Jista' il-Ministru jgħid kemm kien ġenerat skart f'pajjiżna kull sena mill-2000 sa l-aħħar tas-sena li għaddiet? Meta bdiet issir is-separazzjoni ta' l-iskart? Kemm ġie separat skart sal-lum f'dawk li huma ħġieġ, karti, plastik u metal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-siti mmaniġġjati mill-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd ġie ddepożitat skart skond kif imniżżel hawn taħt:
L-ammonti huma dawn:
2000
Magħtab 1,409,641 tunnellati
Qortin (Għawdex) 36,014 tunnellati
Sant’Antnin 31,381 tunnellati ta’ skart ittrattat
2001
Magħtab 1,160,879 tunnellati
Qortin 75,557 tunnellati
Sant’Antnin 32,103 tunnellati
2002
Magħtab 1,516,431 tunnellati
Qortin 75,233 tunnellati
Sant’Antnin 15,553 tunnellati
2003
Magħtab 796,328 tunnellati
Qortin 43,485 tunnellati
Sant’Antnin 24,434 tunnellati
Siti għal Skart ta’ Kostruzzjoni 761,882 tunnellati (Minn Mejju)
2004
Magħtab 277,402 tunnellati
Qortin 43,485 tunnellati
Sant’Antnin 34,992 tunnellati
Siti għal Skart ta’ Kostruzzjoni 2,177,861 tunnellati
2005
Magħtab 250,523 tunnellati
Qortin 16,827 tunnellati
Sant’Antnin 40,750 tunnellati
Siti għal Skart ta’ Kostruzzjoni 1,185,174 tunnellati
Is-Separazzjoni ta’ l-iskart fil-‘Bring-in Sites’, mnieda mill-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd, bdiet fl-Lulju 2003 f’Malta u f-April 2004 ġewwa Għawdex.
Bejn Lulju 2003 u Frar 2006 il-figuri huma dawn li ġejjin:
Karti
(Kg)
Plastik
(Kg)
Metall
(Kg)
Ħġieġ
(Kg)
Malta
1,550,635
452,471
254,780
805,417
Ghawdex
115,170
62,780
22,900
103,348
Totall:
1,665,805
515,251
277,680
908,765
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-istrateġija tal-gvern hija li f'Wied il-Għajn, mhux biss l-impjant tar-riċiklaġġ, se jinbena imma li wara ċertu sena se jinbena wkoll permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, inċineratur li se jaħraq aktar minn 130,000 tunnellata ta' dirty waste u engineered landfill li tibda tintuża wara li tingħalaq dik ta' l-Għallies fl-2013? F'każ li ma tikkonfermax dan, tista' tgħid x'qed jgħidu u xi jfissru dokumenti u rapporti li hemm quddiem l-Unjoni Ewropea u l-istess MEPA f'dan ir-rigward?
Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern fil-futur qarib jew aktar 'il bogħod jieħu l-barriera ta' Wied iż-Żiju, limiti taż-Żejtun, sabiex din tintuża bħala engineered landfill?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Le, il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li ġewwa Wied il-Għajn ikun hemm inċineratur u/jew engineered landfill. Għaldaqstant, mhux ċar għal liema rapporti l-Onor. Interpellant qed jirreferi.
Le, il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jieħu l-barriera ta’ Wied iż-Żiju, limitri taż-Żejtun, sabiex din tintuża bħala engineered landfill. Ta’ min igħid li din il-barriera kienet ġiet identifikata minn konsorzju privat fl-2000 biex tiġi żviluppata f’landfill, iżda din il-proposta ma ġietx ikkunsidrata aktar għax il-Gvern identifika l-Għallies bħala s-sit preferut għal din il-faċilità.
Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li l-gvern ħa jew qed jieħu passi biex jieħu f'idejh il-barriera ta' Wied iż-Żiju, f'Wied il-Għajn li tinsab qrib l-impjant ta' Sant'Antnin? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-iskop għal dan l-akkwist? Jikkonferma jekk fil-fatt il-permess tal-barriera msemmija ġiex estiż? Jekk fl-affermattiv, għal kemm-il sena ġie estiż u jekk il-kunisll lokali konċernat ġiex ikkonsultat qabel l-estensjoni?
Fi kwalunkwe każ, jekk il-kunsill lokali konċernat ġiex ikkonsultat dwar il-ħsebijiet tal-gvern jew tal-Wasteserv dwar il-barriera msemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Gvern ma ħa, jew mhux qed jieħu l-ebda passi biex jieħu f'idejh il-barriera ta' Wied iż-Żiju, f'Wied il-Għajn li tinsab qrib l-impjant ta' Sant'Antnin. Din il-barriera kienet ġiet identifikata minn konsorzju privat biex tiġi żviluppata f'landfill, iżda din il-proposta ma ġietx ikkunsidrata aktar għax il-Gvern identifika l-Għallies bħala s-sit preferut għal din il-faċilità.
Il-permess tal-estensjoni tal-barriera tal-qawwi HM 08 Wied iż-Żiju, Żejtun hu PA 3952/97, maħruġ nhar is-17 ta' Mejju, 2000.
Hemm permess ieħor fuq il-fond mal-konfini tal-barriera kollha PA 5901/00 maħruġ nhar it-30 ta' Novembru, 2005 għal perjodu ta' sena u li jieħu post il-permessi li nħarġu fuq dan is-sit qabel din id-data.
Il-Kunsill taż-Żejtun ġie kkonsultat rigward dan l-iżvilupp.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18270, li ġiet risposta fl-24 ta' April 2006, jista' il-Ministeru jikkontattja lin-nies involuti fuq id-dettalji li qed jintbagħtu separatement għaliex lil dawn għadu ma kkontattjahom ħadd u l-klieb għadhom m'għandhomx fejn joqogħdu wara li l-MEPA għalqet il-post tagħhom f'Pembroke?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern għandu d-dmir josserva li l-klieb u l-anniamli l-oħra f’pajjiżna ikunu ttrattati sewwa. Il-Gvern mhuwiex responsabbli biex isib post biex jinżammu fih il-klieb f’pajjiżna. Minkejja dan il-Gvern jipprova jara jistax jiddedika art pubblika adegwata li tista’ tintuża għal dan l-iskop iżda dan mhux dejjem huwa possibbli. Sadanittant ħadd ma għandu l-jedd jokkupa art pubblika bla awtorizazzjoni u jibdel sit bħala post ta’ akkomodazzjoni għall-klieb mingħajr permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Skond il-liġi ta’ pajjiżna il-kustodju ta’ dawn il-klieb irid jara u jiżgura s-saħħa u l-ħarsien ta’ dawn l-annimali. Jien infurmat li uffiċjali mit-Taqsima għall-Ħarsien ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ikkuntatjaw lil din il-persuna diversi drabi.
B'riferenza għall-pjazza Sant'Anna li suppost se terġa' tiġi lura għalli kienet imma jidher li issa hemm bini ta' tmien sulari (PA01176/00) li wasal sal-ground floor u qed jieħu parti minn din il-pjazza, li pjanijiet ta' l-ADT u survey map tal-MEPA juru li din il-parti ta' pjazza hija bla bini, jista' il-Ministru jgħid hux minnu li din il-biċċa tal-pjazza Sant'Anna hija proprjeta' privata ġaladarba dan qed jibni fuqha? Hemm titlu fuq din il-biċċa art? Kif se jibni tmien sulari bini u la se jostakola l-arja u d-dawl ta' ħaddieħor, ġaladrarba dan huwa inqas minn żewġ metri mill-bini ta' ċertu valur arkitettoniku eżistenti? Huwa possibbli li l-MEPA ħarġet il-permess b'oversight?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond l-applikazzjoni sottomessa, l-applikant iddikjara li huwa s-sid tal-propjeta’. F’kull każ il-MEPA, meta jkun hemm kwestjonijiet ta’ ownership, ma tistax tiddikjara jew tikkonferma min huwa s-sid jew le għaliex din tagħmilha biss il-Qorti. Huwa għalhekk li l-permessi jinħargu mingħajr preġudizzju ta’ drittijiet ta’ terzi.
