Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti rreġistrati għall-GEM 16+

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irreġistraw studenti għall-GEM 16+ fil-ftuħ tas-sena, jindika kemm irreġistraw studenti skont is-suġġetti offruti fl-iskola u kemm minn dawk li rreġistraw għall-ewwel term attwalment għadhom jattendu l-iskola issa li ninsabu fit-tieni term?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li rreġistraw għal GEM16+ fil-bidu tas-sena kien ta’ 80. L-informazzjoni dwar kemm irreġistraw studenti skont is-suġġetti hi kif ġej: Malti - 71 Ingliż - 65 Matematika - 78 Fiżika - 47 / ECDL - 33 L-istudenti attwali fit-tieni term huma 65.

Studenti tal-Higher Secondary – proċess ta’ akkreditazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proċess ta’ akkreditazzjoni li ġie mwiegħed lill-istudenti tal-Higher Secondary jekk jiffinalizzaw l-istudji post sekondarji tagħhom? Jista’ jindika kif, b’liema kriterji u x’valur hu mistenni jkollha din l-akkreditazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għaddejjin preparazzjonijiet biex tigi sottomessa l-applikazzjoni għall-proċess formali ta’ akkreditazzjoni tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) ma tistax tagħti l-informazzjoni fuq il-kontenut tad-diskussjonijiet iżda tista’ tikkonferma li l-istess kriterji li huma indikati fil-liġi SL 327.433 ser jiġu applikati kif jiġu applikati għal kull applikant ieħor.

FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskola li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 23352 u li l-applikazzjoni għaliha hi PA 283/16, hijiex l-istess waħda li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 20958? Jekk le, liema minn dawn iż-żewġ skejjel se tinbena? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan ifissirx li f’San Pawl il-Baħar se jkun hemm tliet skejjel tal-primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 283/16 li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 23352 m’hijiex l-istess waħda li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 20958. L-iskola li se tinbena hija dik li applikazzjoni għaliha l-MEPA hi PA 283/16. L-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 20958 ġiet irtirata.

San Pawl il-Baħar – bini ta’ skola primarja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskola li hemm referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 20958, s’issa għandhiex il-permessi neċessarji mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tinbena? Meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dan il-proġett? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema tenders ħarġu s’issa għal dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ssottomettiet żewġ applikazzjonijiet il-MEPA. Waħda minnhom hija biex isir ix-xogħol ta’ skavar u l-oħra hija ta’ żvilupp sħiħ tal-iskola. Ix-xogħol fuq l-iskola se jibda meta l-Fondazzjoni jkollha l-permessi neċessarji. Sal-lum il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħarġet it-tender tal-iskavar.

San Pawl il-Baħar – strutturi fil-bitħa tal-iskola primarja

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23277, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol indikat fir-risposta hux wieħed permanenti jew temporanju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn huma strutturi temporanji li jridu jservu sakemm tinbena l-iskola l-ġdida ġewwa l-Qawra.

School Transport – Seat Belts

Question

To ask the Minister, why is it that not all school transport have seat belts and furthermore, why is the law on wearing a seat belt not enforced on school transport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

I am informed that on minibuses manufactured before 1998, there is no obligation for the minibus to have passenger seatbelts. On minibuses manufactured after 1998, seatbelts are obligatory, and passengers should make use of these seatbelts. On coaches manufactured before October 2001, there is no obligation for the coaches to have passenger seatbelts. On coaches manufactured after on or after October 2001, seatbelts are mandatory and passengers should make use of these seatbelts. In both cases, the responsibility of the driver lies in informing the passengers that there are seatbelts provided. It is the passengers’ responsibility to ensure that the seatbelt is worn during transit. Both minibuses and coaches are issued with a land passenger licence by Transport Malta subject that these conditions and other specified in the Passenger Transport Service Regulations (SL 499.56) are met. Vehicles compliant with this legislation are allowed to operate service under the current agreements between the MEDE and the respective service providers. These agreements refer to transport provided in State Schools only.

