Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – uffiċjali professjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda mill-erba’ entitajiet tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’Jannar 2013? Tista’ tgħid kemm hemm uffiċjali professjonali jaħdmu full-time f’kull waħda minn dawn l-entitajiet tal-MCCAA f’Ottubru 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ uffiċjali professjonali full timema’ l-MCCAA huwa dan : Jannar 2013 Ottubru 2014 Uffiċċju tal-Kompetizzjoni 7 3 Diviżjoni għar-regolamenti tekniċi 15 18 Istituzzjoni tal-Istandards u l-Metroloġija 19 15 Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur 14 9

Spezzjonijiet ta’ Playgrounds

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet sal-lum fil-playgrounds matul din is-sena? Tista’ tgħid kemm hemm uffiċjali li jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet u kemm-il playground instab li mhuwiex safe u f’liema lokalitajiet instabu dawn? Tista’ tgħid x’miżuri ttieħdu sabiex jitrażżan il-periklu u jitranġaw in-nuqqasijiet li nstabu fihom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li saru 158 spezzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum. L-Awtorita’ dejjem kellha uffiċjal wieħed li jagħmel dawn l-ispezzjonijiet u jirriżulta li nstabu 34 playground li ma ġewx ikklassifikati bħala safe. L-Awtorita’ ipprezentat ir-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-playgroundsjinżammu safe.

MCCAA – spezzjonijiet tal-Playgrounds — spiża

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa kull spezzjoni li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tagħmel tal-playgrounds? Tista’ tgħid ukoll min qed iħallas għal dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ispejjeż kollha relatati mal-ispezzjonijiet tal-playgroundhuma koperti minn ftehim kuntrattwali li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandha mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.

Direttorat tal-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret mid-Direttorat tal-Affarijiet tal-Konsumatur matul il-perjodu April – Settembru 2014 fil-lokalitajiet kummerċjali li l-Ministru ħabbret li se jkunu qegħdin isiru? Tista’ tgħid liema huma dawn il-lokalitajiet li fihom saru dawn il-laqgħat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li f’Jannar ta’ din is-sena bdew jittellgħu information desks f’erba’ stabbillimenti kummerċjali li qegħdin il-Belt, il-Ħamrun, Raħal Ġdid u tas-Sliema. Uffiċjal mill-Awtorità ikun preżenti kull gimgħatejn f’kull wieħed minn dawn l-istabbillimenti biex jagħti l-informazzjoni lil min jitlobha.

Stabbilimenti — Unit Pricing

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu dawk l-istabbilimenti li f’Ottubru 2014 kienu jridu juru unit pricing? Tista’ tgħid kemm-il spezzjoni saret f’dawn l-istabbilimenti matul is-sena 2014 u kemm kien hemm minnhom li nstabu li ma kinux konformi mal-liġi? Tista’ tgħid x’azzjonijiet ittieħdu mill-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dawk l-istabbilimenti li f’Ottubru 2014 kienu jridu juru unit pricinghu ta’ 73. Matul is-sena 2014, saru 157 spezzjonijiet f’dawn l-istabbilimenti. Kien hemm 4 każi fejn ingħatat twissija verbali jew bil-miktub.

Kunsill tal-Konsumatur — segretarju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min ġie maħtur segretarju tal-Kunsill tal-Konsumatur? Fuq liema ba¿i ġie maħtur? Qed jirċievi xi forma ta’ onorarja jew remunerazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-segretarju tal Kunsill huwa s-Sur Gerald Scicluna. Dan ġie maħtur biex jokkupa din l-kariga minħabba l-esperjenza tiegħu f’xogħol amministrattiv u huwa ukoll gradwat f’amministrazzjoni pubblika filwaqt li ma jirċievi l-ebda remunerazzjoni jew onorarja fir-rwol tiegħu bħala segretarju tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Tribunal tal-Konsumatur – każijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur minn Jannar li għadda sal-lum? Tista’ tgħid kemm kien hemm pendenti mill-perijodu ta’ qabel u kemm hemm b’kollox pendenti sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 231 każ ġodda li ġew mressqa quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur minn Jannar li għadda sal-lum filwaqt li kien hemm 70 każ pendenti mill-perijodu ta’ qabel. B’ kollox hemm 154 każ pendenti sal-lum.

