Billi rċevejt diversi lmenti minn għadd ta' residenti dwar sleeping policeman fi Triq San Gwakkin, Wied il-Għajn, li saret dan l-aħħar, jista' l-Ministru jgħid jekk din sarietx bil-permess tat-traffic control board? Jekk le, possibbli jittieħdu passi biex din titneħħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-road hump fi Triq San Gwakkin, Wied il-Għajn, li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret bl-approvazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku (Illum id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku).
Minn spezzjoni riċenti tas-sit irriżulta li numru ta' sinjali u marki tat-toroq li għandhom isiru bħala parti integrali mill-installazzjoni ta' road hump kien u għadhom ma sarux. Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku ħa passi meħtieġa u informa l-Kunsill Lokali u dawn għandhom isiru immedjatament.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33622 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u jara li Triq l-Immakulata, Marsaskala, tingħata kisja tarmac peress li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mall-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista’ l-Ministru jgħid meta sejjer isir u jiġi konkluż ix-xogħol fi Triq il-Fortizza, Mellieħa liema triq ilha hekk mingħajr ma hija iffurmata għal snin sħaħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fi Triq il-Fortizza qed isir bħala parti mill-proġett ta' kostruzjoni fil-lokalita'.
Fl-ewwel parti ta' din it-triq għaddej ix-xogħol fiha biex issir il-formazzjoni tat-triq. Malli din il-fażi tax-xogħol titlesta, il-kuntrattur li tqabbad biex jagħmel l-asfalt ikun jista jagħti l-wiċċ, waqt li x-xogħol ikun qed jitwettaq fuq it-tieni parti.
Naturalment, tajjeb wieħed ifakkar li r-residenti f'dawn l-inħawi ser jingħataw s-servizzi kollha neċessarji bħala riżultat ta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-kuntrattur li kien inkarigat li jsewwi t-triq għall-Armier? Min spezzjoni x-xogħol kemm-il darba dan sar ħażin b'konsegwenza li dilettanti ta' vetturi ilmentaw minn dan l-istat? X'passi se jieħu d-dipartiment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi żmien ilu sar patching mill-Kunsill permezz tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Id-Direttorat għat-Toroq ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill biex ix-xogħol ikun spezzjonat u l-irranġar li hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu il-pjani tal-gvern biex tiġi irranġata Sliema road, il-Gzira minħabba l-ilmijiet kbar li jinġabru fiha kull meta tagħmel ix-xita sew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq beda xogħol fil-parti t'isfel ta' Triq Sliema, li qed jinkludi wkoll tindif u tiswija tal-culverts ezistenti, biex b'hekk il-problema ta' l-għargħar f'din it-triq tkun tista' tiġi riżolta. Dan il-culvert jiġi estiż in konnessjoni ma' proġetti oħra li jridu jitwettqu fil-lokalita'.
B'riferenza għall-petizzjoni ppreżentata minni f'isem numru ta' residenti ta' Triq V Dimech, Furjana, kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta` hemm li l-area indikata f'tali petition tiġi riżervata għal dawn ir-residenti minħabba fil-problema kbira ta' parking li hemm fil-lokal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-problema ppreżentata fil-petizzjoni tar-residenti ta' Triq V Dimech teżisti mhux biss fl-area msemmija iżda f'ħafna postijiet oħra, għaldaqstant mhux possibli li t-talba tiġi milqugħa mingħajr ma jinħoloq preċedent għal ħafna talbiet oħra ta' din ix-xorta.