Childcare Centres — Ħlasijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23089 dwar iċ-Childcare Centers, fejn fir-risposta kien hemm li tfal kellhom assenza iktar milli hu previst, jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar kemm mill-fondi li qed jintużaw għal ħlas ta' dawn iċ-ċentri ġejjin mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi kundizzjonijiet dwar in-numru li jista' jkun hemm f kull klassi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fondi li qed jintużaw għall-ħlas taċ-Childcare Centres reġistrati fl-Iskema tal-Free Childcare ġejjin mill-fondi nazzjonali amministrati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Għall-kundizzjonijiet dwar in-numru ta’ tfal li jista' jkun hemm f’kull klassi, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għad-dokument tal-Istandards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum, liema dokument jintuża mid-Dipartiment għall-Istandards fil-Ħarsien Soċjali fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali biex ikun jista’ joħroġ ir-reġistrazzjoni għal dawn il-faċilitajiet.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2004 sa Marzu 2013 ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenza lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant mill-Ministeru, id-Direttorati/Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Dipartiment tas-Saħħa – ħlas lil studenti tal-Occupational Therapy u Physiotherapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn studenti tal-occupational therapy u tal-physiotherapy li s-sajf li għadda kellhom placement mad-Dipartiment tas-Saħħa (fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Karen Grech u fi sptarijiet u ċentri tas-saħħa oħra), għadhom ma tħallsux ta’ dan il-placement? Jista’ jgħid sa meta huwa l-ħsieb li dan il-ħlas isir?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kors tal-Occupational Therapy u Physiotherapy huma korsijiet li parti obbligatorja minnhom huwa placement ġewwa klinika/l-Isptar. L-ammont ta’ sigħat obbligatorju bħala placement ikun determinat mill-Università ta’ Malta meta jiġu determinati l-korsijiet li ser ikunu offruti u d-deskrizzjoni tal-kors. Il-placement ta’ dawn l-istudenti fis-sajf jiġi kkordinat bejn l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa. Infurmat li dwar il-ħlas ta’ dawn il-placements fis-sajf qed isiru diskussjonijiet bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u stakeholders konċernati.
Leg 12 PQ #23404 Sitting 360 2016-02-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ Skola Primarja ġdida

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 23199, jista’ l-Ministru jgħid il-fatt li l-iskola ġdida li qed jippjana għar-Rabat Għawdex se tkun tesa' nofs il-popolazzjoni tat-tfal kollha li preżentament jattendu fi 11-il skola primarja li hemm mifruxa ma’ Għawdex kollu, ifissirx li qed jsir pjan biex uħud minn dawn l-iskejjel primarji jingħalqu u t-tfal ta' dawn l-irħula jibdew imorru f'din l-iskola ġdida? Jekk le, għaliex allura l-iskola ser tkun tesa' 600 student?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ma hemmx il-ħsieb li jingħalqu xi skejjel ġo Għawdex. Din l-iskola ġiet imfassla biex tesa’ dan in-numru ta’ studenti peress li qed ikollna domanda kbira min-naħa tal-ġenituri biex jibgħatu l-istudenti Victoria minħabba raġunijiet ta’ xogħol. Ma nixtiqux inkomplu niddiżappuntaw ġenituri li jridu jibgħatu lil uliedhom l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex.

San Pawl il-Baħar – strutturi fil-bitħa tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li għaliha qed jinbnew strutturi fil-bitħa tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar? X’użu se jsir minn dan il-bini?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn l-istrutturi ser ikunu qed jagħtu lill-iskola spazju addizzjonali li ser jintuża bħala faċilità edukattiva komplimentari ma’ dawk eżistenti.

