Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kennedy Grove – manutenzjoni ta’ park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kient l-aħħar xogħol ta’manteniment u meta saret din il-manutenzjoni fil-park ta’ Kennedy Grove?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-manutenzjoni fil-park ta’ Kennedy Grove li huwa parti mill-Park tas-Salina, ukoll issir regolarment mill-ħaddiema tal-PARK. Ix-xogħol jinkludi tindif u servicing tal-funtani.

Ġbir ta’ skart kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjani tal-Ministeru tiegħu għall-ġbir regolat tal-iskart kummerċjali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Pjan għal-Immaniġjar tal-Iskart għas-Snin 2014 – 2020 jenfasizza l-impenn tal-Gvern li jirriforma l-metodi attwali tal-ġbir ta' l-iskart inkluż il-ġbir ta’ l-iskart mill-entitajiet kummerċjali. Dawn ir-riformi ser jiġu introdotti biss wara, fost affarijiet oħra, li l-Ministeru jniedi u jikkonkludi il-konsultazzjonijiet mill-aktar wiesgħa meħtieġa mas-settur kummerċjali inklużi stakeholders ewlenin, il-Ministeri kollha u l-oppożizzjoni nnifisha.

Għawdex – ħidma mill-WasteServ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-WasteServ f’Għawdex f’din il-leġiżlatura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, WasteServ se tkun lestiet żewġ proġetti maġġuri f’Għawdex. Dawn jirrigwardaw ir-rijabilitazzjoni tal-miżbla fil-Qortin b’metodi rikjesti mid-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ dan ix-xogħol ġie abbinat it-tisbiħ tas-sit b’xogħol ta’ “landscaping” kif ukoll inbnew bjar li jiġbru l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-istess sit. Saru wkoll xogħlijiet biex tittejjeb is-sistema ta’ “gas extraction” sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ u l-possibiltà ta’ nirien. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar 3 miljun Ewro. Proġett ieħor hu dak fejn inbniet il-facilità, magħrufa bħala Tal-Kus Transfer Station . Dan il-proġett għandu jibda jilqa’ l-iskart ta' Għawdex fejn tibda l-ewwel fażi ta’ trattament. Finalment l-iskart jiġi imballat ġo kontenituri għat-trasport lejn il-faċilitajiet ta’ trattament f'Malta. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u sewa madwar 10 miljun Ewro.

Rapport dwar l-iskart mill-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnu r-rapport dwar l-iskart mill-ikel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ir-rapport dwar l-iskart mill-ikel huwa mistenni li jservi ta’ bażi għax-xogħol li ser jagħmel il-Ministeru fl-2016, meta se jinbdew diskussjonijiet biex naraw għandhiex twassal għat-tfassil tal-ewwel liġi f’Malta kontra l-ħela tal-ikel minn stabbilimenti kummerċjali. Dan ir-rapport qed jikkontribwixxi wkoll għall-isforzi li diġà qed isiru biex jiġi sseparat l-iskart organiku u għal inizjattiva ġdida fuq l-iskart minn stabbilimenti kummerċjali.

Ta’ Qali — CA site

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-ftuħ tas-CA site f’Ta’ Qali kienx hemm żieda fil-ġbir ta’ skart goff? Kien hemm żieda fl-esportazzjoni b’riżultat ta’ dan l-operat ġdid? Hemm ħsieb li jiżdiedu CA sites oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ Tabelli komparattivi tal-ammont ta’ vetturi u l-ammont ta’ skart li ddaħħal fis-CA Sites tal WasteServ, ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħddijja lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-WasteServ jirriżultalha li mal-ftuh tas-CA site f’Ta’ Qali kien hemm żieda fil-ġbir ta’ skart goff. Dan huwa evidenti mill-fatt li minn Mejju sa Awwissu 2015 kien hemm 7,000 vettura li għamlu użu minn dan is-sit, waqt li s-siti l-oħra żammew l-istess ammont ta’ vetturi li jżuruhom. Barra minn hekk jirriżulta li fis-siti tal-iskart goff bejn Jannar u Awwissu kien hemm żieda ta’ madwar 2,000 tunellata aktar mis-sena ta’ qabel. Minn dan l-ammont is-sit ta’ Ta’ Qali rregistrat 952 tunellata ta’ skart goff. Ta min wieħed jiċċara li s-sit f’Ta’ Qali twaqqaf speċifikament biex jinġabar skart agrikolu u dak domestiku minn żona partikolari u għaldaqstant ma hux mistenni, tal-anqas f’dan l-istadju, li l-attività f’dan is-sit taffettwa daqstant l-esportazzjoni tal-materjal mill-WasteServ. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa m’hemmx pjanijiet li jinfetħu C ivic Amenity Sites ġodda għalkemm il-WasteServ ser tibqa’ risponsiva għal ħtiġijiet kif jistgħu jiżviluppaw.

