Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #29290 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Impjegati

Question

1 Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati kollha grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li huma ingaġġati bħala konsulenti, part timers, casuals jew b' xi kuntratt ta' xogħol fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? 2 Kemm huwa l-ħlas/remunerazzjoni li qiegħed jirċievi kull impjegat? 3 Min awtorizza tali impieg? 4 Hemm xi benefiċċji oħra marbuta ma' tali impieg? 5 Hemm minnhom xi impjegati li uffiċjalment spiċċaw mis-servizz tal-Gvern bl-eta'?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq fuq safar bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-aħħar ta' Settembru 2001 fil-Ministeru li jaqa taħt ir-responsabbilita tiegħek? Kemm min dan l-infieq kien fuq safar relatat mal-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja?

Response (BORG, JOE)

Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq safar fil-Ministeru tiegħi għall-perjodu minn Jannar sa Settembru 2001 tinsab fil-limiti tas-somma totali ivvutata fl-Estimi Ġenerali għal dan l-iskop. Dan il-vot tal-flus ikopri s-safar kollu li jsir mill-Ministeru tiegħi. Għalkemm inkluż f'dan il-vot hemm somma li tintwera taħt id-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea, ikun hemm diversi viżiti barra minn Malta li jikkombinaw kemm l-aspett ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-tħaddim tal-politika barranija fuq bażi bilaterali. L-eżerċizzju biex wieħed joqgħod janaliżża n-nefqa ta' kull safra uffiċċjali biex joħroġ l-element relatat ma' l-applikazzjoni ta' Malta għal tisħib fl-Unjoni Ewropea huwa wieħed diffikultuż u jieħu ħafna żmien u għalhekk ma nara l-ebda skop li dan isir sakemm ma ningħatax raġuni valida l-għala l-informazzjoni mitluba għandha tingħata.
Leg 9 PQ #29233 Sitting 631 2001-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' pożizzjoni se tittieħed dwar l-ittra mibgħuta minn FA Murphy (kopja ammessa) u li kopja ntbagħtet lili dwar talba biex il-persuna li isimha qed jibntbagħat under seperate cover tiġi mogħtija lura l-flus ta' l-ispejjes li daħlet fihom minħabba informazzjoni żbaljata mill-Ambaxxata Maltija f' Moska?

Response (BORG, JOE)

Mill-informazzjoni li nkisbet sa issa dwar il-każ, ma jirriżultax li l-Ambaxxata Maltija f'Moska tat informazzjoni żballjata lill-individwi in kwistjoni. Infatti, persuni li għal xi raġuni ma jistgħux imorru japplikaw personalment fl-Ambaxxata għall-visa biex jiġu Malta jingħataw struzzjonijiet sabiex imorru għand aġenzija ta' l-ivvjaġġar, li tgħaddi l-applikazzjoni f'isimhom lill-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni f'Malta. L-individwu wkoll jista' jibgħat l-applikazzjoni hu stess, kemm-il darba jimla l-formolarju rikjest kif meħtieġ. Jekk din l-applikazzjoni tiġi aċċettata, toħroġ ittra indirizzata lill-applikant fejn tinfurmah illi meta jasal Malta, jingħata l-visa meħtieġa wara li jippreżenta din l-ittra lill-uffiċċjali ta' l-immigrazzjoni fl-ajruport. L-Ambaxxata Maltija f'Moska ilha tħaddem din is-sistema sa mill-1997, minn meta ġiet introdotta, u sa issa qatt ma rċeviet ilment simili bħal dak li qed iressaq is-Sur Murphy f'isem l-individwu in kwistjoni. L-uffiċċjali ta' l-Ambaxxata li jikkomunikaw bit-telefon ma' l-applikanti huma ta' esperjenza twila f'dan ix-xogħol, u jiċħdu li qatt setgħu taw informazzjoni bħal dik li qed tiġi allegata li ngħatat f'dan il-każ. Minkejja dan, jekk is-Sur Murphy jew l-individwu in kwistjoni jista' jipprovdi evidenza li turi li l-proċedura li dejjem tiġi segwita ma ġietx fil-fatt segwita f'dan il-każ, il-Ministeru jkun lest li jikkunsidra mill-ġdid it-talba magħmula mill-individwu konċernat.
Leg 9 PQ #29083 Sitting 630 2001-10-31 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu allowance varji mill-Ministeru/Dipartimenti lil impjegati matul din is-sena? Jista' wkoll jgħid grad grad min ibbenifika minn dawn l-allowance u kemm ħadu kull grad? X' tip t' allowance ħadu l-imsemmija impjegati?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Dwar is-Settling-In Allowance u Clothing Allowance nixtieq ngħid li dawn jitħallsu darba biss lill-uffiċċjali li jkunu nominati biex iservu fl-ambaxxati Maltin.
Leg 9 PQ #28948 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Problema tad-Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tlett snin kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru bejn l-awtoritajiet tal-Gvern Malti u dawk Libjani sabiex tkun kontrollata aħjar il-problema tat-traffikar tad-droga li teżisti? Xi żviluppi saru?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru diġa` ngħatatlu mill-Ministru ta` l-Intern meta wieġbu għall-Mistoqsija kważi identika Numru 28552.
Leg 9 PQ #29070 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni fuq impjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu saru matul din is-sena? Min qed ikun inkarigat minn dan ix-xogħol u kemm hemm impjegati li qed jaħdmu bħala jew iservu ta' inspectors?