Il-permess li nħareġ huwa għal estensjoni vertikali fuq il-linja tal-bini ta’ porch eżistenti fil-pjan terren u mhux fuq art li fuqha ma hemmx bini. Il-MEPA attwalment qed tinvestiga l-każ biex tistabbilixxi jekk hemmx lok ta’ sottomissjonijiet foloz li a bazi taghhom il-MEPA setghet ġiet żgwidata u dana a tenur tal-Art 39 (A) ta’ l-Att dwar l-Ippjanar. F’kaz li jinstab li saru sottomissjonijiet foloz allura il-MEPA tieħu -passi kif provist skond l-Artiklu msemmi.
B'riferenza għall-mistoqsija dwar ticket booths fix-Xatt ta' Tas-Sliema, peress li bħalissa hemm iżjed minn ħames booths bil-liċenzja fix-Xatt, jista' il-Ministru jelenka dawk il-kumpanniji li għandhom permess u kemm għandhom ticket booths liċenzjati kull wieħed? La s-sajf magħna, jista' jagħti idea meta l-MEPA se tieħu deċiżjoni fuq l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat għar-rigward ta’ liema booths għandhom liċenzja. Nistenna li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tipproċessa l-applikazzjonijiet kif inhu stipulat fil-liġi.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, inklużi pjanti u rapporti jew talbiet, li saru in konnessjoni ma' l-estensjoni proposta ta' skemi tal-bini li dwarhom qed issir konsultazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li l-pjanti li jindikaw it-talbiet li saru u d-dokument li jelenka l-kriterji li ġew imfassla mill-Kabinet diġa huma aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-
website
ta’ l-istess Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 19071, jista' il-Ministru jikkwota l-legal notices li permezz tagħhom twaqqaf l-urban development fund mill-MEPA, peress li kwalunkwe tariffa teħtieġ li tkun koperta b'leġislazzjoni anke jekk sussidjarja? Kif jistgħu l-kunsilli lokali japplikaw għal dawn il-fondi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-"Urban Improvement Fund" mhijiex tariffa iżda hija 'planning obligation' skond kif speċifikat fl-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Referenza għat-terminu 'urban improvement fund' tinsab fil-'Policy and Design Guidance 2005' li twaqqaf bl-approvazzjoni tal-bord tal-MEPA f'April, 2005. Il-kunsilli lokali jistgħu jissottomettu l-proposti tagħhom biex jiġu evalwati mill-Awtorità bħalma jiġri fl-'Environment Initiatives in Partnership Programme' li wkoll huwa 'Planning obligation'.
Jista' il-Ministru jaġġornana dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar il-korrispondenza li qed nibgħat l-acknowledgement tagħha separatament? Jista' jikkonferma għaliex f'żewġ acknowledgements minnhom ma ngħatax riferenza għal din l-ittra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma kienx jirrikjedi nvestigazzjonijiet għaliex kien każ ċar. Fil-White list of Vessels ta’ l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT), Malta sa mis-sena 2004 irreġistrat 2 Purse Seiners bħala bastimenti li jistgħu jistadu bix-xibka. Dan sar fuq bażi ta' 'pilot fishery'. Fis-sena 2004 stadet waħda minnhom tul l-istaġun kollu, u biex din ħarġet tistad numru ta' bastimenti tal-konz ma ħarġux jistadu. Fl-istaġun ta' l-2005 dan il-bastiment ma ramax bix-xibka iżda rama l-bastiment l-ieħor, li huwa s-suġġett in kwestjoni. Kien lest u għabba x-xibka fl-aħħar parti ta' l-istaġun ta' l-2005 u seta’ joħroġ jistad għaliex l-maġġoranza tal-bastimenti tal-konz il-kbar waqfu jistadu u marru jiġbdu l-gaġeġ, u l-kwota kienet għada mhix maqbuda. Din is-sena, dan l-istess bastiment sejjer jistad l-istaġun kollu a bażi ta' kuntratt li s-sid irrnexxielu jiffirma ma kumpanija barranija. Din hija opportunità li m'għandiex tintilef. Il-bastiment l-ieħor, li ma kienx ħareġ jistad għat-tonn bix-xibka fl-2005 m’għamel l-ebda talba jew referenza li din is-sena ser jistad bix-xibka iżda żamm l-liċenzja tiegħu tas-sajd bil-konzijiet.
