Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Każ dwar Adoloxxenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi investigat rapport li biex l-adoloxxenti li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ittieħdet lejn l-isptar Monte Carmeli ġiet eskortata bil-pulizija u kienet immanettjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar il-21 ta' Novembru 2006, il-psikjatra kuranti tal-persuna imsemmija, kien talab l-assistenza tal-Pulizija ta' San Ġiljan sabiex il-pazjenta tiegħu tkun rekoverata fl-isptar Monte Carmeli stante li din kienet aggressiva ħafna. Il-Pulizija għalhekk marret fir-residenza fejn taw l-assistenza tagħhom lill-żewġ social workers, qraba tal-pazjenta u l-attendants tal-ambulanza. Ma jirriżultax illi f'xi ħin intużaw il-manetti mill-Pulizija.

Ċittadinanza

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw ċittadinanza din is-sena u minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li ġew reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta' Malta matul din is-sena huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni tal-ħabs illum? Kemm hemm nisa, kemm irġiel u kemm minnhom huma Maltin? Kemm minnhom qegħdin fuq arrest preventiv? Kemm huma repeated offenders u għal kemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-7 ta' Diċembru 2006 kien hemm tlett mija u tnejn u tmenin (382) persuna miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. It-tagħrif dwar dawk sentenzjati, dawk taħt arrest u dawk li huma repeated offenders hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Maħfriet Presidenzjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru maħfriet presidenzjali din is-sena? X'kien ir-reat f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-maħfriet presidenzjali li ngħataw bejn Jannar u Novembru 2006 kienu kif ġej:- 49 - Penali tal-Qorti dwar returns tal-VAT mhux sottomessi jew sottomessi tard 2 - Interdizzjoni ġenerali u perpetwa 1 - Sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan 1 - Tnaqqis fiż-żmien ta' sentenza sospiża 1 - Sentenza tal-Qorti (persuna żbaljata)

Qrati — Atti indiċenti fil-pubbliku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni quddiem il-qorti talli wettqu atti indiċenti fil-pubbliku din is-sena? Ta' liema sess kienu u x'eta' kellhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena kien hemm 94 persuna, li minnhom 49 kienu rġiel u 45 nisa, li tressqu l-Qorti fuq akkużi li kienu jinkludu atti indiċenti fil-pubbliku. L-eta' tagħhom kienet tvarja bejn il-15 u t-72 sena.

Persuni mweġġa' kawża ta' armi tan-nar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu persuni kawża ta' armi tan-nar din is-sena? Kemm kienu aċċidentali u kemm b'att intenzjonat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija tmien każi li fihom kien hemm disa' persuni li sofrew feriti b'arma tan-nar aċċidentalment. Kien hemm ukoll każ ieħor, ukoll aċċidentali, fejn persuna tilfet ħajjitha.

Sentenzi ta' Ħabs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi ta' pieni ta' ħabs mill-qorti tal-maġistrati u mill-qorti superjuri din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, sa' l-aħħar ta' Novembru, il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin irċeviet erba' mija u ħmistax (415) -il sentenza karċerarja.

Qorti — Securities

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk għal ta' l-inqas teżistix policy li min ikun jaħdem bħala security il-Qorti ma jkollux proċeduri serji għaddejjin fil-konfront tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-policy li ġiet segwita mill-Qorti fil-konfront ta' l-impjegati kollha li jintbagħtu jaħdmu hemm bħala Security Guards mal-kumpanija "Sterling Security Co. Limited" li qed tagħti dan is-servizz wara sejħa pubblika għall-offerti hija li kull wieħed ikollu fedina penali nadifa u garanzija mill-kumpanija, kif jistabbilixxi l-kuntratt, li dawk mibgħuta huma ngaġġati skond il-liġi.