Response (BORG, JOE)

Il-Ministeru tiegħi ma jimpjegax inspectors iżda l-Kapijiet tad-Direttorati huma fid-dover li jissorveljaw l-istaff fid-Direttorati rispettivi.
Leg 9 PQ #29234 Sitting 627 2001-10-29 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Impjegati

Question

1 Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati kollha grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li huma ingaġġati bħala konsulenti, part timers, casuals jew b' xi kuntratt ta' xogħol fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? 2 Kemm huwa l-ħlas/remunerazzjoni li qiegħed jirċievi kull impegat? 3 Min awtorizza tali impieg? 4 Hemm xi benefiċċji oħra marbuta ma' tali impieg? 5 Hemm minnhom xi impjegati li uffiċjalment spiċċaw mis-servizz tal-Gvern bl-eta'?

Response (BORG, JOE)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #28984 Sitting 624 2001-10-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Bordijiet u Kummisjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28520, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?

Response (BORG, JOE)

Anqas minn 29 sena Bejn it-30 u l-45 sena Il-fuq minn 46 sena Irġiel Nisa Irġiel Nisa Irġiel Nisa Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet - - 2 - 6 - Il-Bord Konsultattiv tal- Malta-EU Information Centre (MIC) - - 4 4 2 - National Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention - - 1 1 3 - Il-Malta-EU Steering Action Committee (MEUSAC) – Core Group - - 5 1 13 - Dwar il-Voice of the Mediterranean, il-membri kollha fil-Kunsill tal-Amministrazjoni għandhom il-fuq minn 46 sena.
Leg 9 PQ #29003 Sitting 622 2001-10-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Translation ta' l-Acquis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju u l-kuntratt tax-xogħol tal-persuni li isimhom qed jintbagħtu separatament li ġew ingaġġati biex jieħdu ħsieb t-translation ta' l-acquis għall-lingwa Maltija?

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25476, meta kont indikajt illi r-responsabbilta' għax-xogħol ta' traduzzjoni ta' l-acquis communautaire qiegħda f'idejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali.
Leg 9 PQ #28802 Sitting 619 2001-10-16 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq l-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq hiring, u leasing u xiri ta' vetturi matul s-snin 1999, 2000, 2001 sal-llum?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mill-1999 sat-12 t' Ottubru 2001. Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin: 1999 2000 2001 Hiring LM13,368.72 LM19,570.59 LM27,250.97 Leasing LM14,329.47 LM12,667.43 LM11,990.41 Xiri LM80,351.52 LM17,337.27 LM42,572.00 Malta-EU Information Centre: 1999 2000 2001 Hiring LM74.75 NIL NIL Leasing NIL LM1,943,50 LM1,426
Leg 9 PQ #28617 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

National Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jiġi ippublikat in-national programme for the adoption of the acquis rivedut? Dan mistenni joħroġ qabel ir-rapport li jmiss tal-Kummissjoni Ewropeja dwar pajiżna? Huwa maħsub li jiġi ippubblikat qabel il-budget nazzjonali li jmiss jew ma hemm ebda rabta bejn it-tnejn?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li abbozz tal-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis rivedut, huwa kważi ffinaliżżat. Wara li jsir proċess ta' konsultazzjoni fi ħdan il-MEUSAC, l-abbozz finali jiġi approvat mill-Kabinett u mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma hemm l-ebda rabta bejn il-pubblikazzjoni tal-NPAA u d-dibattitu dwar il-budget nazzjonali.

