Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Depożiti u self mill-banek

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23400 dwar depożiti u self mill-banek f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini l-informazzjoni mitluba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 23400.

Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23265 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nagħmel referenza għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 23265.

EU — Dokumenti ta' Programmazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23410 dwar dokumenti ta'programmazzjoni 2007-2013 tal-UE, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ Malta ser ikun hemm tliet dokumenti ta’ programmazzjoni. L-ewwel minn dawn it-tliet dokumenti in-National Strategic Reference Framework (NSRF) ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2006. Sal-lum Malta għada l-uniku Stat Membru minn sebgħa u għoxrin (27) li għandha dan id-dokument approvat mill-Kummissjoni. Iż-żewġ dokumenti l-oħra (il-Programmi Operattivi) qegħdin jiġu diskussi mal-Kummissjoni Ewropea. Il-proċess ta’ l-għażla tal-proġett jibda meta jkun hemm l-approvazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Programmi Operattivi. Dan il-proċess mistenni jkun simili ta’ dak li kien sar għall-Programm 2004-2006 iżda wieħed irid jistenna r-riżultat tan-negozjati mal-Kummissjoni.

Għawdex — Investiment Barrani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħidli kemm kien hemm investiment barrani dirett f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-2006? Jista' jgħidli kemm kien dan l-investiment fl-ewwel disa' xhur tal-2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalita’.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22999 u jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22999.

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22999 u 23077 u jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22999.

Lista tal-Protokoll

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 22930 u 23413 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġew riferuti lill-Prim Ministru, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid min huwa inkarigat mil-lista tal-protokoll? Min japprova l-lista tal-protokoll? Meta ġie emendat l-aħħar il-protokoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tal-Kabinett huwa nkarigat mil-lista tal-Protokoll. Din tiġi emendata fuq l-approvazzjoni tal-Kabinett. Il-lista ġiet emendata l-aħħar f’Mejju 1997.

Euro changeover

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min ser ikun responsabbli biex iħallas l-ispiża biex jinqalbu l-cash registers tal-bejjiegħa u n-negozji fil-proċess tal-euro changover, il-gvern jew l-istess negozjanti? Huwa minnu li l-ħlas għal tali servizz huwa bejn Lm30 u Lm36 għal kull cash register?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġà ġie mħabbar mill-Gvern u qed jiġi kkomunikat b’mod estensiv mill-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-Ewro, ma jeżisti l-ebda bżonn sabiex jinbidlu jew isiru modifikazzjonijiet lill-cash registers minħabba l-wiri tal-prezzijiet biż-żewġ muniti. Dawk in-negozji illi jiddeċiedu li ma jibdlux il-cash register, il-Kumitat ser jagħtihom conversion tables sabiex huma jqassmuhom ma’ kull irċevuta illi jagħtu lill-klijenti. Peress li ser tinqaleb il-munita madankollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn cash registers li llum jimmarkaw prezz bis-simbolu Lm, ikun jeħtiġilhom li jaqilbu dan is-simbolu għas-simbolu Ewro (€). Dan is-servizz jitħallas minn negozjant kif dejjem isir meta jsir tibdil regolatorju bħalma kienet iż-żieda tal-VAT minn 15% għal 18%. Il-Gvern qed jaħdem fuq skema ta’ kreditu ta’ taxxa għal dawk li jkunu jridu jibdlu l-cash register tagħhom. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan is-suq huwa suq liberu u li negozjant għandu jfittex l-aħjar offerti sabiex isiru dawn il-modifikazzjonijiet dejjem jekk ikunu neċessarji.

Dipartimenti tal-gvern — Ex-ħaddiema tal-posta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ex-ħaddiema tal-posta li jinsabu jaħdmu f'diversi dipartimenti tal-gvern għadhom jirċievu l-P3 tagħhom identifikati bħala senior postmenmeta dawn ilhom li nqatgħu minn dan ix-xogħol snin sħaħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ex-impjegati tal-Maltapost li ġew lura mal-Gvern wara l-1 ta’ Novembru 2003 baqgħu iżommu l-istess nominklatura li kellhom qabel kienu qalbu minn Posta Ltd għal Maltapost iżda mill-aspett finanzjarju żammu l-istess salarju li kienu qed igawdu skond il-grad li kellhom mal-Maltapost. Dawn l-arranġamenti saru bi ftehim bejn il-Unions rispettivi tal-ħaddiema u mal-MPO.