Bord tal-Institute for Education – remunerazzjoni lill-membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri fuq il-Bord tal-Institute for Education imwaqqaf dan l-aħħar, hux qed jingħataw remunerazzjoni għax-xogħol tagħhom? Jekk iva, x’tip ta’ remunerazzjoni qed jingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni ser jitħallsu onorarja kull sena ta’ €2,000, u ċ-Chairperson €8,000 skont il-linji gwida dwar il-ħatriet tal-Bordijiet. Uffiċjali pubbliċi li jservu fuq dan il-bord u li l-funzjonijiet u/jew ir-responsabbiltajiet tal-pożizzjoni sustantiva tagħhom huma relatati direttament mal-ħidma tal-bord, ma jitħallsux onorarja.

Persuni barranin li jaħdmu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni barranin jaħdmu f’Malta f’Diċembru tas-snin 2008 sa 2015, kull sena separatament u maqsumin skont jekk humiex minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, in-numru ta' persuni barranin li kienu jaħdmu f'pajjiżna fl-aħħar tas-snin 2008 sa 2014 u sa Awwissu 2015, hu kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Persuni Barranin li jaħdmu f’Malta Xhur EU Total EU Total TCNs Total EU u TCNs EU Nationals EEA / EFTA EU Dependants Awwissu 2015 (l-aħħar ċifri ppubblikati) 19,334 218 165 19,717 7,935 27,652 Diċembru 2014 15,900 188 134 16,222 7,271 23,493 Diċembru 2013 12,047 164 121 12,332 6,158 18,490 Diċembru 2012 9,234 149 96 9,479 5,262 14,741 Diċembru 2011 7,431 131 78 7,640 4,648 12,288 Diċembru 2010 6,281 121 62 6,464 4,162 10,626 Diċembru 2009 5,129 78 59 5,266 4,092 9,358 Diċembru 2008 4,931 65 59 5,055 4,766 9,821

FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23261, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu maħsub li jiġi żviluppat permezz tal-applikazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar PA 283/16 li saret mill-FTS? Min se jkun responsabbli għal dan l-iżvilupp?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li huwa maħsub li tinbena skola primarja ġdida u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada se tkun responsabbli għal dan l-iżvilupp.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – kuntratti ta’ servizzi/xogħol ta’ tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratti ta' servizzi u/jew xogħol li hemm viġenti bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kumpaniji ta' tindif li qed jiġġeddu iktar minn darba waħda fis-sena? F'kull każ, jista’ jgħid kull meta qed jiġġeddu, wieħed wieħed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Ninforma wkoll li dawn il-kuntratti skadew f’Settembru tal-2015 u reġgħu ġġeddu skont ma jippermetti Artiklu 18.1 fis-sezzjoni ‘Kundizzjonijiet Speċjali’ (Special Conditions) fid-dokument tat-tender. Title - Environmentally Friendly Cleaning Services at:Contract extended (for 3 months) up to:Contract extended (for 3 months) up to:Name of Contractor St. Clare College PS Pembroke31 December 201531 March 2016MCCS Co Ltd St. Ignatius College GSS Handaq31 December 201531 March 2016MCCS Co Ltd St. Theresa College GSS Mriehel31 December 201531 March 2016MCCS Co Ltd St. Theresa College Ta Paris BSS B’Kara31 December 201531 March 2016MCCS Co Ltd St. Nicholas College Rabat Middle School31 December 201531 March 2016MCCS Co Ltd St. Margaret College Middle School Cospicua31 December 201531 March 2016TF Services Ltd St. Thomas More College APL Paola31 December 201531 March 2016TF Services Ltd St. Clare College School of Sport31 December 201531 March 2016VSV Cleaning St. Margaret College Primary School Senglea31 December 201531 March 2016VSV Cleaning

Ethics Education

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħsieb li l-Ethics Education ikun introdott f’erba’ skejjel, tnejn primarji u tnejn sekondarji, għal studenti li ma jattendux lezzjonijiet fir-Reliġjon Kattolika? Jista’ jgħid x’inhuma r-riżultati miksuba sa issa u x’inhuma l-pjanijiet għaż-żmien li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ethics Education ġie introdott f’erba’ skejjel bħala proġett pilota. Mill-evalwazzjoni li saret s’issa jidher li l-programm miexi sew. Il-pjan huwa li fis-sena skolastika li ġejja, l-Ethics Education jiddaħħal f’iktar skejjel b’mod gradwali. Qegħdin jitħarrġu għalliema sabiex ikunu jistgħu jgħallmu dan is-suġġett.