Servizz Pubbliku

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774, jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Ma kien hemm l-ebda mpjieg ta' persuni fi gradi Industrijali fid-dipartimenti u mal-MIC li hija l-unika entita li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #28661 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Unjoni Ewropeja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hux qed issir traduzzjoni tal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropeja għall-Malti? Jekk iva, min qed jagħmel dan ix-xogħol u kemm qed jitħallas? Jista' jgħid ukoll x'xogħol tlesta s' issa?

Response (BORG, JOE)

Ix-xogħol indikat mill-Onorevoli Interpellant qed isir minn persuni li jaqgħu taħt id-direzzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, u għalhekk nissuġġerixxi li l-Mistoqsija issir lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #28743 Sitting 618 2001-10-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

EU Information Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq s'issa l-Uffiċċju tal-EU Information Centre f'salarji, informazzjoni u riklamar?

Response (BORG, JOE)

Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28743 magħmula mill-Onorevoli Interpellant, nixtieq ngħid li matul is-sena 2001 s'issa ntefqu: LM96,866.25 f'salarji u LM166,983.57 f'servizzi ta' informazzjoni u riklamar.
Leg 9 PQ #28782 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-impjegati kollha, inklużi industrijali, grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li kien hemm fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fl-1 ta' Jannar 1998 u fl-1 ta' Ottubru 2001? Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx minnhom li huma meqjusa żejda u jekk jeżistux vakanzi f' xi kategoriji ta' impjegati?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. M'hemmx impjegati li huma meqjusa żejda anzi hemm postijiet vakanti fil-gradi ta' Ambaxxatur, Second Secretary, Policy Officer, Senior Legal Officer, Junior Legal Officer u MIC Support Officer.

Bordijiet u Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?

Response (BORG, JOE)

Il-Bordijiet, awtoritajiet, etc li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, u n-numru ta' rġiel u nisa li jservu fuqhom, huwa kif ser jingħad: Irġiel Nisa Bord ta' Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet 8 0 Il-Bord Konsultattiv tal-Malta-EU Information Centre (MIC) 6 4 National Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention 4 1 Il-Malta-EU Steering Action Committee (MEUSAC) - Core Group 18 1 Hemm ukoll il-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean li huwa magħmul minn erba' membri rġiel, tnejn nominati mill-Gvern Malti u tnejn mill-Gvern Libjan.
Leg 9 PQ #28232 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Mixed Commission

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huma programmat li jsiru laqgħat tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja fix-xhur li ġejjin?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm qbil bejn il-Gvernijiet ta' Malta u l-Libja sabiex il-Kummissjoni Mħallta li hija ppreseduta mill-Ministru tal-Finanzi tiltaqa' aktar tard din is-sena fi Tripli. Tajjeb wieħed isemmi li, matul ix-xhur li għaddew, Malta u l-Libja kellhom għadd ta' laqgħat, f'livelli ministerjali, parlamentari u ta' esperti. Dawn il-laqgħat kienu utli ħafna sabiex tissaħħaħ aktar il-ħbiberija bejn Malta u l-Libja.
Leg 9 PQ #28492 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Żjara f' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li Mexxeja Ewropej li kienu ser iżuru Malta, ħassru iż-żjara tagħhom minkejja li komplew biż-żjarat tagħhom f'pajjiżi oħrajn Ewropej?

Response (BORG, JOE)

Għalkemm l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax għal liema żjarat ta' mexxejja Ewropej qed jirreferi, qed nippreżumi li qed jitkellem fuq il-posponiment taż-żjarat li kelhom jagħmlu f'pajjiżna l-Prim Ministru Spanjol Aznar, u l-President tar-Repubblika Ċeka Vaclav Havel, li kienu l-uniċi żewġ żjarat li ma seħħewx. Il-Prim Ministru Aznar kien wera x-xewqa illi jżur Malta qabel ma Spanja tassumi l-Presidenza Ewropea. Iż-żjara ġiet posposta - u mhux kanċellata, skond kif infurmawna l-istess awtoritajiet Spanjoli - sakemm jiġu evalwati sew l-iżviluppi fis-sitwazzjoni internazzjonali wara l-attakki terroristiċi fuq l-Istati Uniti tal-11 ta' Settembru 2001. Irrid infakkar lill-Onorevoli Membru li oltre Malta l-Prim Ministru Aznar, ippospona wkoll iż-żjara tiegħu għal Ċipru, l-Latvja u l-Litwanja li kellhom isiru maż-żjara ta' Malta. Rigward il-President Havel, l-ewwel indikazzjonijiet kienu li ż-żjara kienet se tiġi mqassra minħabba l-istess raġuni tas-sitwazzjoni internazzjonali inċerta. Sussegwentement ingħata tagħrif li ż-żjara ġiet mħassra għalissa. Ta' min jgħid li fl-istess perijodu li l-President Havel suppost kellu jkun Malta huwa ħassu ħażin u kellu jiġi rikoverat l-isptar.
Leg 9 PQ #28341 Sitting 610 2001-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 28170?