AFM — Xiri ta' computers/parts

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-forzi armati ta' Malta humiex qegħdin ikunu konformi mar-regolamenti tal-E-procurement rigward ix-xiri tal-computers jew parts tagħhom? Jista' jikkonferma jekk computers hux qegħdin jiġu mixtrija biċċiet u jingħaqdu minn nies ta' l-AFM stess? Jekk iva, jista' jikkonferma li dawn huma ta' l-istess specifications li joħroġ il-gvern kif elenkat mill-MITTS hardware specifications checklist? Fil-prattika, kif qiegħed jiġi regolat ix-xiri ta' dawn il-computers u parts? Qed ngħid dan għaliex għandi informazzjoni li l-ispecifications li għamilt riferenza għalihom mhumiex jiġu rispettati f'dawn iċ-ċirkostanzi.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-proċedura tal-e-procurement tistabilixxi kif wieħed għandu jitlob stimi, sew għal sistemi ta’ kompjuters sħaħ, kif ukoll għall-components li wieħed jista’ juża sabiex jammonta kompjuter. Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant il-proċedura msemmija ġiet esegwita u rispettata; tant hu hekk, li l-components bl-aktar prezz favorevoli ġew mixtrija biex jiġu mmuntati fil-kompjuters imsemmija. Il-components jinxtraw skond l-ispeċifikazzjonijiet elenkati mill-MITTS fil-hardware specifications checklist u f’ċerti każi kienu anki ta’ kwalità aħjar. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li anki l-garanzija fuq il-biċċiet mixtrija ġew akkwistati aħjar minn dik li ġeneralment tiġi mogħtija fuq sistemi sħaħ. Għaldaqstant, il-Forzi Armati jħossu li fil-każ imsemmi, apparti li l-ispeċifikazzjonijiet kienu aħjar minn dawk murija fiċ-checklist msemmija għall-prezzijiet aktar favorevoli, in-know-how u l-esperjenzi tan-nies li l-istess Armata rawmet tul dawn l-aħħar snin ġew utilizzati għall-vantaġġ ta’ l-istess Armata billi ġie akkwistat aktar b’inqas spejjeż.

Settur Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il petizzjoni saret kull sena mis-sena 2000 'l hawn dwar riżultati ta' Bordijiet ta' Għażla għal ħatriet/promozzjonijiet fis-settur pubbliku? Kemm-il riżultat nstab li kien żbaljat? Għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjonijiet f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ? X'kien l-iżball f'kull każ? X'rimedju ngħataw dawk il-kandidati li kienu ntlaqtu ħażin bir-riżultat żbaljat? Minn min kien kompost il-bord f'kull każ? X'passi ħa l-Prim Ministru biex jassigura li dawn l-iżbalji ma jibqgħux jiġru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Taxxi/tariffi/miżati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, it-tariffi/miżati li ġew riveduti kienu fil-Forzi Armati ta’ Malta. Ir-reviżjoni kienet: 2005 (Lm – VAT inkluża) 2006 (Lm – VAT inkluża) Servizz ta’ Sigurtà 3.80 3.86 Skorta ma’ Cash Van 23.93 24.31 Użu ta’ Cash Van u Skorti 40.80 41.99 Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi r-reviżjoni fir-rati ta’ l-MFSA, Lotteries and Gaming u d-Dipartimenti tad-Dwana. Fl-aħħar baġit tħabbret reviżjoni fir-rati tat-taxxa (tax-bands). Ir-rati l-ġodda huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007 u ser jirriżultaw fi tnaqqis fit-taxxa sa massimu ta’ Lm243 f’każ ta’ koppja b’komputazzjoni konġunta u massimu ta’ Lm155 f’każ ta’ komputazzjoni separata jew ta’ persuna waħidha. Ir-rati huma kif murija f’Tabella B li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-aħħar baġit tħabbar ukoll li ser jingħata tnaqqis mill-income ta’ Lm400 għal spejjeż li ġenituri jagħmlu għal servizz ta’ childcare. Barra minn hekk, it-tnaqqis li jingħata lil ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu skejjel privati ser jiżdied minn Lm300 għal Lm600 (kull wild fi skola sekondarja) u minn Lm200 għal Lm400 (kull wild fi skola primarja). Dawn il-miżuri wkoll huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007. Fl-2006 saru regolamenti dwar kif għandhom jiġu ntaxxati l-host families li jospitaw l-istudenti li jkunu qed jistudjaw Malta. Dawn kienu dejjem taxxabbli bħala negozju, jiġifieri riedu jippreżentaw Profit and Loss Account bid-dħul u l-ispejjeż. Ir-regolamenti l-ġodda jissimplifikaw il-metodu ta’ tassazzjoni u jagħtu tnaqqis ta’ Lm1000 mill-income u wkoll tnaqqis ieħor ta’ 65% tad-dħul li jirriżulta, biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż. Dawn ir-regoli bdew japplikaw mis-sena ta’ stima 2006. Mis-sena bażi 2006 inbidlet ir-rata ta’ taxxa fuq l-income ta’ min jaħdem barra minn Malta. Dan l-income issa qed jiġi ntaxxat b’rata waħda ta’ 15%, iżda taxpayer jista’ jagħżel ir-rati normali tat-taxxa jekk jaqbillu hekk. It-taxxa fuq dan id-dħul qabel kienet ammont fiss fis-sena skond it-tip ta’ xogħol: Lm300 għal ħaddiem bla sengħa, Lm450 għal ħaddiem tas-sengħa, Lm500 għal technician, u Lm1000 għal min jipprovdi servizzi maniġerjali u professjonali.

OPM — Bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq waħedhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gżejjer tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw promotions fl-armata f'dawn l-aħħar 12-il xahar? X'tip ta' promozzjonijiet kienu u x'kienu r-ranks affettwati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn Jannar u Diċembru ta’ l-2006, fil-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw 616-il promozzjoni. Numru żgħir ta’ promozzjonijiet irriżultaw f’kummissjoni bħala uffiċjal. Il-promozzjonijiet jew kummissjonijiet kienu kif jidher fit-tabella mehmuża.