MCCAA — Memorandum of Understanding ma’ Ċipru, l-Eġittu u l-Libja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena sarux xi attivitajiet ma’ Ċipru, l-Eġittu u l-Libja li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA) għandha memorandum of understanding magħhom? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi kopja tal-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma saru l-ebda attivitajiet ma’ Ċipru, l-Eġittu u l-Libja fil qasam ta’ l-Istandardizazzjoni.

MCCAA — Memorandum of Understanding mal-Italja u t-Tuneżija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn waslu d-diskussjonijiet li kienet bdiet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA) mal-Italja u t-Tuneżija biex jiġi ffirmat memorandum of understanding magħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-management ta’ din l-Awtoritá mhux konxju ta’ diskussjonijiet biex jiġi ffirmat MOU bejn l-Awtoritá, l-Italja u t-Tuneżija.

MCCAA – ċertifikazzjoni EMAS

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il organizzazzjoni ngħataw ċertifikazzjoni EMAS skont l-Artiklu 22 tal-Att ta’ l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (Kapitolu 510 tal-Liġijiet ta’ Malta) matul is-sena 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma ngħatat l-ebda ċertifikazzjoni EMAS matul is-sena 2014.

Eco Label — applikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il applikazzjoni saret matul is-sena 2014 għal ċertifikazzjoni ta’ Eco Label u kemm minnhom ġew ipproċessati s’issa? Tista’ tgħid kemm-il prodott jew servizz ingħata l-Eco Label award minn dawn l-applikazzjonijiet li s’issa ġew ipproċessati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma saret l-ebda applikazzjoni għal ċertifikazzjoni ta’ Eco Label matul din is-sena 2014.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Segretarjat

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-istaff tas-segretarjat tagħha kif ukoll ir-rwol tagħhom fis-segretarjat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — impjiegi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tagħha, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Malta National Laboratory – proċess ta’ likwidazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4844, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-awdituri tal-Malta National Laboratory, Busuttil & Micallef lestewx l-awditjar biex tiġi stabbilità l-pożizzjoni finanzjarja fid-data tat-22 ta’ Mejju 2011? F’każ li l-awditjar tlesta, tista’ tgħid jekk il-likwidatur ikkonkludix xogħlu? Tista’ tgħid meta l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur ħallset ir-remunerazzjoni tad-diretturi tal-Malta National Laboratory għas-sena 2012–2013? Jekk le, tista’ tgħid meta se jsir dan il-ħlas?

Response (DALLI, HELENA)

L-awdituri tal-Malta National Laboratory, Busuttil & Micallef, lestew l-awditjar u ġiet stabbilità l-pozizzjoni finanzjarja fid-data tat-22 ta’ Mejju 2011. Il-likwidatur għadu ma kkonkludix il-proċess tal-likwidazzjoni. L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur qatt ma ħallset lid-Diretturi tal-Malta National Laboratory. Jekk hemm xi ħlasijiet dovuti dawn jiġu mħallsa fil-proċess tal-likwidazzjoni.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà – reġistru tal-Fire Engineers

Question

Peress li l-website uffiċjal tal-Gvern tgħid li l-Ministru hi responsabbli mis-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (kif qed jidher fl-istampa li qed tingħata separatament), tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà għandhiex reġistru ta’ fire engineers?

Response (DALLI, HELENA)

L-OHSA m’hijiex l-Awtoritá kompetenti fuq materji relatata ma’ fire safety, u għalhekk ma żżommx tali reġistru kif qed tgħid l-Onor. Interpellanta.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar.

MCCAA – Membri fuq il-Board of Governors

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-membru fuq il-Board of Governors tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) appuntat skont l-artikolu 9(1)(b)(vii) tal-Kap. 510 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

L-Onor. Interpellanta għandha tkun informata li l-Gvernatur fuq il-bord msemmi minnha mistenni jkun appuntat.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-membru fuq il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur appuntat skont l-artikolu 4(3) tal-Kap. 378 liema artiklu jitlob li wieħed mill-membri għandu jiġi appuntat wara konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li saret konsultazzjoni mal-għaqdiet konċernati u se toħroġ l-ittra tal-ħatra.

MCCAA – business plan

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9406, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-business plan tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta l-business planjitlesta, jiġi ppreżentat.