Form 1 – suġġetti ta’ Design and Technology, Home Economics, Arti u Mużika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħsieb wara d-deċiżjoni li fil-Form 1, is-suġġetti ta’ Design and Technology, Home Economics, Arti u Mużika qed jingħataw lill-istudenti kollha? Jista’ jgħid x’inhuma r-riżultati miksuba s’issa u x’inhuma l-pjanijiet għaż-żmien li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-suġġetti ta’ Design and Technology, Home Economics, Arti u Mużika kienu suġġetti options fil-Form 1. Fl-2013, l-istudenti kollha fl-Iskejjel tal-Istat bdew jiġu mgħallma dawn is-suġġetti. Kull suġġett jiġi mgħallem għal nofs sena, b’żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa. Dan sar sabiex l-istudenti kollha jkollhom esperjenza f’dawn is-suġġetti, li ġew assessjati b’mod formattiv. Ma kien hemm ebda eżami annwali f’dawn is-suġġetti. Fl-2015-2016, l-istess suġġetti ġew mgħallma lill-istudenti kollha fil-Form 2 wkoll. Din l-esperjenza kienet pożittiva u se titkompla fis-snin li ġejjin.

Skejjel Sekondarja – lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħsieb wara d-deċiżjoni li fl-Iskejjel Sekondarji, il-lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika jiżdiedu minn 2 għal 3 fil-ġimgħa? Jista’ jgħid x’inhuma r-riżultati miksuba sa issa u x’inhuma l-pjanijiet għaż-żmien li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din iż-żieda s’issa saret fl-ewwel sentejn tas-snin Sekondarji, mnebbħa mir-rata għolja ta’ obeżità fost l-adoloxxenti f’pajjizna u għaldaqstant mill-ħtieġa urġenti li l-istudenti tagħna jkollhom opportunitajiet t’attività fiżika aktar regolari. Dawn il-lezzjonijiet jiffurmaw parti minn sillabu ġdid li jagħti wkoll importanza għall-element tas-Saħħa bħala parti integrali mill-Edukazzjoni Fizika. Ir-riżultati sa issa qiegħdin juru mpenn aktar wiesgħa minn naħa tal-istudenti inkluż fil-ħajra u l-parteċipazzjoni tagħhom li jimpenjaw ruħhom bis-serjetà f’attività fiżika wara l-ħin tal-iskola. Mis-sena skolastika li jmiss, il-lezzjonjiet fit-tielet sena sekondarja wkoll se jiżdiedu, minn waħda għal tnejn fil-ġimgħa.

