Il-Gżira – break-ins, serq, hit and run u vandaliżmu ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati rapporti ta’ break-ins, serq, hit and run u kull tip ta’ vandaliżmu ieħor fil-lokalità tal-Gżira, sena b’sena mill-2008 sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni relatata ma’ rapporti hekk kif reġistrati mill-pulizija fir-rigward tal-lokalita’ tal-Gzira, qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – petrol u diesel — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għall-Intern wasalx għal-konklużjoni dwar liema ministeru huwa responsabbli mill-kwestjoni tal-clamping f'pajjiżna?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ministeru kkonċernat huwa l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’raġunijiet ta l-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea jew enti oħra Ewropea biex jiġġustifika s-sospensjoni mir-regoli tax-Schengen?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ittra li intbaghtet lill-Kummissjoni, Malta għamlet din it-talba abbazi tal-Artikolu 23 tal-Kodiċi Schengen, minħabba ċ-ċirkustanzi prezenti fl-Ewropa u għal raġuni ta' public policy.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-kolazzjon u l-ikel li ngħata lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija waqt li kienu fuq il-ħidma tagħhom fil-ġranet taċ-CHOGM?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl tal-aħħar rapport li ħareġ fejn mara anzjana mis-Swieqi kienet vittma ta’ break-in, fejn intrabtet u insterqet, jekk din ġietx offruta u ngħatatx għajnuna u appoġġ għat-trawma psikoloġika li għaddiet minnha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 21425.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl tal-aħbarijiet riċenti ta’ diversi break-ins, speċjalment meta l-vittmi jkunu ġewwa darhom, dawn il-vittmi qed jingħatalhom servizz għat-trawma psikologika li jkunu għaddew minnha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 21425.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament applika biex jiġi boarded out mill-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid meta ġie boarded out mill-Korp tal-Pulizija? Jista jgħid jekk jirriżultalux li l-persuni li qegħdin fuq il-bord biex jiġġudikaw jekk l-individwu għandux jiġi boarded out, għandhomx parentela mal-istess individwu msemmi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-persuna li saret referenza għalija mill-Onorevoli Interpellant ħarġet bis-sick leave fid-19 ta’ Awwissu 2015 u ġie ‘boarded out’ mill-Medical Board maħtur mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-24 ta’ Novembru 2015. Peress li l-Medical Board m’huwiex regolat mill-Korp tal-Pulizija u lanqas minn dan il-Ministeru, nitlob lill-Onorevoli sabiex l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu jagħmilha lill-ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġie impjegat mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bħala konsulent tal-komunikazzjoni? Jista’ jgħid jekk din hijiex position of trust? Jista’ jgħid jekk dan hux impjieg full-time? Jista’ jgħid f’liema skala taċ-ċivil hu impjegat dan l-individwu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandu dan l-individwu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, ġie mpjegat bħala person of trust part-time mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali fis-16 ta’ Ġunju 2015 fl-iskala taċ-ċivil 7.
Sptar Mater Dei – investigazzjoni dwar priġunier li miet
Question
B’referenza għall-istqarrija li ħarġet fis-26 ta’ Ottubru 2015, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija rigward il-priġunier li ttieħed l-isptar u li sussegwentement kien miet fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid x’irriżulta li kienet il-kawża tal-mewt mill-awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ dan il-priġunier?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi dwar il-kaz ta’ priġunier li ttieħed l-isptar u li sussegwentement miet fl-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Ottubru, 2015, l-inkjesta għadha mhux magħluqa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossux komdu u jekk jaqbilx mal-kummenti li għadda fuq il-paġna ta’ Facebook, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-konfront tas-suldati li lmentaw dwar kif ġew ittrattati waqt iċ-CHOGM u l-Valletta Summit b’mod partikolari dwar il-kwalità ta’ ikel li ngħataw? Jista’ jgħid huwiex se jieħu l-parir li tah il-konsulent tiegħu li dawn is-suldati li lmentaw dwar il-kwalità ta’ ikel li ngħataw waqt iċ-CHOGM għandhom jiġu identifikati sabiex “iħallihom id-dar komdi biex il-mummy tlestilhom il-bacon and eggs bit-toast filgħodu bil-platt sħun”? Jista’ jgħid jekk il-pożizzjoni tal-individwu msemmi għadhiex tenibbli wara l-kummenti li għamel fuq Facebook tenut kont li l-Ministru huwa l-Ministru responsabbli mill-Armata u huwa dover tiegħu li jiddefendi lis-suldati fl-Armata ta’ Malta minn kliem dispreġjativ li jnaqqas ir-rispett lejn l-istess armata?
