Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju ta' kilo tadam, pastard, kaboċċi, basal, ġidra, karrotti u patata għall-konsumatur matul ix-xahar ta' Novembru u Diċembru l-għadda?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
PRODOTT Novembru 2001 Diċembru 2001
Tadam 43 ċenteżmu 54 ċenteżmu
Pastard 44 ċenteżmu 39 ċenteżmu
Kaboċċi 34 ċenteżmu 37 ċenteżmu
Basal Niexef lira u 43 ċenteżmu lira u 67 ċenteżmu
Ġidra 22 ċenteżmu 29 ċenteżmu
Karrotti 61 ċenteżmu 67 ċenteżmu
Patata (wiżna) lira u 22 ċenteżmu lira u 17-il ċenteżmu
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-bozza ta' farmhouse il-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat ta' anzjan li ismu qed jintbagħat separatament qed tinxtel mal-jum flok mal-lejl, jista' d-Dipartiment konċernat jara li tiġi rimedjata immedjatament il-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-qtugħ tal-provista tad-dawl ta' l-elettriku nhar is-Sibt, 12 ta' Jannar 2002 filgħaxija? Liema bliet u rħula kienu affettwati u għall kemm-il siegħa dawn tħallew bla dawl separatament? Kemm tammonta fi spejjeż l-ispiża tal-ħsarat li kkawżaw il-qtugħ inkwistjoni?
Jista' jikkunsidra li peress li ħafna stabbilimenti kummerċjali tilfu l-kummerċ tas-Sibt filgħaxija li jkun ilhom jistennew il-ġimgħa kollha, bħal fil-kas tal-ħwienet tax-xorb u restoranti fir-Rabat eċċ, jagħti skont fuq il-kont tad-dawl lil dawn il-familji u nies ta' negozju jridu jħallsu fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kawża tal-qtugħ fil-provvista tad-dawl kienet dovuta għat-tripping ta' l-Interbus Transformer numru 1 fil-power station ta' Delimara. B'riżultat ta' dan, kien hemm ħsara fit-Tap Charger tat-transformer. Peress li dan it-transformer jagħti l-provvista ta' l-elettriku lill-impjant awżiljarju tal-power station, din intfiet kollha u per konsegwenza waqaf il-kuntatt mal-power station tal-Marsa. Din ta' l-aħħar ma setgħetx tagħti provvista lis-sistema ta' l-elettriku kollha u għalhekk kellu jsir 'load shedding'.
Il-qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku sar għall-ħabta ta' l-9.40p.m. u kienu effettwati diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex. Il-ħin li dawn il-lokalitajiet damu bla provvista jvarja minn post għal ieħor. Kien hemm postijiet fejn il-provvista ħadet żmien mhux ftit biex ġiet kompletament għan-normal u kien hemm oħrajn fejn damu mingħajr provvista għal ħin relattivament qasir.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li l-liġi ta' l-1977 dwar l-Enemalta tistipula li l-Korporazzjoni ma tkunx responsabbli f'dawn iċ-ċirkustanzi u għaldaqstant ir-risposta hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid għas-servizzi ekonomiċi jassigura li d-dawl tal-lampi fit-toroq li jwasslu għad-daħla ta' l-Universita' jinxtegħlu peress li jeżisti dlam kbir li jista' jwassal għal inċidenti serji?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'security kellhom il-Price Club biex jagħmel tajjeb għad-djun?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kumpanija li qed issir riferenza għaliha kienet waħda privata u l-Gvern ma jidħol xejn f'dak li jirrigwarda security li tintalab mill-banek u/jew kredituri privati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux jaħseb biex jiddaħħlu safeguards permezz ta' legislazzjoni etc biex jiġu mħarsa negozjanti żgħar mill-effeti ta' mismanagment, fallimenti etc ta' negozji w kumpaniji li jkunu qed jiġu fornuti b'xogħol jew b'servizzi mingħand dawn it-tip ta' negozji?