Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux trainer manager fuq safety jew safety officer biex jagħti lectures lill-ħaddiema tal-fabbriki, tfal ta' l-iskejjel, uffiċini eċċ? Jekk le, jista' jgħid jekk il-gvern hux se jingaġġa lil xi ħadd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
'Lectures' konnessi mat-tħaris tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol diġa qed jiġu mgħotija mill-istaff tal-'Occupational Health and Safety Unit' tad-Dipartiment tax-Xogħol kemm lil studenti kif ukoll lil ħaddiema u lil persuni oħra meta jiġi muri interess minnhom jew minn 'trade unions' jew organizzazzjonijiet oħra li jirrapreżentawhom. Għaldaqstant ma jinħass il-bżonn li tiġi impjegata persuna biex taqdi din il-funzjoni.
9.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' djar u istituti eċċ f'pajjiżna li jħarrġu u jakkomodaw persuni b'diżabilita'? Liema etajiet huma catered għalihom dawn iċ-ċentri eċċ? Kemm minn dawn jinsabu f'Malta u hemm f'Għawdex? Kemm huwa n-numru ta' dawn il-persuni li jattendu dawn iċ-ċentri, ċentru, ċentru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed nissottometti lista ta' djar u istituti f'Malta u Għawdex li jħarrġu u jakkomodaw persuni b'diżabilita' flimkien man-numru ta' persuni li jattendu dawn iċ-ċentri, u liema etajiet jaċċettaw f'kull ċentru:
MALTA
-----
Ċentri ta' Taħriġ tal-Adulti
____________________________
1. Ċentru tal-Imtarfa 100 persuna
2. Ċentru ta' Fleur-de-Lys 110 persuna
3. Ċentru ta' l-Għomja f'Santa Venera 25 persuna
4. Ċentru ta' Ħal Far 81 persuna
5. Ċentru ta' Marsaskala 55 persuna
L-Eta' ta' dawn il-persuni hija bejn id-19-il sena u sittin sena.
6. Dar il-Kaptan Dan iċ-ċentru jilqa' fiħ madwar 212 persuni
b'diżabilita' u joffri servizzi ta' 'respite' matul il-ġurnata u bil-lejl, u sapport varju ieħor. L-eta' hija bejn 6 xhur sa 55 sena.
7. Dar il-Wens Dan iċ-Ċentru qed joffri servizz ta' residenza
lil 13-il persuna b'diżabilita' ta' l-eta' bejn 35 u 60 sena.
8. Eden Foundation Din l-organizzazjoni toffri sapport varju u
taħrig lil 94 persuni b'diżabilita' minn 16 il-sena '-fuq u lil madwar 255 tifel jew tifla mit-twelid sas-16-il sena.
9. Dar tal-Providenza Dan il-kumpless joffri residenza għal madwar 125
persuna b'diżabilita' fl-etajiet kollha.
10 Dar iż-Żernieq Dan iċ-Ċentru huwa komplimentari għad-Dar
tal-Providenza u qed joffri servizz ta' residenza lil 5 persuni b'diżabilita' fl-etajiet kollha.
11. Dar Nazareth Din id-dar toffri servizz residenzjali lil
madwar 9 persuni b'diżabilita' kemm fiżika kif ukoll mentali bejn l-eta' ta' 19 u 50. Minn dawn id-9 persuni hemm minn għandu impjieg u hemm minn qed jingħata taħriġ f'xi sengħa.
GħAWDEX
-------
Ċentru tat-Taħriġ tal-Adulti ta' Għajnsielem. Dan iċ-ċentru jilqa' fiħ persuni b'diżabilita' minn dsatax-il sena 'l-fuq.
Kemm id-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni joffru servizz lill-persuni b'diżabilita'. Id-Dipartiment tas-Saħħa jakkomoda numru ta' persuni b'diżabilita' mentali fl-isptar Monte Carmeli waqt li d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni joffri servizz ta' 'respite' lil tfal b'diżabilita' fl-iskejjel speċjali tiegħu: l-eta' tvarja minn ħames snin sa dsatax jew wieħed u għoxrin sena.
L-informazzjoni dwar in-numru ta' dawn il-persuni tista' tintalab lill-Ministri tas-Saħħa u ta' l-Edukazzjoni.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu t-talbiet pendenti quddiem l-Awtorita' tad-Djar u tad-Direttorat ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali, għall-akkomodazzjoni soċjali matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn it-talbiet ġew onorati mill-imsemmija awtoritajiet f'kull sena matul l-istess perijodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar ma żżomx lista ta' talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali.
