Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptarijiet/ċentri tas-saħħa — Żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2005 kemm kien in-numru ta' żgħażagħ, studenti u tfal taħt is-16-il sena li daħlu fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa lokali għall-kura kawża ta' overdose, swat domestiku, problemi ta' alkaħol u kawża ta' tqala? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej: Sena Overdose Swat Domestiku Problemi ta' alkoħol Kawża ta' Tqala 2001 41 172 6 19 2002 31 145 3 12 2003 30 208 0 18 2004 29 258 0 19 2005* 24 393 4 16 *Ċifri għas-sena 2005 huma proviżorji.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Xiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2005 ma nxtrat l-ebda karozza mill-Ministeru u dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi.

Importazzjoni tal-mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ħlas li għandu jagħti l-gvern għall-importazzjoni tal-mediċini? Jista' jindika lil min għandu jagħti dawn il-flus u kemm f'kull każ? Jista' jgħid ukoll kemm ilha ma titħallas kull ditta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern bħalissa għandu jħallas Lm10,615,100 għall-xiri ta' mediċini u tagħmir mediku biss. Minħabba l-informazzjoni mitluba hija ta' natura sensittiva m'hix il-konswetudni li tingħata informazzjoni iktar dettaljata bħal dik li qiegħda tintalab, u din l-informazzjoni hija regolata bid-Data Protection Act. Il-ħlas isir fuq bażi regolari u pagamenti jintbagħtu lit- teżor kuljum, u f'kull xahar isiru daqs Lm1.8 miljun f'pagamenti.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għar-riżenja tar-reġistratur tal-Kunsill Mediku? Għaliex l-istess reġistratur offra r-riżenja darbtejn oħra u dawn ma kenux ġew milqugħa? Jaf il-Ministru li saħansitra s-segretarju tiegħu, kif ukoll l-istess president tal-Kunsill Mediku, għamlu pressjoni tagħhom fuq ir-reġistratur biex dan jirtira r-riżenja? Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-ħatra temporanja ta' aġent reġistratur qatt ma ġiet irratifikata? Jaf il-Ministru li peress li l-ħatra ta' aġent reġistratur ma ġietx ratifikata, ix-xogħol imwettaq mill-Kunsill Mediku bejn is-26 ta' Novembru 2005 u l-31 ta' Jannar 2006 sar kollu illegalment? Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħatar reġistratur tal-Kunsill Mediku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li r-reġistratur tal-Kunsill Mediku iddeċieda li ma jġedditx il-kuntratt tax-xogħol wara li dan għalaq f'Novembru li għadda. L-istess persuna inħatret aġent reġistratur sakemm jinħatar reġistratur regolari. Madankollu, peress li dan l-aġent reġistratur, lejn l-aħħar ta' Jannar 2006, ħareġ bis-sick leave, kellu jinħatar aġent reġistratur ieħor sabiex jiġi assigurat li l-Kunsill Mediku jkun jista' jibqa' jiffunzjona. Nassigura lill-Onor. Membru li l-ħatra ta' aġent reġistratur saret skond il-provedimenti tal-liġi, u għaldaqstant ix-xogħol imwettaq mill-Kunsill Mediku, fil-perjodu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, huwa kollu regolari. F'dan il-mument għaddej il-proċess sabiex jinħatar reġistratur regolari tal-Kunsill Mediku.

Tiġdid ta' kuntratt

Question

Jaf il-Ministru li meta kuntratt jiġi mġedded l-ebda klawsola u/jew kundizzjoni oħra f'dak l-istess kuntratt ma tista' titħassar u/jew tinbidel? Jista' allura jgħid għaliex ir-reġistratur tal-kunsill dwar l-infermiera u l-qwiebel tela' minn skala 12 għal skala 10 meta ġġeddidlu l-kuntratt?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' pożizzjoni ta' reġistratur tal-Kunsill (li qabel kien jissejjaħ Bord) dwar l-Infermiera u l-Qwiebel fuq bażi ta' kuntratt għal tliet snin li jista' jiġġedded għal perjodi ta' sena kienet maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Ġunju 2002. Skond paragrafu 3.1 ta' din is-sejħa, is-salarju tal-persuna fil-pożizzjoni ta' Reġistratur ikun fi Skala 12 jekk ikollha Diploma u fi Skala 10 jekk ikollha first degree. Billi fl-ewwel tliet snin il-persuna magħżula kellha Diploma is-salarju tagħha kien fi Skala 12. Sadanittant, hi kisbet first degree u għalhekk il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku approvat li s-salarju tagħha jitla' għal Skala 10 meta ġie mġedded il-kuntratt tagħha fit-23 ta' Jannar 2006.

Mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ngħataw Hercoptin mid-diviżjoni tas-saħħa u kura għall-marda tal-cancer fis-snin 2004, 2005 u din is-sena s'issa u kemm kien hemm domanda għal dan it-trattament? Jista' jgħid kemm hemm persuni li ngħataw Taxatere mid-diviżjoni tas-saħħa u kura għall-marda tal-cancer fis-snin 2004, 2005 u din is-sena s'issa u kemm kien hemm domanda għal dan it-trattament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar risposta tinagħta f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Paediatrics

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-bed complement tal-paediatrics hux se jiżdied, jonqos jew jibqa' l-istess fl-isptar Mater Dei?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bed Complement tal-Paediatrics ġo l-Isptar Mater Dei se jiżdied.

Diviżjoni tas-Saħħa — Interviewing board members

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk membri fil-bord ta' l-interviews għal senior pharmacy technicianfil-health division fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita li saru fit-30/31 ta' Diċembru u fl-1 ta' Frar, 2006 iddikjarawx li għandhom konflitt ta' parentela minn fost l-applikanti? Jekk fl-affermattiv, min kienu l-membri li ddikjaraw dan l-interess?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-proċeduri għall-milli ta' postijiet ta' Senior Pharmacy Technician fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' taqa' taħt il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku m'iniex f'qagħda li nagħti tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari.

Servizz tal-Homehelp

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16863 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tal-homehelp u minn liema lokalita' huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Swieqi — Day centre

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm xi ħsieb li jinfetaħ day centre fis-Swieqi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li jinfetaħ Day Centre fis-Swieqi. Madankollu tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li hemm Ċentru għall-Anzjani ġewwa tas-Sliema.

Gżira — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex jinbidlu l-ħinijiet tal-ftuh taċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ma hemm l-ebda pjan biex jinbiddlu l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira peress li n-numru ta' tobba għadu ma jippermettix li dan isir.

Day centres għall-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kunsilli li għamlu talba għal ftuħ ta' day centres għall-anzjani fis-sena 2005/2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rapreżentanti tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għamlu talba għal laqgħa mad-dipartiment biex jaraw x'inhuma l-possibilatijiet li jinfetaħ Day Centre fil-lokalita' tagħhom. Din it-talba saret fis-sena 2005.

Mellieħa — Day ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-2 ta' Frar ġew sottomessi l-proposti minn naħa ta' l-operaturi nteressati li wara perjodu qasir ta' evalwazzjoni mistenni li jibda d-djalogu magħhom.

Djar privati ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed jingħataw flus f'sussidju lid-djar ta' l-anzjani tal-privat, kull dar separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' mhux qed jagħti flus f'sussidju lid-djar ta' l-anzjani tal-privat.

Drinking Water Directive Standards

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa s'issa d-dipartiment tas-saħħa peress li dawk mis-settur privat li jipprovdu l-ilma għall-konsum uman għadhom ma rreġistrawx irwieħhom mad-dipartiment tas-saħħa l-obbligi li ġġib magħha d-drinking water directive standards?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu kemm ħareġ tliet ċertifikati ta' reġistrazzjoni skond il-provvediment ta' A.L.357 ta' l-2004 dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Provvisti Privati ta' Ilma maħsub għall-Konsum mill-Bniedem. Ġew ukoll preżentati sitt applikazzjonijiet oħra li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu qed jistenna li jiġu preżentati r-riżultati ta' l-analiżi rikjest qabel ma' l-provvista privata ta' ilma tkun tista' tiġi rreġistrata mill-applikanti kkonċernati. Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għaddej bi proċess intensiv biex kull minn qiegħed jagħti dan is-servizz jirregola ruħu mal-provvedimenti ta' dawn ir-regolamenti anki akkost li min jinqabad jikser dawn ir-regolamenti jittieħdu passi legali kontriħ.

Diviżjoni tas-saħħa — Infermiera

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm hu l-complement attwali tan-nurses mad-diviżjoni tas-saħħa u kura ta' l-anzjani u kif dan il-complement jikkompara mal-manpower plan ta' l-istess diviżjoni? Jista' jagħti breakdown għall-gradi differenti tan-nurses?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Taxxi/Tariffi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mard tal-kanċer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni bil-marda tal-kanċer fis-sena 2005 u x'eta' kellhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kien hemm 715 persuna li mietu bil-marda tal-kaċer matul is-sena 2005 f'residenti ta' Malta u Għawdex, skond iċ-ċertifikati li waslu fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet. L'etajiet tagħhom hija kif ġej: Etajiet Numru ta' mwiet 0-14 2 15-24 2 25-34 4 35-44 15 45-54 51 55-64 146 65-74 224 75-84 203 85+ 68 Total 715

Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Pilloli out of stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm pilloli out of stock fl-isptar tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pilloli li huma out of stock huma li ġejja: Griseofulvin 125mg Late delivery. Purchasing on the account of agent. Mianserin 10 mg Awaiting delivery Pancreatin Tabs Awaiting delivery Primidone 250mg Order being hastened Trifluoperazine 2mgs spans Manufacturing problems Trifluoperazine 10 mg Manufacturing problems Trifluoperazine 15mg Manufacturing problems Acipimox 250mg Awaiting delivery