid ukoll jikkunsidra li miżura bħal din tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ nfurzar sabiex jiġi żgurat li ma’ jkunx hemm vetturi pparkjati fil-ħin li jkun qed jopera s-servizz tat-trasport pubbliku, speċjalment fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu.
Jista’ l-Ministru jispjega l-politika tal-Awtorità tat-Trasport dwar roti li jitwaħħal mutur magħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tirreġistra biss dawk iċ-ċikletti bil-mutur u/jew pedelecs li huma manifatturati għall-iskop li jintużaw bħala ċikletti bil-mutur jew pedelecs. Huwa llegali li jitwaħħal mutur b’kombustjoni nterna jew mutur li jaħdem bl-elettriku fuq ċikletta bil-pedali.
Huwa fatt important li wieħed jagħmel distinzjoni bejn dawn il-pedelecs li jaħdmu bil-batterija kontra r-roti (li jeżistu) u nstallati b’magna li taħdem bil-petrol u li dawn huma illegali u jagħmlu ħafna storbju meta misjuqin fit-toroq.
Jista’ l-Ministru jgħid hux se jingħata xi inċentiv biex il-poplu jibda jagħżel li juża aktar il-mutur milli l-karozza bħala mezz tat-trasport?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti diġa wettaq inizzjativi sabiex jinċentiva l-użu ta’ muturi bħala mezz alternattiv ta’ trasport. Fil-fatt, fl-ahhar sentejn daħlu dawn il-miżuri f’dan ir-rigward:
- Muturi b’magna sa massimu ta’ 250cc tneħħitilhom it-taxxa ta’ reġistrazzjoni filwaqt li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq muturi b’magna ta’ ‘l fuq minn 250cc ġiet mraħħsa;
- Sewwieqa fil-pussess ta’ kategorija B fuq il-liċenzja tas-sewqan, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, setgħu isuqu mutur b’magna ta’ mhux iktar minn 125cc, u wara li jkun ittieħed kors ta’ taħriġ neċessarju;
- Il-liċenzja għal muturi żgħar ta' 125cc jew anqas tnaqqsitilhom drastikament għal
flat rate
nominali ta' €10 fis-sena;
- It-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq muturi elettriċi tneħħiet.
Buġibba – Direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar – traffic lights
Question
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 25282 u 22713, billi l-periklu li hemm fuq il-post qed jikkawża diffikultajiet mhux żgħar f’dawn in-naħat, u billi l-istess problema ġiet ukoll imsemmija almenu darbtejn fuq il-ġurnal It-Torċa, jista’ l-Ministru jassigura li jitwaħħlu l-lights neċessarji u dan qabel ikun tard wisq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien nisab infurmat li l-parti tal-inkroċju bejn Triq il-Korp tal-Pijunieri k/m Triq il-Wileġ, li għalih qed tirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari, m’għandu l-ebda parti minnu kkonrollat bis-sinjaletika elettronika tat-traffiku. Il-movimenti tat-traffiku f’dan l-inkroċju huma kkontrollati bis-sinjaletika ta’ STOP li għandu jiġi osservat. Il-parti fejn hemm sinjaletika elettronika tat-traffiku tinsab fi Vjal Kennedy k/m Triq Korp tal-Pijunieri.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq qatt ma saru fil-lokalità kollha ta’ San Pawl il-Baħar, u li hemm il-ħsieb li jsiru matul din is-sena, jew is-sena d-dieħla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta, it-toroq residenzjali li qatt ma saru fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar huma s-segwenti:
Triq is-Simar
Triq il-Konz
Triq Manuel Bonnici
Triq Massimiliano Kolbe
Triq il-Qawra
It-toroq residenzjali jsiru darba li jkunu ffurmati u skont il-prioritajiet, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi l-pożizzjoni ta’ Transport Malta f'isem il-Gvern għal dak li jikkonċerna residential parking zones madwar Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li talbiet għal parkeġġ bil-ħin ser jiġu evalwati fl-isfond tal-polza l-ġdida dwar il-parkeġġi fit-toroq.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitwaħħlu s-slielem fil-bajjiet madwar il-kosta biex jgħinu lin-nies jinżlu u jitilgħu mill-baħar? Kif ukoll meta hu mistenni li jitqiegħdu f'posthom il-bins li jkun hemm madwar il-kosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li s-slielem tal-baħar ilhom jiġu mwaħħla tul il-kosta ta’ pajjiżna għal dawn l-aħħar ġimgħat. Fil-ġranet li ġejjin hu maħsub li jkunu twaħħlu kollha.
Il-bins madwar il-kosta bdew jiġu mpoġġija wkoll.
Wieħed irid japprezza, li jekk din l-infrastruttura titwaħħal kmieni ħafna, jirriżulta li tiġrilhom ħafna ħsara qabel ma jibda l-istaġun tas-sajf.