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Att għall-Promozzjoni tal-Kummerċ (Business Promotion Act) jinkludi provvedimenti intiżi sabiex jagħmluha aktar faċli għall-intrapriżi ż-żgħar li jiġbru l-flus dovuti lilhom min għand kumpaniji akbar minnhom. Xorta waħda, iżda, jibqa l-bżonn li kull kumpanija teżerċita' kull attenzjoni possibbli fin-negozju tagħha ma kumpaniji oħra sabiex ma ssibx ruħha skoperta fil-każ li xi waħda minn dawn il-kumpaniji tispiċċa tfalli, per eżemplu minħabba tmexxija ħażina. Għal dan il-għan, l-aqwa strument huwa t-taħriġ, speċjalment ta' l-intraprendituri ż-żgħar, sabiex wieħed jitgħallem jirregola aħjar in-negozju tiegħu ma kumpaniji oħra. F'dan il-kuntest huma relevanti ħafna d-diversi inizjattivi ta' taħriġ imnieda kemm mid-Dipartiment għan-Negozji ż-Żgħar u l-Artiġjanat fi ħdan il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u mill-IPSE.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja ingħatat mill-Gvern lill-għaqda tal-konsumaturi fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Il-Gvern għandu xi ħsieb jew pjani li jiffinanzja lil din l-għaqda bħala sostenn għall-ħidma tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul is-snin 1999, 2000 u 2001 ma ingħatat ebda għajnuna lill-Għaqda tal-Konsumaturi. Madanakollu fi Frar ta' din is-sena, il-Gvern ta b'self computer, printer u scanner lil din l-Għaqda biex tkun tista' ssostni l-ħidma tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid li minkejja l-bidla fil-ħin tax-xogħol għal pustiera fis-sajf, xorta m'humiex jiffrankaw xejn mill-qilla tax-xemx? Ma jidhirlux l-Ministru li għandu jindaġa kif saħħet dawn il-ħaddiema tista' tiġi mħarsa aktar billi jiġi organizzat ahjar is-siegħa qabel li jidħlu għax-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li qed jiġi studjat pjan globali li jieħu in kunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30150, jista' l-Ministru jagħti t-tweġiba għal mistoqsija dwar kemm kien hemm impjegati tal-Maltacom minn Settembru 1998 sa Settembru 2001 li ġew mogħtija promozzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u Settembru 2001, fil-Maltacom kien hemm mija u sitta u sebgħin persuna li ngħatat promozzjoni. Id-dettalji l-oħra mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fix-xatt tal-Isla ħdejn il-ground tal-Ponta, li issa ilha ħafna ġimgħat maqtugħa fejn minbarra li ma tixgħelx hi ta' periklu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara li jissewwew iż-żewġ bozoz li hemm maqtugħa fi Triq Dwardu, Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha ħażna ta' arbli u lampi tat-toroq (u ta' liema tip huma) il-korporazzjoni Enemalta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru u t-tip ta' lampi tat-toroq installati f'Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta għandha dawn il-ħażniet ta' arbli u lampi
ARBLI
TIP KWANTITA'
Arbli 6 bi 28 għad-dawl tat-toroq 202
Arbli 6 bi 32 "low tension" 109
Arbli 8 b' 40 "high tension" 8
LAMPI
TIP KWANTITA'
125W HPMV 12,064
150W SON 1,010
70W SON 11,742
90W SOX 2,207
220W HPMV 860
350W SON 386
250W SON 1,130
Bħalissa fit-toroq ta' Malta u Għawdex hemm installati tlitt tipi ta' lampi. Dawn huma tat-tip High Pressure Mercury Vapour, tat-tip Low Pressure Sodium u tat-tip High Pressure Sodium. B'kollox f' Malta hemm installati 31, 981 lampa u f'Għawdex hemm 5,421 lampa.