Response (BORG, JOE)

Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru jirrizulta li kien hemm tlett okkażjonijiet fejn il-Ministeru intervjena f'każijiet fejn trakkijiet Maltin ġew miżmuma. Mhux eskluż li kien hemm każijiet oħra li pero ma ġewx rappurtati. Fis-26 ta' Frar, 2001, trakk reġistrat Malta, u trailer kien qed jittrasporta merkanzija bejn Salerno u Dictzenbach, fil-Ġermanja, u nżamm fil-fruntiera Ġermaniża għax ma kellux il-permessi meħtieġa (Single Road Permits for Transport). L-Ambaxxata ġiet mitluba tiċċertifika l-pożizzjoni tiegħu. Wara kuntatti mal-Awtoritajiet Taljani, rriżulta li l-permessi ma setgħux jinħarġu għax dawn jingħataw biss lill-kumpaniji reġistrati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Intlaħaq ftehim, wara ftit jiem, dwar ħlas ta' multa ridotta u t-trakk u t-trailer ġew rilaxxati minnufih. Fit-8 ta' Marzu, il-Ministeru tat-Trasport ta' Malta ssenjala diffikultajiet li kienu qed jiltaqgħu magħhom numru ta' sewwieqa ta' trakkijiet Maltin hekk kif jgħaddu mill-fruntieri Taljani. Il-problema kienet ikkawżata mill-permessi li jingħataw lis-sewwieqa Maltin mill-Awtoritajiet Taljani. Il-permessi ma kienux adatti għall-vjaġġi ta' transitu mill-Italja għal pajjiżi oħrajn. Din il-problema kienet ġiet issenjalata lill-Awtoritajiet Taljani waqt laqgħa f'Ruma li fih kien qed jiġi inizjalat il-ftehim il-ġdid tat-Trasport bejn delegazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi f'Jannar li għadda. Minkejja dan is-sewwieqa xorta baqgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet fil-fruntieri. Għaldaqstant, l-Ambaxxata Maltija f'Ruma intervjeniet mal-Awtoritajiet sabiex tinstab soluzzjoni. Bħala riżultat ta' dan, ġie miftiehem li sakemm jinħarġu l-permessi l-ġodda fl-aħħar ta' din is-sena s-sewwieqa jistgħu jużaw il-permesi l-qodma. L-awtoritajiet doganali Taljani kollha ġew mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani permezz ta' ċirkolari tas-16 ta' Mejju 2001 sabiex ma jwaqqfux it-trakkijiet Maltin f'dawn il-każijiet. L-Ambaxxata ma rċevietx indikazzjonijiet oħra ta' diffikultajiet ta' dan it-tip minn dak iż-żmien 'l hawn. Fis-26 ta' Marzu, ġiet issenjalata d-detenzjoni tat-trakk reġistrat Malta. It-trakk instab sprovvist mill-awtoriżżazzjonijiet neċessarji wara spezzjoni doganali ħdejn Ponte Chiasso. L-Ambaxxata ġiet mitluba tagħti l-assistenza lis-sidien. Ġew ikkuntattjati l-awtoritajiet doganali u ġudizzjarji Taljani, u ġiet ikkonfermata l-pożizzjoni kif msemmija hawn fuq. L-Ambaxxata għenet lill-kumpanija sabiex tingħata asistenza legali fil-każ. Is-sidien ġew immultati Lit 4,000,000 u t-trakk ġie ssekwestrat għal tlett xhur.
Leg 9 PQ #28396 Sitting 610 2001-10-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech qatt saritlu l-proposta mill-Gvern għall-ħatra ta' Ambaxxatur għal Washington, Londra jew l-Olanda?

Response (BORG, JOE)

Ir-risposta hija fin-negattiv.