Rapport dwar il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex li ġew imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25333?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li fuqhom sar it-tarmak ġdid fil-ħames distrett, u xi pjanijiet hemm għal toroq ġodda u/jew manutenzjoni fis-sentejn li ġejjin? Peress li x-xogħol fuq it-twessiegħ tal-Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq ġie imsemmi fil-budget speech, jista' jagħti indikazzjoni meta se jibda x-xogħol fuq din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-lista ta’ toroq li fuqhom sar xoghol ta’ tarmak ġdid fil-ħames distrett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward ix-xogħljiet fuq Vjal ix-Xarolla, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24168.
Jista' l-Ministru jispjega jekk hemmx xi pjanijiet ta' titjib għall-parkeġġ f'Wied iż-Żurrieq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għal xi titjib fil-parkeġġ ta’ Wied iż-Żurrieq. Madankollu Transport Malta se tikkuntatja lill-istess kunsill sabiex tiddiskuti tali proposta.
Jista' l-Ministru x'titjib qed isir biex titnaddaf Birżebbuġa minħabba l-industrijalizzazzjoni tal-viċin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-responsabbilta tat-tindif ġewwa l-lokalita’ ta’ Birżebbuġa hija f'idejn il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Min-naħa tad-Direttorat għat-Tindif, isir tindif fit-toroq arterjali li jwasslu għal Birżebbuġa, jiġifieri Triq Ħal-Far kif ukoll Triq Għar Dalam.
Iktar minn hekk, peress l-influss ta’ turisti u Maltin li jżuru fil-lokalita’, id-Direttorat għat-Tindif jagħmel tindif regolari mit-Tnejn sal-Ħadd tul il-promenade kollu mill-Al Fresco sa Wied il-Buni, s-sena kollha. Dan jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u ħasil tal-promenade.
Ftit taż-żmien ilu ġiet maħruġa multa ta' €950,000 lil CMA CGM fil-Freeport, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn tħallsux, u kemm se jiġu allokati minnhom għat-tisbiħ ta' Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fuq it-Triq tas-Salini u kemm kien fiha tul?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għax-xogħlijiet ta’ Triq il-Kosta, li jinkorpora t-tul kollu mill-Qawra saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth f’Pembroke, hija ta’ €54,747,409.38 incl.VAT.
Is-sit tal-proġett jkopri 7.3 km.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-talba tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex u tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn biex Triq il-Qbajjar tiġi one way fix-xhur tas-Sajf hijiex ser tintlaqa’? Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex għadhom ma ngħatawx risposta għat-talba tagħhom meta skont l-istess talba din għandha tiġi one way b’effett mill-1 ta’ Ġunju? Jekk mhux ser tiġi milqugħa, jista' jagħti r-raġunijiet għaliex u kif beħsiebu jikkontrolla l-konġestjoni li tinħoloq kuljum f’partijiet minn din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi evalwata minn Transport Malta.
B'rabta mal-ammont tat-traffiku dejjem jiżdied fil-lokalità tal-Manikata, jista' l-Ministru jara li Transport Malta tikkummissjona rapport dwar l-impatt u l-immaniġġar tat-traffiku f'din il-lokalità u dan anke fid-dawl tal-kwistjoni ta' Sqaq Ħarruba li ilha tkaxkar numru ta' snin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-problema tat-traffiku fil-Manikata hija minħabba li Triq tal-Wilġa u Triq il-Manikata huma dojoq u ma jifilħux għal vetturi fiż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku. Għaldaqstant, Transport Malta ħejjiet proposta sabiex Triq tal-Wilġa u Triq il-Manikata jsiru f’direzzjoni waħda lejn Triq Għajn Tuffieħa. Din il-proposta ser tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Il-każ ta’ Sqaq Ħarruba mhux każ ta’ mmanniġġjar tat-traffiku għax tali passaġġ mhux skedat bħala triq pubblika.
Jista’ l-Ministru jgħid x’jedd għandhom il-kumpaniji lokali kollha tal-cruises Maltin, speċjalment dawk li jieħdu t-turisti mal-portijiet, li jieħdu bankijiet, u biċċiet tal-promenade tul San Ġiljan u Tas-Sliema? Dawn ħarġu b’tender? Jekk iva, kemm qed iħallsu għal dan il-privileġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jindirizza l-problema li hemm fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Wied quddiem il-Klabb tal-boċċi f'Ħal Qormi, peress li meta jkun hemm maltempata, qed ikun irrapportat żbroff?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħal Qormi – Triq San Bastjan u Triq Korrea – Sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jindirizza l-problema li hemm fis-sistema tad-drenaġġ bejn Triq San Bastjan u Triq Korrea f'Ħal Qormi, peress li meta jkun hemm maltempata, qed ikun irrappurtat żbroff?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Il-Għargħur, in-Naxxar u l-Mosta – servizz ta’ karozza tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm servizz ta’ karozza tal-linja bejn it-tliet irħula; Għargħur, Naxxar u Mosta minħabba l-fatt li matul is-snin, ħafna residenti ta’ dawn il-postijiet marru jgħixu f’post ieħor minn dawn l-imsemmija u allura huwa essenzjali li jkun hemm dan is-servizz mit-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 260 tagħti konnessjoni permezz tat-trasport pubbliku bejn it-tlett irħula imsemmija, b’servizz ta’ kull siegħa.