Jista' l-Ministru jgħid fi żmien meta l-pajjiżi mad-dinja kollha qed jissieltu min minnhom kapaċi jnaqqas l-iżjed it-tniġġis u l-emissjonijiet ta' carbon dioxide u gassijiet oħra fl-atmosfera, għaliex saret nefqa ta' miljun lira f'lampi tat-toroq li jaħlu parti mid-dawl tagħhom 'il fuq, fejn ma jservi ta' ebda użu, u l-Ministru qed jirreferi għal dan bħala investiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta tinstalla "semi cut off lighting" li jnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' dawl 'l fuq. Għaldaqstant huwa kkunsidrat li dawn it-tip ta' lampi qed jaqdu l-parti tagħhom kif inhu meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-korporazzjoni Enemalta hi beħsieba tinstalla lampi tat-tip full cut-off, bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali f'postijiet rurali, il-glare f'għajnejn is-sewwieqa u l-light pollution fiz-zoni urbani?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sa issa lampi full cut-off għadhom qatt ma ntużaw mill-istess korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija ta' qabel.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn matul it-triq il-ġdida maġemb Wied Ħarq Ħamiem f'Pembroke twaħħlu arbli għal-lampi tat-toroq li flok iħarsu għal fuq it-triq, iħarsu għal ġol-wied, meta wieħed irid jiftakar li Wied Ħarq Ħamiem huwa wied skedat minħabba l-importanza ekoloġika tiegħu, u dan id-dawl ser ikompli jagħmel biss ħsara f'wied li diġa sofra mill-bini u żviluppi turistiċi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-intenzjoni hi li l-lampi kollha jħarsu lejn it-triq u mhux lejn il-wied. Fil-fatt il-kuntrattur l kien waħħal l-arbli għamel żball li qed jiġi kkoreġut.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna li ddettalji tagħha qed jindhru separatament u kunfidenzjalment ġie terminat l-impjieg tiegħu minn mal-Korporazzjoni Enemalta fl-1999, meta ċ-ċirkostanzi tiegħu kienu dderminati minn mard tiegħu personali u mard serju ieħor fil-familja tiegħu? Jista' jgħid x'kienet il-bażi tat-terminazzjoni u jekk fil-proċess qatt ġie kkunsidrat il-każ umanitarju tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna konċernata kien assenti mix-xogħol mingħajr awtorizazzjoni għal diversi ġranet, u dan kontra ta' dak li hemm stipulat fil-Ftehim Kollettiv. Il-Korporazzjoni, kif tagħmel f'każi simili, infurmatu dwar dan bil-miktub permezz ta' ittri irreġistrati kemm il-darba. Madanakollu t-twissijiet kollha ġew injorati ripetutament. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ma kien fadlilha ebda triq oħra għajr li tapplika l-provedimenti tal-Ftehim Kollettiv u titterminalu l-impjieg.
Jista' l-Ministru jgħid xi spejjes iniżjali għandu individwu biex japplika għal stallazzjoni ġdida tat-telefon u kemm hu l-average waiting period biex jiġi stallat servizz ġdid f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda spejjeż inizjali biex wieħed japplika għal servizz tat-telefon residenzjali. Hemm tariffa ta' Lm23, li tinkludi l-V.A.T., għall-installazjoni. Din it-tariffa jintalab il-ħlas għaliha fl-ewwel kont li joħroġ lill-abbonat.
Il-Maltacom naqqset ħafna l-average waiting period u fejn ma jkunx hemm problemi, linja ġieli ingħatat anke fi żmien ħames jew sitt ijiem.
Skond il-Manifest tal-Klijent tal-kumpanija, li jinsab ippubblikat fid-Direttorju tat-telefon, il-Maltacom tintrabat li fi żmien għaxart ijiem xogħol (ten working days) tikkonferma li s-servizz jista' jingħata u naturalment tkompli l-proċess biex tiġi stallata l-linja, jew jintbagħat avviż fejn l-applikant jiġi mgħarraf f'każ li jkunu jeżistu xi diffikultajiet tekniċi jew ta' natura oħra li jistgħu jikkaġunaw dewmien fl-istallazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati armi tan-nar is-sena l-oħra? X'tip ta' armi kienu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej
CUSTOMS H.S. CODE DESCRIPTION AMOUNT
9301000000 military weapons other than
revolvers, pistols and arms of
heading 9307* 52
9302001000 revolvers and pistols not those of
Headings 9303, 8mm caliber and
higher 74
9303100000 muzzle-loading firearms 20
9303201000 sporting, hunting, target-shooting
shotguns, not single-barreled,
smooth bore 970
9303209800 sporting, hunting, target-shooting
shotguns, not single-barreles,
smooth bore 410
9303300000 other sporting, hunting or target-
shooting rifles, excluding shotguns 125
9303900000 other firearms and similar devices
which operate by firing of an
explosive charge 28
* H.S. 9307 "swords, cutlasses, bayonets, lances and similar arms and parts thereof and scabbards and sheaths thereof".