Akkademja tal-WasteServ — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha li twaqqfet l-akkademja ta’ taħriġ fil-WasteServ, kemm organizzat korsijiet, x’tip ta’ korsijiet u kemm kienu l-impjegati tal-WasteServe li bbenefikaw minn dan it-taħriġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Akkademja ta’ Taħriġ fil-WasteServ ġiet imwaqqfa fit-23 ta’ Jannar 2015 u ġew organizzati 31 kors f’diversi suġġetti u f’livelli differenti u pparteċipaw 262 impjegat f’dawn il-korsijiet.

WasteServ — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti ġodda li daħlet għalihom il-WasteServ mill-2013 ‘l hawn, fiex waslu, u jekk humiex on target skont il-pjanijiet oriġinali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-informazzjoni qed tingħata fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ annimali miġbura mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal ġurnata tal-lum maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm-il qattus, u kemm-il kelb inġabru, kemm-il speċi ta’ annimali oħra nġabru, kemm annimali mietu sakemm ingħataw il-kura, kemm minnhom ġew ikkurati, kemm minnhom inżammu mid-Direttorat u kemm traqqdu, b’mod separat xahar b’xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti, minn fejn ġejt assigurat mill-istess Uffiċċju kif ukoll mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, li l-informazzjoni mitluba għada qed tiġi vverifikata u ser tingħata fl-iqsar żmien possibbli.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali — annimali miżmuma

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ annimali li bħalissa huma fil-pussess tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ klieb u qtates bin-numru tal-mikroċippa tagħhom, u jekk dawn humiex imsewwija jew le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġewwa l-Għammieri għandu 72 klieb u 175 qattus u dawn huma kollha msewwija. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali msewwija fi kliniċi veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew u qed jiġu msewwija (neutered) annimali fil-pussess tad- Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jgħid b’mod separat liema kienu l-kliniċi veterinarji fejn saru dawn il-proċeduri? Kemm kien hemm annimali li ssewwew f’kull klinika u kemm kien il-valur globali li ġie mħallas lil -kull klinika għas-servizzi pprovduti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – Animal Welfare Officers — terminazzjoni ta’ kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ Animal Welfare Officers li telqu mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2014 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-uffiċjali telqu għal dipartiment ieħor? Kemm minnhom itterminaw il-kuntratt eżistenti? Kemm minnhom irtiraw u kemm minnhom ingħataw karigi oħra fl-istess Ministeru jew f’Ministeri oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti minn Marzu 2014 sal-lum kien hemm ħames Animal Welfare Officers li telqu mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Minn dawn kien hemm wieħed li spiċċa għax ingħata kariga ogħla ġdida fl-istess Ministeru, waħda li telqet għax ingħatat kariga ogħla f’Ministeru ieħor u wieħed ieħor li telaq għax ingħata kariga ġdida ma’ dipartiment ieħor f’dan il-Ministeru. It-tnejn l-oħra irritornaw fil-grad sostantiv tagħhom mal-Gvern u minnhom wieħed kien misluf lill-NGO partikolari skond il-politika applikabbli u l-ieħor mar f’dipartiment ieħor tal-Gvern.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – Animal Welfare Officers trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Animal Welfare Officers li ġew trasferiti mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-Direttorati jew Ministeri oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar Animal Welfare Officers li tterminaw il-ħidma tagħhom fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hija kif mogħtija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlmentari Nru. 19652.

Uffiċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ inizjattivi meħuda mill-Uffiċju tal-Kummissjarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u l-pubblikazzjonijiet maħruġa mill-uffiċju tal-imsemmi Kummissarju kif ukoll riżultati ta’ awditjar tad-direttorati tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, tas-Servizz Veterinarju u tal-Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fost l-inizzjattivi li ħa l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kien hemm il-kitba u pubblikazzoni tal-ktieb ‘L-imħabba Tagħna Lejn l-Annimali – Obbligi, Liġijiet u Regolamenti’ għat-tfal tas-sitt sena tal-Primarja. Il-ħsieb huwa li l-ewwel tingħata lezzjoni fuq il-materja mill-Kummissarju jew mill-promotional officers tiegħu u wara l-ktieb jitqassam lill-klassi rispettiva. Ninsab infurmat li dan ix-xogħol għadu għaddej u qed jintlaqa’ tajjeb ħafna. Minħabba l-liġijiet tal-copyright kopji ta’ dan il-ktieb ikunu jistgħu jinġabru liberament mill-Uffiċċju tal-Kummissarju. Minbarra inizjattivi edukattivi bħal dawn il-Kummissarju għamel numru ta’ investigazzjonijiet u rapporti, li kopja tagħhom diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 19579 u 19580. Ninsab mmgħarraf ukoll li l-Kummissarju regolarment jipparteċipa f’diversi programmi dwar l-annimali fuq il-midja.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13502 u 11300 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet għas-sena 2012, għas-sena 2013, u għas-sena 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – spiża ta’ ħatriet fuq bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm hu stmat li se tkun l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet, separatament għal matul is-sena 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – senior management – performance bonuses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-senior management fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima għadhom ma ħadux il-performance bonus tas-sena 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti f’dan il-Ministeru diġà saru ħlasijiet ta’ performance bonus lill-Uffiċjali f’pożizzjonijiet ta’ Senior Management filwaqt li l-ħlasijiet li għadhom pendenti ser isiru fil-futur qrib.