Meta l-Awtorita' tad-Djar ikollu postijiet għall-allokazzjoni tinħareg sejħa għall-applikazzjonijiet.
Il-lista ta' applikanti li jkollhom l-applikazzjoni valida tibqa valida għal sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din il-lista. Jekk xi postijiet ma jkunux allokati f'dan il-perjodu, dawn jerġa jinħarġu f'harġa oħra.
Dwar id-Dipartiment ta' Akkomodazzjoni Soċjali qed inpoġġi fuq il-mejda l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' rġiel miżżewġa u żgħażagħ li fil-mument jinsabu jieħdu l-għajnuna soċjali minħabba li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minn dawn qed jieħdu l-għajnuna tar-relief ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li 'r-relief' mhux ħlief Għajnuna Soċjali.
In-numru ta' rġiel miżżewġa u żgħażagħ li fl-aħħar ta' Settembru 1998 kienu jinsabu jieħdu l-Għajnuna Soċjali minħabba li qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 3,871.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali taċ-Children's Allowance? X'kien in-numru ta' dawn il-familji matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-benefiċċjarji ta' l-Allowance tat-Tfal għas-snin 1988 sa 1997 kienu kif jidher hawn taħt:
Diċembru 1988 - 49,941 *
Diċembru 1989 - 50,004 *
Diċembru 1990 - 51,184 *
Diċembru 1991 - 52,070 *
Diċembru 1992 - 52,648 *
Diċembru 1993 - 52,856 *
Diċembru l994 - 52,731 *
Diċembru 1995 - 52,440 *
Diċembru 1996 - 47,864 **
Diċembru 1997 - 44,067 **
* L-ammonti hekk indikati jirreferu għall-benefiċċjarji taħt l-iskema li intużat l-aħħar fil-pagament ta'April 1996, jiġifieri mħallsa b'rata fissa.
** L-ammonti hekk indikati jirreferu għall-benefiċċjarji taħt l-iskema l-ġdida, jiġifieri b'rata li tirriżulta wara li jitqies id-dhul tal-ġenituri għas-sena preċedenti.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' romol li f'pajjiżna jibbenefikaw mill-pensjoni tar-romol? Kemm minnhom huma taħt is-60 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor Interpellant, li n-numru ta' Romol li jirċievu pensjoni tas-sigurta' soċjali huwa ta' 12,927. Minn dawn, 1,917 huma romol li għadhom taħt is-sittin sena.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni f'pajjiżna li jieħdu l-benefiċċji soċjali ta' l-SKA? Kemm minn dawn huma nisa u kemm huma rġiel? Kemm minn dawn huma 'l fuq min 60 sena jekk nisa, u aktar minn 61 sena jekk irġiel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni f'pajjiżna li jieħdu l-Għajnuna Medika, magħrufa bħala l-SKA huwa ta' 14,091.
Minn dawn 7,300 huma nisa, filwaqt li 6,791 huma irġiel.
In-numru ta' benefiċċjarji 'il fuq minn 60 sena huwa kif ġej:
6052 nisa
5046 irġiel
Ma tinħassx il-ħtieġa li għandha tinżamm statistika separata ta' l-irġiel li għandhom aktar minn 61 sena.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ (ETC) se tissoktax il-proċess ta' reviżjoni tal-gainfully occupied li ġiet mibdija mill-amministrazzjoni preċedenti fl-1997?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ ser tkompli l-process ta' reviżjoni tal-'gainfully occupied'.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jaħtar lill-membri ġodda tal-Foundation for Social Welfare Services u l-Kummissjoni Konsultattiva kontra l-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-membri tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ko-ordinattiva kontra l-Abbuż mill-Alkoħol u d-Droga offrew ir-riżenja tagħhom kif inhi l-konswetudni wara bidla fl-Amministrazzjoni.
Qabel ma nikkonsidra l-possibilta' tal-ħatra mill-ġdid tal-membri tal-Fondazzjoni u l-Kummissjoni jinħtieġ li ssir evalwazzjoni serja ta' l-għanijiet u ta' kif iffunzjonaw s'issa dawn iż-żewġ organiżżazzjonijiet.
4.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterju ngħataw il-ħatra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nippresumi l l-Onorevoli Membru qed jirreferi għall-ħatra ta' Direttrui jew ta' Dipartimenti tal-Gvern jew ta' Bordijiet ta' Kumpaniji li fihom il-Gvern għandu l-maġġoranza ta' l-isħma.
Irrid ngħid li, fiż-żewġ każijiet, fejn għandu x'jaqsam il-Ministeru għall-Politika Soċjali ma kien hemm l-ebda ħatra ta' dan it-tip.