Response (ABELA, CARMELO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe kumment li sar mill-individwu fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu saru fil-kapaċita personali tiegħu bħala ċittadin privat u ma jirriflettux il-pozizzjoni tal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ħadmu ġewwa Paceville l-Pulizija tal-ALE bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u t-23 ta’ Novembru 2015 biex jinfurzaw il-liġi kontra t-tipjip fl-istabbilimenti tal-istess lokalità? Jista’ jgħid kemm inqabdu nies ipejpu ġewwa l-istabbilimenti ġewwa Paceville mill-istess skwadra fl-istess żmien imsemmi hawn fuq? Jista’ jgħid kemm inqabdu nies taħt l-età permess bil-liġi fl-istabbilimenti ġewwa Paceville mill-istess skwadra fl-istess żmien imsemmi hawn fuq? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns li għandhom il-pulizija fuq iż-żewġ talbiet imsemmija hawn fuq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija r-responsabbilità ta’ kull Pulizija li jara li l-liġi tiġi nfurzata. Ninsab infurmat li s-siegħat maħduma minn membri tat-Taqsima tal-ALE bejn Jannar 2015 u t-23 ta’ Novembru 2015 kien ta’ 64 siegħa.
F’dan il-perjodu l-istess taqsima qabdu 126 persuna jpejpu ġewwa stabbilimenti. Infurmat ukoll li kienu żewġ persuni taħt l-eta’ permessa bil-liġi nqabdu fl-istabbilimenti ġewwa Paceville.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — nefqa fuq reklamar u informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bi kliem Għarbi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bi kliem Għarbi humiex identifikabbli f’terminu ta’ sid, dettalji, liċenzja u assikurazzjoni mill-Pulizija Maltija?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 20980.
Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin — inċidenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm kien hawn inċidenti f’pajjiżna li kienu jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija? F’liema pajjiż kienet reġistrata l-vettura jew vetturi involuti? F’liema lokalità seħħ l-inċident?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li minn Jannar 2015 sa l-aħħar ta’ Ottubru 2015 ġew irrapurtati seba’ u tletin inċident lill-Pulizija li fihom kien hemm nvoluta karozza bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalità fejn seħħew l-inċidenti. Ninformaha wkoll li l-Pulizija ma għandiex informazzjoni rigward inċidenti li setgħu ġew irrapurtati lill-Gwardjani Lokali kif ukoll f’liema pajjiż huma rreġistrati l-pjanċi brranin.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-CEO ta’ Identity Malta huwiex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid kemm hu s-salarju li qed jitħallas dan l-individwu bħala CEO? Jista’ jgħid jekk hemmx kuntratt definit jew indefinit għall-pożizzjoni ta’ CEO li qed jokkupa dan l-individwu? Jista’ jgħid għall-kemm żmien hu validu l-kuntratt tas-CEO preżenti ta’ Identity Malta u meta jiskadi? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt tas-CEO ta’ Identity Malta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghal mistoqsija parlamentari 16648.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffurmat il-bord hekk imsejjaħ tal-inġustizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid min huma l-membri li hemm fuq dan il-bord? Jista’ jgħid x’inhuma l-poteri li għandu dan il-bord u lil min jirraporta? Jista’ jgħid kemm-il każ ra u ddeċieda dan il-bord? Jista’ jgħid x’kienu r-rimedji li ppropona dan il-bord? Jista’ jgħid kemm-il proposta ta’ rimedju ta’ dan il-bord ġiet milqugħa u min ħa jiddeċiedi fuq dak li jiddeċiedi dan il-bord?