Ekonomija ċirkulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq l-ekonomija ċirkulari li qiegħda fuq quddiem nett fl-aġenda tal-UE u tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Il-Gvern jappoġġja l-għan ġenerali ambjentali tal-proposta fuq l-ekonomija ċirkulari u jirrikonoxxi li din tista’ toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp, għal aktar produttività tar-riżorsi u ekonomija kompettitiva, kif ukoll għal aktar tnaqqis tal-iskart u tal-impatti ambjentali li jirriżultaw minn xejriet ta' produzzjoni u konsum. Il-Gvern kien esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-miri ambizzjużi żżejjed għall-użu mill-ġdid ta’ materjali u riċiklaġġ, kif ukoll l-għan li jillimitaw ‘landfilling’ għall-iskart residwu fil-proposta li ġiet. Madankollu, Malta tirrikonoxxi l-importanza li tissimplifika u ttejjeb aktar il-qafas attwali tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-iskart, kif ukoll l-importanza biex tintlaħaq żieda ta’ ċarezza fuq l-ekonomija ċirkulari – kunċett li jista’ jmur lil hinn mill-qafas tal-leġislazzjoni Ewropea dwar l-iskart fih innifsu. Għaldaqstant il-Gvern jittama li r-reviżjoni tal-Proposta tal-Kummisjoni fuq l-ekonomija ċirkulari, li mistenniha tiġi addottata sa l-aħħar ta’ din is-sena, tqis aħjar ir-realitajiet u d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri sabiex ikun hemm bilanċ globali u livell ta’ ambizzjoni b’miri realistiċi għall-fini ta’ kredibbilità u implimentazzjoni effettiva. Il-Gvern huwa impenjat biex ipoġġi l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-qalba tad-deċiżjonijiet biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostennibli u ekonomiku.

MoU ambjentali bejn Malta u l-Iżrael

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa mill-MoU ambjentali bejn Malta u l-Iżrael?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-MoU li qed issir referenza għalih jittratta diversi oqsma ambjentali fosthom id-diversità bioloġika u l-protezzjoni tan-natura. Fil-qasam tal-afforestazzjoni nġiebu żewġ esperti Iżraeliti fejn qasmu ma' uffiċjali Maltin l-esperjenzi tagħhom ġewwa Iżrael u wara li raw u analiżżaw l-ambjent forestali Malti, iddiskutew u rrakkmandaw best practices f’dan il-qasam, fejn ingħataw bosta suġġerimenti rigward tkabbir ta’ siġar u pjanti indiġeni, l-użu aħjar tar-risorsi tal-ilma u kif dan jista’ jerġa jiġi riċiklat u kif għandu jitfassal pjan kontra l-inċidenza ta’ nirien. Ninsab imgħarraf li bosta minn dawn il-proposti diġà ddaħħlu fis-seħħ, filwaqt li oħrajn, bħal protezzjoni għall-tħawwil ta’ siġar ġodda u l-użu ta’ qsari li joffru aktar vantaġġ għas-siġar meta jitħawlu fil-post qegħdin fil-fażi ta’ implimentazzjoni.

Pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fil-Mediterran

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien is-sehem ta’ Malta fil-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fil-Mediterran?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, f’Ġunju 2013 Malta ħadet il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli. Tant li b’din il-ħatra kiber ir-rwol ta’ Malta, li fi Frar tal-2014 saret konferenza f’pajjiżna biex jiġi diskuss l-ewwel abbozz tal-Istrateġija l-Ġdida. Sabiex fil-15 -il laqgħa tal-istess Kumitat Mexxej tal-Kummissjoni, li saret f’Ġunju tal-istess sena f’Malta, tnieda il-proċess ta’ reviżjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-Mediterran, fejn ġew approvati l-viżjoni u l-istruttura tal-istrateġija l-ġdida. Bħala parti mill-Presidenza, Malta kellha rwol ewlieni fit-tmexxija tal-proċess tar-reviżjoni, kif ukoll permezz ta’ finanzjament għal-laqgħat li saru f’Malta. Il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli ittemmet f’Ġunju ta’ din is-sena 2015. Huwa mistenni li l-istrateġija l-ġdida ser tiġi approvata fl-2016 waqt il-Konferenza tal-pajjiżi firmatarji għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran.

WasteServ — Proġett tal-impjant fl-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-impjant tal-WasteServ fl-Għallis magħruf bħala l-Malta North?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett tal-Malta North qiegħed fil-fażi fejn jibda il-“commissioning” tiegħu. Għaldaqstant il-proġett qiegħed fil-ħin u din il-faċilità ser tibda taċċetta l-iskart sa l-aħħar ta’ din is sena.