Jien infurmat ukoll li l-iSteering Committee maħtur mill-Kabinet biex joħoloq sistemi ta' parkeġġ li jagħtu prijorita' lir-residenti qed jagħmel ħidma speċjali biex dawn is-sistemi jiġu ntrodotti fl-iqsar żmien possibli f'dawk iż-żoni l-aktar milquta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' tfal ta' l-iskola li jistgħu jgħabbu l-mini buses ħomor 14 seater, ħomor 18 seater u bojod 10 seater?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-vetturi użati għat-Trasport Pubbliku għandhom iġorru passiġġieri daqs kemm jirriżulta mill-log book tagħhom. Tajjeb li nfakkar l-Onor. Membru li skond l-Artikolu 45 (3) tal-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku, żewġ persuni taħt l-għaxar snin huma kkalkolati bħala persuna waħda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir il-proġett tant meħtieġ fil-wied ta' Ħal Balzan u dan sabiex tissolva l-problema ta' l-għargħar? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titneħħa s-side road li hemm viċin is-showrooms viċin il-bus-stop ta' quddiem il-ġibjun ta' Ħal Lija? Jaf li jekk din is-side road titneħħa jiġu preġudikati bil-kbir l-istess ħwienet li hemm fiha? Jista' jgħid jekk ikkonsultax mas-sidien ta' dawn il-ħwienet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq beda jaħdem fuq proġett ta' l-immaniġjar ta' l-ilma tax-xita mill-pjazza ta' l-Imsida sa Birkirkara, u li eventualment iservi biex ikopri ukoll il-bżonnijiet ta' kontrol ta' l-ilma tax-xita fil-Wied ta' Hal Balzan.
Rigward is-side road li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, s'issa d-Direttorat tat-Toroq m'għandu l-ebda ħsieb li jneħħi din is-side road għalkemm kienu saru xi proposti f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir resurfacing tat-triq li tagħti minn Triq Notabile sa' Fleur-de-Lys? Jaf il-Ministru li l-bankina qiegħda fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq fil-preżent qed jesegwixxi xogħlijiet ta' resurfacing f'diversi lokalitajiet f'Malta kollha u x-xogħol mitlub mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkollu d-Direttorat.
Billi issa saru l-crash barriers f'nofs B'Kara by-pass biex karozzi ma jaqsmux fil-carriage way tan-naħa l-oħra u b'hekk jiġu evitati inċidenti, ġara lil nies ta' Għargħur Road tan-naħa waħda ma jistgħux jaqsmu għan-naħa l-oħra, għaldaqstant, jista' jsir underpass żgħira biex dawn ikunu jistgħu jaqsmu it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-crash barriers fil-lokalita' kienu bżonnjużi ħafna sabiex anki n-nies ma jaqsmux minn din il-parti tat-triq, u biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju li n-nies jittajru.
Id-Direttorat tat-Toroq qiegħed jara x'jista' jsir biex jekk ikun possibli jinstab post addekwat fejn in-nies ikunu jistgħu jaqsmu.
Jista' l-Ministru jara li s-sistema ta' trasport pubbliku li hemm lejn u lura minn M'Xlokk issir aktar effiċjenti, b'mod partikolari lejn M'Xlokk u dan billi f'peak hours ikun hemm trasport dirett lejn M'Xlokk biss, biex residenti minn M'Xlokk ma jagħmlux siegħa jistennew għax il-karozzi jkunu kollha mimlija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li żieda f'peak hours hi parti minn pakkett ta' titjieb fis-servizz li d-Direttorat qiegħed jissuġerixxi li jimplimenta wara diskussjonijiet li saru ma' l-Assoċjazzjoni tas-Sidien u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pjani ta' asfaltar ta' toroq li jaqgħu taħt il-gvern ċentrali, lokal lokal u meta ser issir bi prijorita`?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb fit-toroq u għalhekk il-prijoritajiet jiġu aġġornati minn żmien għal żmien skond kif ikun il-bżonn. Għalhekk mhux possibli li jingħataw ismijiet tat-toroq kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kazijiet fejn vapuri tat-turisti kellhom iħassru il-waqfa tagħhom hawn Malta għaliex ma kienx hemm fejn isorġu minħabba il-preżenza ta' vapuri tal-gwerra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qatt ma rriżulta li vapuri tat-turisti kellhom iħassru l-waqfa tagħhom hawn Malta minħabba l-preżenza ta' vapuri tal-gwerra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi, vannijiet u nġenji oħra li l-Ministeru u d-Dipartimenti, Entitajiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, kellu mikrija jew le, matul is-sena li għaddiet? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata fuq firxa ta' ħames snin mitluba fil-mistoqsija Nru. 31814 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea, humiex se jiġu liberalizzati l-mezzi ta' trasport, kemm lokali fuq l-art u kemm dawk fuq il-baħar bejn Malta u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta Malta issir membru ta' l-Unjoni Ewropeja, il-pożizzjoni tal-meżżi tat-trasport tkun dik kif konkluża fil-kapitlu tat-trasport.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu dawn it-toroq li qegħdin jinbnew bħalissa: it-triq ta' Burmarrad - San Pawl tal-Qliegħa; it-triq tas-Salina - San Pawl tat-Tarġa; Northern ring road, Mosta? Meta nbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq u meta hu previst li jitlesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi x-xogħol mit-Triq ta' Burmarrad sa San Pawl tal-Qliegħa sar 50% tax-xoghol fiha għal valur ta' Lm800,000.
It-triq mis-Salina sa San Pawl tat-Tarġa sar 45% tax-xogħol fiha għal valur ta' Lm750,000.
Norther Ring Road sar 47% tax-xogħol fiha għal valur ta' Lm420,000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema li permezz tagħha sidien li għandhom permess tal-mini buses (public service garage) għandhomx dritt għal permess ta' mini bus ieħor, għadhiex fis-seħħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-policy preżenti għas-sidien tal-Public Service Garage hija dik ta' massimu ta' White Window Van wieħed għal kull permess ta' Public Service Garage. Dawk is-sidien li ħadu vantaġġ minn din il-policy mhumiex intitolati għall-permessi ġodda.
Peress illi Mdina road Qormi taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali, jista' l-gvern jkompli din it-triq billi jagħmel pelican lights quddiem il-bini tal-gvern ta' Pascarella, u quddiem is-Shopwise peress li n-nuqqas tagħhom qed jifred il-lokalita' ta' Ħal Qormi u joħloq periklu kontinwu? Jista' jagħmel crash barriers bejn Mdina road u Ġuże Duca street, Qormi, int u tiela' lejn Ħaż-Żebbuġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-parti residenzjali bejn Mdina Road u Triq Guze Duca f'Hal Qormi diġa' hemm 3 zebra crossings li jinsabu f'distanza qasira minn xulxin biex il-pubbliku jkun moqdi sew u għalhekk ma jidhirx li hemm bżonn li tiġi nstallata Pelican Crossing.
Rigward it-tieni Pelican indikata mill-Onor. Interpellant din kienet ppjanata li ssir meta jinbeda x-xogħol fuq it-tieni parti tat-triq li tasal sat-triq tar-Rabat.
Għalhekk tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq illi billi t-tieni fażi għada ma nbdietx jittieħdu l-passi biex din il-Pelican Light tiġi nstallata.
Peress li Triq San Pawl, St Venera, issa hi mibnija ħafna aktar jista' l-Ministru jara li tiġi surfaced?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimentaw programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' issir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw min żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-triq li tagħti minn ħdejn il-knisja tas-silġ Marsaxlokk għal Wied il-Għajn/Zejtun tħalliet tiddeterjura u tasal fi stat daqshekk ħażin? Billi din it-triq hija arterja prinċipali u billi taqa' taħt żewġ kunsilli (Zejtun/Marsaxlokk) differenti, jaħsibx li d-dipartiment tat-toroq jistax jidħol għall-patching hu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-manutenzjoni tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Madanakollu tajt struzzjonijiet lid-Direttorat għat-Toroq sabiex isir patching fil-parti tat-triq li tinħtieġ dan ix-xogħol.