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistix board tal-inġustizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-konsulent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadu qed juża l-karozza tal-korp tal-pulizija? Jista’ jgħid jekk l-istess individwu għadux qed juża pulizija bħala xufier tiegħu biex isuq l-istess karozza tal-korp? Jista’ jikkonferma jekk dan l-individwu għadux qed juża l-istess uffiċċju li kien juża bħala Deputat Kummissarju fid-Depot tal-Pulizija? Jsita’ jgħid jekk hux minnu li l-konsulent tal-korp, li llum hu pensjonant u għalhekk hu persuna pajżana, għadux jagħti l-ordnijiet lir-ranks kollha fejn jidħol l-operat tal-korp inkluż dawk ta’ sigurtà tal-pajjiż?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-konsulent tal-Korp tal-Pulizija huwa ntitolat, skont il-ftehim tal-impieg tiegħu, sabiex juża karozza tal-Korp. Ix-xufier jintuża biss meta l-konsulent ikun fuq xogħol uffiċjali. Ninfurmah ukoll li l-konsulent ġie allokat użu f’uffiċċju u l-ordinijiet fil-Korp fil-fatt jingħataw mill-Kummissarju u minn fizzjali rispettiv.
Korp tal-Pulizija — membri li jaħdmu fil-garaxx tal-pulizija
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20785, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-natura tax-xogħol li nħadem waqt dawn is-sigħat ta’ overtime?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-natura tax-xogħol li nħadem waqt dawn is-sigħat f'overtime kien ivarja f'tiswijiet ġenerali ta' uffiċċini, għases, l-Akkademja, il-Lock-up, kumplessi u postijiet oħra użati minn membri tal-Korp kif ukoll xogħol fuq għamara, sodod għall-immigranti llegali, airconditioning units, aperturi u xogħol ta' kisi u tibjid u istallazzjoni ta' elettriku fl-istess postijiet. Sar xogħol ukoll mit-Taqsima tar-Radios fuq digital networks madwar Malta, ipprogrammar ta' radios u istallar ta' antenni tar-radios. Xogħol ieħor sar fuq vetturi tal-Korp bħal panel beating u spraying. Dan ix-xogħol kollu intensifika aktar minħabba impennji importanti bħal Valletta Summit u ċ-CHOGM’
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex konsulent tiegħu u/jew tal-Korp tal Pulizija? Jekk fl-affermattiv jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk dan l-individwu hux qiegħed jitħallas ta’ xogħolu, jekk iva kemm qed jitħallas u jekk għandux kuntratt bħala konsulent jew xi kuntratt ieħor mal-Ministeru u jew il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jinforma lil dan il-Parlament jekk l-individwu hawn fuq indikat jew xi kumpanija tiegħu pprovdewx xi tagħmir lill-Korp tal-Pulizija minn Marzu 2013 sal-lum u jekk iva x’kien it-tagħmir, kemm tħallas għal dan it-tagħmir u jekk dan ix-xiri sarx b’direct order?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna indikata fl-Interpellanza m'għandu l-ebda kuntratt ta' konsulenza jew pagamenti mal-Korp tal-Pulizija.
Infurmat ukoll li l-Korp xtara dawn l-affarijiet mill-Kumpanija li hu jipprappre¿enta:
1. ResQme Survival Kits' - €11,700 (wara li kien hemm approvazzjoni għal 'direct order' mill-Ministeru tal-Finanzi);
2. High Visibility Vests' - €4,600 ('direct order')
3. Manetti u taħriġ - €13,518 (wara li kien hemm approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi wara li nġiebu l-'quotations')
Hemm ordni ta' 'high visibility vests' li tammonta għal €3,364 minghand il-kumpanija tal-persuna ndikata u dan sar minħabba raġunijiet ta' uniformita'.