Campus il-ġdid tal-MCAST — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fuq il-campus il-ġdid tal-MCAST fl-2013, fl-2014 u fl-2015? Jista’ jgħid kemm kien l-investiment li sar matul dawn is-snin? Jista’ jgħid fiex tikkonsisti t-tieni fażi tal-campus il-ġdid u fiex wasal ix-xogħol sa issa fuq din il-fażi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fuq il-kampus il-ġdid għall-MCAST jikkomprendi dawn ix-xogħlijiet: 2013 · It-tlestija tal-kostruzzjoni tal-Istitut tax-Xjenza Applikata, tal-Istitut tal-Kummerċ u n-Negozju, Dar l-Istudent u l-parkeġġ ta’ taħt il-pjazza prinċipali; · It-tkomplija tax-xogħlijiet relatati mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi kif ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-finituri (finishes) tal-Istitut tax-Xjenza Applikata u tal-Istitut tal-Kummerċ; · It-tagħmir tal-laboratorji kollha tax-Xjenza fi ħdan l-Istitut tax-Xjenza Applikata. 2014 · It-tlestija tal-installazzjonijiet elettriċi u mekkanici kif ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-finituri tal-Istitut tax-Xjenza Applikata u tal-Istitut tal-Kummerċ; · It-tagħmir b’apparat u l-għamara ġdida tal-Istitut tax-Xjenza Applikata u tal-Istitut tal-Kummerċ; · It-tlestija ta’ sbatax-il laboratorju ġdid għat-tagħlim relatat mat-teknoloġija diġitali fi ħdan l-Istitut tal-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija; · Il-bidu ta’ xogħlijiet relatati mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi kif ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-finituri tal-parkeġġ ta’ taħt il-pjazza prinċipali; · Il-bidu ta’ xogħlijiet relatati mal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi ta’ Dar l-Istudent. 2015 · It-tlestija tal-installazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi kif ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-finituri fuq il-parkeġġ ta’ taħt il-pjazza prinċipali; · Il-bidu ta’ xogħlijiet relatati mal-finituri ta’ Dar l-Istudent. · It-tlestija tax-xogħlijiet kollha relatati ma’ Dar l-Istudent inkluż l-installazjoni tat-tagħmir kollu; apparat u għamara ġdida. · It-tlestija ta’ faċilitajiet sportivi u xogħlijiet ta’ landscaping madwar il-binjiet ġodda. Dawn ix-xogħlijiet tħallsu mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). L-investiment li sar kien hekk: · 2013: €6.73 miljun · 2014: €2.67 miljun · 2015: €4.64 miljun Nota: Fl-2013 kien hemm ukoll rimborż ta’ €2.09 miljun (addizzjonali għaċ-ċifri kkwotati hawn fuq) mill-FEŻR għal xogħlijiet li kienu saru fl-2011 (€1.96 miljun) u 2012 (€0.13 miljun). Fl-2015, il-Masterplan tal-Kampus il-Ġdid ġie rivedut biex jirrifletti l-eżiġenzi kurrenti u futuri tal-Kulleġġ. Bħalissa, il-Kulleġġ qiegħed jaħdem fuq tlett binjiet ġodda: · Binja fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport · Il-Librerija l-ġdida li ser tkun tikkomprendi wkoll iċ-Ċentru tal-Apprentistat, iċ-Ċentru tal-Intraprenditorija u t-Taqsima ta’ Għajnuna fit-Tagħlim · L-Istitut tal-Informatika u t-Teknoloġija. Tħejjew il-pjanti ta’ dawn it-tlett binjiet u flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra, inkluż l-applikazzjoni għall-permess għall-iżvilupp, ġew sottomessi lill-MEPA. Dwar il-binja fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, tħejjew id-dettalji strutturali kif ukoll ġew iddisinjati s-servizzi mekkaniċi u elettriċi u l-finituri. Ġie kkompilat ukoll it-tender document li ntbagħat għall-vetting lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Qegħda wkoll titlesta l-applikazzjoni biex jinkisbu fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

Eks Skola Umberto Colosso — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-proġett biex l-eks Skola Umberto Colosso tkun mibdula f’Youth Village? Jista’ jgħid x’xogħol sar sa issa u kemm kien l-investiment li sar sa issa? Jista’ jgħid x’inhu l-iskop tal-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-youth village hu li jipprovdi sapport lil għaqdiet taż-żgħażagħ filwaqt li l-binja toffri numru ta' servizzi għaż-żgħażagħ fosthom il-youth information one stop shop u l-youth.inc biex jiġi żgurat li tintlaħaq ħidma trans-settorjali għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, b'investiment ta' madwar Euro 1,500,000.