3.11.98
Jista' l-Ministru jara li tingħata attenzjoni lill-każ ta' Housing H11043 minħabba l-periklu li l-persuna kkonċernata tinsab tgħix fih? X'inhi r-raġuni li l-applikanta ġiet mitluba tibgħat id-dettalji relevanti meta dawn diġa' ġew ippreżentati lid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikanta ġiet mitluba biex terġa' tapplika mill-ġdid minħabba li l-applikazzjoni tagħha ġiet ikkanċellata mill-amministrazzjoni preċedenti għax ma kienetx irrispondiet il-kwestjonarju li kien intbagħat lill-applikanti kollha bejn Frar u Marzu 1998.
3.11.98
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-pensjonant mill-Imsida (Pension No.12/14146) li mhuwiex jieħu pensjoni taż-żewġ terzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna msemmija minnhu, ġiet mogħtija t-tagħrif meħtieġ dwar il-pensjoni tagħha bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fid-Dar ta' l-Anzjani fil-Floriana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-Gvern qiegħed iħaffef ix-xogħol li fadal isir fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana. Huwa maħsub li x-xogħol kollu meħtieġ jitlesta sa Marzu/April 1999.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' transfers li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6/9/98 sa l-24/10/98?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nippresumi li l-Onorevoli Membru mhux qed jirreferi għal trasferimenti ta' mpjegati minn jew għal Segretarjati Privati ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari wara l-bidla fl-Amministrazzjoni.
Rigward trasferimenti oħra, ninforma lill-Onorevoli Membru:
(i) li taħt id-dekasteru tiegħi jaqgħu erbatax il-Dipartiment tal-Gvern
jew organiżżazzjoni pubblika;
(ii) fil-każ ta' tnax minn dawn id-Dipartimenti/Organizzazzjonijiet ma
saru l-ebda trasferimenti fil-perjodu ndikat;
(iii) fil-każ tad-Dipartiment tas-'Social Housing', ġew trasferiti żewġ
impjegati li qabel kienu jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-'Housing', wara li dan ġie maħtur Segretarju tal-Kabinett. Waħda minn dawn l-impjegati ġiet trasferita ma' l-istess Segretarju tal-Kabinett u l-oħra mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi;
(iv) fil-każ tad-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani ġew trasferiti
sittax il-impjegat. Dan in-numru ma jinkludix xi trasferimenti ta' 'Casual Social Assistants' li m'humiex meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi, iżda jinkludi xi trasferimenti ta' mpjegati bejn taqsimiet differenti ta' l-istess Dipartiment.
Irid jingħad li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għad irid jittrasferixxi numru ta' ħaddiema b'riżultat tat-Trasferiment tax-'Short Term Benefits Section' għal Għawdex, skond kif kien miftiehem meta beda dan il-proċess fiż-żmien l-Amministrazzjoni preċedenti.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li għandhom 'il fuq minn 40 sena u kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Settembru u Ottubru 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-ahhar ta' Awwissu 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol 'il fuq minn 40 sena kien ta' 2,709.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorita' tad-Djar se terġa' tiftaħ is-servizz ta' l-iskeda 3 għal sussidju fuq tiswija ta' djar? Jista' jgħid ukoll jekk dan is-servizz huwiex se jibqa' bl-istess ammont ta' sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skema Tlieta skadiet fl-14 ta' Ottubru 1998.
Il-Board il-ġdid ta' l-Awtorita' tad-Djar ser jiddiskuti din l-iskema fil-laqgha li jmiss.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kif l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li toqgħod ġo flat tal-gvern isfel (taħt il-livell tat-triq) lanqas biss għandha bitħa u lanqas shaft, ma ngħatatx permess tagħmel tank ta' l-ilma fuq il-bejt tal-flat tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li permess ta' dan it-tip jinkiseb mid-Dipartiment ta' l-Artijiet il-Baviera li jaqa' taħt il-Ministeru tal-Intern. Għalhekk il-mistoqsija trid issir lill dak il-Ministru.
3.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li flats tal-gvern fi Triq Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid jinżebgħu fid-dħul intern? Hemm il-ħsieb li jsiru lifts fil-komun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-talba għat-tibjid tal-entraturi komuni fl-appartamenti tal-Gvern fi Triq Guze' D'Amato, r-Rahal il-Ġdid ġiet inkluża fil-programm tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Rigward il-'lifts', għandha tiġi mfassla 'policy' dwar kif u fejn għandhom jiġu stallati 'lifts' kemm f'bini tal-Gvern kif ukoll f'dak privat kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern.
3.11.98