Jidher li bi żvista ż-żewġ acknowledgements ma kellhomx in-numru ta’ referenza għall-ittra in kwestjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18522 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jagħti konsiderazzjoni lill-petizzjoni miġbura mill-kunsill lokali ta' Pembroke kontra l-bini ta' substation fil-car park użat minn Pembroke Athleta Sports club u dan minħabba l-fatt li minbarra li se jkerrah l-ambjent ta' l-akwati se jelimina wkoll il-postijiet ta' parkeġġ li jintużaw mill-membri ta' dan il-klabb u b'hekk se tinħoloq problema ta' parkeġġ u traffiku f'dawn l-akkwati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni msemmija għandha r-referenza PA 66/05 għall-construction of distribution centre in Pembroke. Il-permess ġie approvat fit-22 ta’ Novembru 2005, u ġie mpustat fis-7 ta’ Diċembru 2005. Għaldaqstant issa hija l-Korporazzjoni Enemalta lit rid tiddeċiedi tużax jew le dan il-permess.
Jista' il-Ministru jgħid x'perċentwali ta' bdiewa full-time u part-time għandhom 'il fuq minn 50 sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond il-Land Parcel Identification System hawn 331 bdiewa full time u 4,932 bdiewa part time li għandhom ‘il fuq minn 50 sena.
Tajjeb li ngħidu li jekk l-Onor. Interpellant irid li jkollu ċifri iżjed eżatti nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Employment and Training Corporation (ETC)
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati full-time u part-time?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO), u mill-Employment and Training Corporation (ETC).
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentiari 18691 il-perijodu huwa mill-1 ta' Mejju, 2004 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-għajnuna għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ (mill-fondi li ġejjin mill-Pjan ta' l-Iżvilupp Rurali 2004-2006) kien hemm 1,212 applikanti li tefgħu applikazzjoni preliminari fl-2004. Minn dawn l-applikazzjonijiet, 711 l-applikant ħadu l-għajnuna. Il-bqija ma ħadux l-għajnuna għaliex jew ma ġabux id-dokumenti kollha meħtieġa, jew għax ma kenux eliġibbli. Fis-sena 2005 kien hemm total ta' 431 applikazzjoni. Minn dawn, 125 kienu estensjoni ta’ l-applikazzjonijiet tas-sena ta' qabel u 306 kienu applikazzjonijiet ġodda.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18546 u jgħid kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema li qed jaħdmu mal-fishfarms f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm barranin?
Kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u fejn huma?
Kemm hu stmat li ħallew revenue dawn il-fishfarms u x'kien ir-revenue li minnu gawda u qed igawdi l-pajjiż?
Jista' il-Ministru jirrispondi għad-domanda fid-dettall?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-fish farms f'Malta u Għawdex hu rrapurtat fir-Rapport Annwali tal-Ministeru Għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Dawn kienu 120 ħaddiema full-time u 160 part-time.
Ma tinżammx informazzjoni fuq il-ħaddiema barranin li jkunu nvoluti ma’ dawn il-farms. Id-dettalji tal-ħaddiema kollha huma prerogattiva ta’ l-Employment and Training Corporation (ETC) u mhux ta' dan il-Ministeru.