Każ dwar Security l-Qorti

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament kenitx taħdem bħala security mad-ditta li preżentement għandha l-kuntratt tas-security fil-qorti? Jekk fl-affermattiv, kemm damet f'din il-kariga u jekk l-impjieg tagħha ġie terminat x'kienet ir-raġuni għal dan? Jaf il-Viċi Prim Ministru li din il-persuna preżentement hijiiex għaddejja proċeduri serji quddiem il-qorti u biex inhi mixlija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant kien intbagħat jaħdem mis-soċjeta kummerċjali "Sterling Security Company Limited" li ġiet aġġudikata x-xogħol ta' sigurta' wara sejħa pubblika għall-offerti. Irriżulta li din il-persuna ħadmet numru ta' ġranet, mill-4 ta' Ottubru, 2006 sa' l-24 ta' Novembru 2006. Wara dik il-ġurnata, l-kumpanija ma bagħtitux iktar. Il-persuna indikata għandha fedina penali nadifa (kondotta tal-Pulizija). Mir-riċerki li saru jirriżulta li huwa jinsab għaddej proċeduri kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat li kkaġuna feriti gravi.

Qrati — Ipoteka legali

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandha pendenti l-Qorti ipoteka legali biex tiġi ffirmata minn deputat reġistratur u ilha għal diversi ġimgħat? Japprezza li dan id-dewmien se jippreġudika serjament lill-persuna indikata minħabba li hemm proċeduri ta' subbasta pendenti li fihom irid jipparteċipa bis-saħħa ta' l-istess ipoteka? Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li għandu jintervjeni fil-kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dewmien fil-ħruġ ta’ l-ipoteka legali imsemmija fil-mistoqsija parlamentari huwa dovut prinċipalment illi tali ipoteka ma tistax tiġi eżegwita peress illi, ai termini ta’ l-artikolu 266(1) tal-Kap. 12, is-sentenza għadha mhux eżegwibbli billii hemm appell pendenti. Inoltre, ir-Reġistratur ma ġiex muri dokumentazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tas-sentenza, minkejja li hemm Appell, ġie akkordat mill-Qorti ta’ l-Ewwel Istanza. Apparti minn hekk jiġi rilevat illi d-dettalji mgħoddija lid-Deputat Reġistratur kienu żbaljati barra mill-fatt illi d-dokumentazzjoni ma kienitx kompluta.

Swatar — Stray dogs

Question

Jistgħu jittieħdu passi dwar l-istray dogs li qed ikun hemm spiss fi Swatar Road, Swatar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi xi xhur ilu, fuq rapporti li kienu saru, membri ta' l-SPCA kienu ġabru xi klieb minn l-inħawi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Wara li kien sar dan l-eżerċizzju ma jirriżultax li l-Pulizija kellha aktar rapporti.

Possession and Use

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fondi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament humiex milquta mil-liġi tal-possession and use? Jistgħu jinxtraw? Jekk iva, x'inhi l-proċedura biex dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fondi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma parti minn blokki ta' appartamenti mibnija fuq fondi oriġinarjament meħuda taħt titlu ta' possession and use. Dawn il-blokki issa saru proprjeta' tal-Gvern skond l-emendi l-ġodda tal-Kapitolu 88 ta' l-Ordinanza dwar Akkwist ta' l-Artijiet għal skopijiet pubbliċi. Għaldaqstant dawn il-fondi jistgħu jinxtraw mill-inkwilini. Bħala proċedura l-inkwilini jridu japplikaw għand l-Awtorita' ta' Djar sabiex jixtru dawn il-fondi.

Ħruġ ta' Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas din is-sena? Minn liema pajjiż kienu? Kemm ġew rifjutati u għaliex? Kemm kien in-numru ta' persuni li ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura mill-port u mill-ajruport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, inħarġu 50,632 visa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess perijodu ġew rifjutati 3,072. Kif għidt fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, kull applikazzjoni għall-ħruġ ta' visa tkun ikkunsidrata skond il-meriti u ċirkostanzi tal-każ individwali. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 243 persuna li ma tħallewx jidħlu wara li waslu Malta. Minn dawn, 7 waslu bil-baħar u l-kumplament bl-ajru.

Persuni taħt House Arrest

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum? Kemm ilhom u x'inhu r-reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 38 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, offiżi fuq il-persuna, reati relatati ma' droga, serq, stupru, korruzzjoni ta' minorenni, frodi, u attentat ta' omiċidju.