Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni/ijiet ingħalqet għall-karozzi għal aċċess għal parti mill-bajja ta' Rinella, fil-Kalkara?
Jista' f'dan il-każ jagħti permess għal dawk il-persuni b'diżabilita' li issa ma fadlilhomx il-faċilita' li jersqu viċin il-baħar f'din in-naħa ristretta minn dan ir-riżors f'din il-parti ta' Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17162, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa peress li l-ilment imsemmi qiegħed jerġa' jkun ta' inkonvenjent kif imsemmi fil-mistoqsija oriġinali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tajt struzzjonijiet biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-inkonvenjent jitneħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali u barranin li taw servizz lill-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Mejju 2000? Jista' jgħid min kienu u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarju u kondizzjonijiet irċevew?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 17494?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-flus minfuqa fil-Kottonera, sena b'sena u fuq liema proġetti, huma kif ġej:
SENA NEFQA PROĠETTI
TOTALI
------------------------------------------ --------------------------------1994 Lm232,305. Ix-Xatt tal-Birgu; ix-Xatt ta' l-isla
1995 Lm 95,263. Ix-Xatt ta' l-Isla; Estensjoni u xogħlijiet biex
jiġi msebbaħ il-Promenade ta' l-Isla; Tiswija fil-Moll tal-Kalkara; Xogħol ta' manutenzjoni fil-Fortini, Birgu.
1996 Lm100,725. Xogħol fi Pjazza Santa Margerita; Xogħlijiet
fiċ-Ċimiterju tal-Kalkara u l-Iskall tal-Kalkara; Xogħlijiet fix-Xatt u l-Promenade ta' l-Isla; Xogħol fl-Iskall tal-Birgu; Xogħlijiet fil-Forti Sant'Anġlu, l-Birgu; Xogħlijiet fil-Fortini, Birgu.
1997 Lm114,641. Twaqqiegħ u bini mill-ġdid tal-'Bell Tower'
tal-Knisja ta' San Ġiljan, l-Isla; Xogħol ta' pavimentar fi Triq Juan B Azzopardi, l-Isla; Xogħlijiet fi Triq Santa Skolastika, l-Birgu; 'Resurfacing' u xogħlijiet ta' titjib ambjentali f'Collachio Area, l-Birgu; Tibdil tas-saqaf fl-'Auberge de France'; Pavimentar bil-konkrit fix-Xatt tal-Birgu; Kostruzzjoni ta' 'Parking Areas' f'Tal-Ħawli Housing Estate, il-Birgu; Xogħlijiet ta' manutenzjoni lis-swar ta' Santa Margherita; Xogħlijiet fi Pjazza Santa Margherita; Xogħlijiet fl-iskall tal-Kalkara.
1998 Lm104,110. Xogħol ta' Riabilitazzjoni ta' 'Couvre Porte',
il-Birgu; Restawr fl-Auberge de France, il-Birgu; Xogħlijiet ta' restawr fis-sur ta' Sant'Elena, Bormla; Xogħlijiet f'St Nicholas Married Quarters, Bormla; Xogħlijiet ta' restawr fil-Mina ta' Għajn Dwieli; Xogħol ta' rikostruzzjoni tal-'Bell Tower' tal-Knisja ta' San Ġiljan, l-Isla; Xogħlijiet ta' restawr f'Bighi Complex u Fort Rinella, l-Kalkara; Riabilitazzjoni ta' l-Uffiċini tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera.
1999 Lm 77,472. Pavimentar ta' Pjazza Santa Margherita, Bormla;
Xogħlijiet fis-Sur ta' Santa Margherita, Bormla; Pavimentar quddiem id-Dar ta' l-Anzjani, Bormla; 'Information Signs' fil-Birgu; Birgu Fest (Attivita' Kulturali) fil-Birgu; Xogħol fuq il-Gardjola, l-Isla; 'Railing' fil-Bajja tar-Rinella, l-Kalkara; Bini ta' ċint f'Għajn Dwieli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm consultants fid-dekasteru tiegħu? X'inhi r-remunerazzjoni u fringe benefits li jieħdu f'kull każ?
Kemm minn dawn il-consultants kienu impjegati mal-gvern?
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi li huma mikrija mid-dipartiment u l-ministeru, inkluż is-segretarjat privat? F'liema dipartiment iservu dawn il-karozzi? Kemm huwa n-numru ta' karozzi impressed fil-mument u f'liema dipartiment iservu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' karozzi fid-dipartiment u l-Ministeru, inkluż is-segretarjat privat jammonta għal 73 karozza mikrija u 81 vettura impressed.