F'Malta hawn dawn il-fish farms :
Farms ta' l-awrat u ta' l-ispnott
1. Pesceculture de Malte bil-farms tagħha il-Mistra, il-Gżejjer ta' San Pawl u l-Mellieħa.
2. Fish and Fish Co Ltd - Il-Ħofriet
3. Malta Fish Farming Ltd - barra l-Munxar u fil-Bajja ta' B'Buġa
4. Aquaculture Development Ltd - is-Salina
5. Sealand Ltd - il-Pwales
6. Malta Mariculture Ltd - fejn Kemmuna
Minn dawn ta' hawn fuq tnejn biss huma operattivi
Farms tat-Tonn
1. AJD 1 - barra l-gżejjer ta' San Pawl.
2. AJD 2 - parti mill-Malta Mariculture Ltd
3. Melita Tuna Ltd - barra l-Munxar flimkien mal-Malta Fish Farming
4. Malta Tuna Trading - bi dritt il-Ħofriet flimkien mal-Fish and Fish Co Ltd
5. Mediterranean Tuna Ltd - barra s-sikka ta' Bengħajsa
Minn dawn tlieta biss kienu operattivi l-istaġun li għadda.
L-informazzjoni dwar ir-revenue li jiġi ġġenerat mill-fish farms qed tinġabar.
Fid-dawl ta' dak li ntqal f'paġna 27 (3.1.7. Marine and Coastal Environment) u f'paġna 34 (3.1.11 Leisure and the Environment) tas-Sustainable Development Report dwar aċċess pubbliku għal min irid jimxi u jgawdi l-kampanja, x'passi se jittieħdu biex dawn ir-rakkmandazzjonijiet jitwettqu fil-prattika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ jingħad li wara l-konsultazzjoni wiesgħa li saret fuq l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, sar enfażi fuq il-bżonn li jitħares l-aċċess pubbliku f’zoni rurali u f’zoni viċin il-baħar.
Filwaqt li din l-Istrateġija ssostni t-twettieq tal-Pjan ta’ Struttura u Pjanijiet Lokali oħra li jindirizzaw din il-problema, ġew identifikati wkoll “headline indicators and Targets” li jpoġġu obbligu dirett fuq l-awtoritajiet kompetenti biex titieħed l-azzjoni.
Din l-azzjoni tiġi mfassla meta l-Istrateġija tiġi addottata mill-Gvern, u allura l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli tkun tista’ tibda l-proċess li jieħu ħsieb iħejji pjanijiet ta’ azzjoni għal kull priorità msemmija fid-dokument. Dwar dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni trid issir konsultazzjoni ma’ dawk kollha nvoluti, inkluż it-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema legal notice twaqqaf l-urban improvement fund tal-MEPA? Meta twaqqaf dan il-fund? Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tal-MEPA? Kemm inġabru flus f'dan il-fund sal-lum? Meta japplika dan il-fund u x'inhu l-iskop tiegħu? Hemm kriterji preċiżi ta' kif jiġu kkalkulati l-kontribuzzjonijiet għal dan il-fund? Sal-lum intnefqu xi flus minn dan il-fund u jekk fl-affermattiv fuq liema proġetti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp jipprovdi għal obbligi dwar l-iżvilupp, li permezz tagħhom jistgħu jinġabru fondi bħala 'planning obligation'. M'hemmx riferenza diretta fil-liġi għall-"urban improvement fund" jew skemi bħalha. L-"urban improvement fund" twaqqaf bl-approvazzjoni tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'April 2005, meta ġie approvat il-Policy dwar il-Kontroll ta' l-Iżvilupp u Gwida fid-Disinn. Il-bilanċ f'dan il-fond fl-aħħar ta' Marzu 2006 jammonta għal Lm 466,470. Sa dakinhar ma kienu ntefqu l-ebda flus minn dan il-fond. Meta jkun hemm ħlas dovut għal nuqqas ta' parkeġġ u m'hemmx il-Commuted Parking Scheme tapplika, din l-iskema u l-flus jiġu allokati għall-dan il-fond sabiex jiffinanzja 'traffic management', titjib urban jew proġetti simili. Il-ħlas dovut għal kull parkeġġ nieqes huwa ta' Lm 500. Sa l-aħħar ta' Marzu 2006 ma kienu ntefqu l-ebda flus minn dan il-fond għalkemm hemm diġa xi proġetti li sejrin jiġu iffinazjati minn dan il-fond fuq talba tal-kunsilli lokali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siġra taż-żebbuġ tħawwlu f'dawn l-aħħar sentejn minn mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn naħa tas-Sezzjoni tal-Park, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (PARKs) tħawwlu total ta’ 436 siġar taż-żebbuġ hekk kif ġej:
Fis-sena 2004 - Xejn
Fis-sena 2005 - 95.
Fis-sena 2006 - 341. (Sat-12 ta’ Mejju 2006)
Sa l-aħħar ta’ Mejju ghandhom ikunu tħawwlu elf (1,000) siġra taż-żebbuġ oħrajn.
Minn naħa tal-MELP ġew imħawlin 3,921 siġar taż-żebbuġ bejn l-ewwel ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006.
Fl-aħħar sentejn (2004-2005), madwar 1,000 siġra taż-żebbuġ ġiet irreġistrata mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Din ir-reġistrazzjoni ssir fuq bażi volontarja u għalhekk mhux bil-fors tirrifletti s-sitwazzjoni attwali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li żamm il-bord nazzjonali tas-sajd matul l-2005 u l-2006 separatament? Liema oqsma ġew diskussi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 il-Bord tas-Sajd iltaqa’ 3 darbiet.
· L-ewwel laqgħa saret fit-3 ta' Marzu 2005 u ġew diskussi ir-Regolamenti għall-Irkapti tas-Sajd.
· It-tieni laqgħa saret fl-20 ta' Ottubru 2005 u matulha ġew diskussi dawn l-oqsma:
1. Il-miżuri tekniċi għall-Mediterran
2. Il-Laqgħa ta' l-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas(ICCAT) f'Seville
· It-Tielet laqgħa li saret fis-16 ta' Diċembru 2005 iffinalizzat id-diskussjoni fuq ir-Regolament għall-Irkapti tas-Sajd.
Fis-sena 2006, l-istess Bord tas-Sajd s'issa kellu laqgħa waħda li saret fl-4 ta' Marzu 2006, u li matulha ġew diskussi l-liċenzji tas-Sajd tat-Tonn għas-sena 2006, jew aħjar kif ser titpoġġa sistema aktar idonea għall-għoti tal-liċenzji tat-tonn għal kull sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat uffiċjali li nżammu bejn id-direttur tas-sajd u/jew il-Ministru mal-koperattivi tas-sajjieda? Meta saru dawn il-laqgħat? Liema oqsma ġew diskussi u xi progress sar dwarhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul 2005 is-Direttur Ġenerali għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd iltaqa’ ma’ 178 sajjied jew gruppi ta' sajjieda. Normalment dawn il-laqgħat isiru nhar ta' Tlieta fil-għodu. Barra minn dawn kien hemm numru ta' sajjieda li ġew mingħajr appuntament. F'każ minnhom, anke l-Onor. Interpellant kien preżenti. Dawn il-laqgħat kienu jinvolvu numru varjat ta' suġġetti bħal, għajnuna, liċenzji, trasferimenti u ilmenti varji.
Barra minn dawn kien hemm matul is-sena 2005, 10 laqgħat mal-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd u erbgħa ma’ l-Għaqda Kooperattiva tas-Sajd Ltd. Barra minn hekk kien hemm 3 laqgħat tal-Bord tas-Sajd li fihom ikun hemm wkoll ir-rappreżentanti tal-Kooperattivi. Numru ta' laqgħat oħra maż-żewġ Koperattivi ġew organizzati fil-preżenza tiegħi.