Dawn il-karozzi jservu fid-dipartiment kif imsemmi hawn taħt:
DIPARTIMENT KAROZZI KAROZZI
MIKRIJA IMPRESSED
--------------------------------------- -------------------------
Building & Engineering Department 9 8
Building Industry Consultative Counsil 3 /
Building Construction Industry Department 2 1
Central District Office 2 20
Construction & Maintenance Department 5 10
Drainage Department 6 17
Finance & Administration Department 12 9
Ministeru 10 1
Environment Protection Department 16 4
Unit għall-Ambjent Nadif 1 3
Valletta Rehabilitation Project 4 /
Waste Management 3 2
Manufacturing & Servicing Department / 6
Jista' l-Ministru jgħid x'time frames għandu l-ministeru għat-tlestija ta' l-economic impact assessment studies marbutin ma' l-applikazzjoni pendenti Maltija għal sħubija sħiħa fl-UE?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Hemm diversi time-frames li matulhom iridu jsiru diversi economic impact assesments. Żgur pero', li dawn iridu jkunu tlestew sa l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jara li jsir xogħol ta' manutenzjoni fuq il-fanali li hemm fl-embellishment ta' Buġibba minħabba li hemm divers li mhumiex jinxtegħlu jew għandhom il-globi mkissra, b'mod partikolari fil-pjazza u fil-car park?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni fuq il-fanali li hemm fl-embellishment ta' Buġibba isir kontinwament skond il-bżonn bi ftehim mal-Kunsill Lokali. Il-globi tal-fanali fil-pjazza tal-car park diġa' nbidlu numru minnhom. Il-kumplament li tkissru minn xi vandali dan l-aħħar diġa' ġew ordnati biex jitwaħħlu flok l-imkissrin.
Id-dwal dekorattivi li hemm fil-pjazza ser jinbidlu. Għal dan il-għan, riċentament inħarġet 'letter of acceptance' biex ikun jista' jsir dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba mhux qiegħda titħaddem? F'liema ġranet tħaddmet matul is-sajf sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba bdiet titħaddem mill-bidu ta' Ġunju. Il-funtana titħaddem fil-ġranet kollha tas-sajf. Meta jkun riħ qawwi l-funtana tintefa awtomatikament.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 17850, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni, inkluż il-pjanti ta' l-Opera House, Pjazza Ħelsien u tal-bus terminus li ġew sottomessi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Jista' l-Ministru jgħid meta l-aħħar ġew riveduti l-prezzijiet tal-bennejja? F'dan ir-rigward jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-prezzijiet? Jista' jgħid ukoll jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jirrivedi dawn il-prezzijiet? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat lil-prezzijiet tal-bini ġew iffissati bi "price control regulation" fl-1980 (Govt. Notice No. 380, 25th July 1980). Minn dak iż-żmien 'l hawn dawn il-prezzijiet qatt ma ġew riveduti. Il-prezzijiet jidhru fl-Avviż Numru 380 tal-25 ta' Lulju 1980.
Hi l-"policy" tal-gvern li jħalli l-forzi tas-suq jirregolaw il-prezzijiet u għalhekk ma nħossux li għandna ninponu l-prezzijiet aħna.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17723?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ntlaħaq ma' terzi dwar trasferiment ta' proprjeta' f'Manoel Island. Ftehim dwar postijiet vakanti oħra dalwaqt jiġi konkluż.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 17603, jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' x'tip ta' servizz ta l-Perit Richard England għall-ħlas tas-somma ta' Lm65,900 bħala konsulenza għal proġett ta' Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-konsulenza tal-Perit Richard England għall-Proġett ta' Bieb il-Belt jinkludi:
- disinn preliminari ta' l-Opera House, Pjazza Ħelsien u tal-Bus Terminus
- sottomissjoni ta' l-applikazzjoni 'outline' lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar
- diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qabel ma ħareġ il-permess.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu pproġettat li jsir u meta hu maħsub li jitlestew ix-xogħlijiet fil-King George VI playing fields, Furjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol li hu ppjanat li jsir fil-King George VI Playing Fields Furjana, huwa 'upgrading' komplet ta' dan il-post rikreattiv.
Ser isiru passaġġi ġodda b'pavimentar ġdid, areas bil-ħamrija, bandli ġodda, dwal u street furniture oħra. Ix-xogħol inbeda bil-ħaddiema ta' l-ewwel distrett u bħalissa qed niddiskutu programm ta' xogħol biex jiġi stabbilit meta ser jitlesta matul is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk issa li tħabbar ftehim bejn id-Ditta Campers and Nicholson u l-Cottonera Waterfront Group, dan il-ftehim hux suġġett għall-ħlas tat-taxxa tal-boll?
Jekk fl-affermattiv, il-gvern se jiġbor din it-taxxa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ma jidħolx fuq kuntratti bejn terzi persuni iżda kulħadd huwa obligat li jimxi mal-liġi.
Jista' l-Ministru jara li l-ħaxix ħażin u folt ħafna li hemm biswit il-flats tal-binja Kordin quddiem il-Knisja ta' Għajn Dwieli, liema ħaxix jinsab bejn il-flats u l-moskea ta' l-Għarab jitneħħa għaliex apparti r-riskju li jaqbad fis-sħana tas-sajf qed iservi sabiex isur abbużi warajh?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.