Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33369 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Armi tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar liċenzjati llum biex jintużaw waqt re-enactments? X'tip huma f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma tirreġistrax armi speċifikament sabiex jintużaw waqt re-enactments. Għaldaqstant it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.
Leg 9 PQ #33371 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kaċċaturi Liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi liċenzjati għall-kaċċa fuq il-baħar illum u kemm hawn li għandhom il-permess għall-kaċċa tal-fniek?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 265 persuni li għandhom liċenzja għal kaċċa fuq il-baħar u 454 persuni li għandhom liċenzja għal kaċċa tal-fenek selvaġġ.
Leg 9 PQ #33372 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kaċċaturi/Nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi u nassaba liċenzjati llum u minn liema lokalita` huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #33398 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Liċenzji ta' Armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn machine guns, u/jew pistols liċenzjati illum? Kemm minn dawn huma tat-tip mechanical machine guns u kemm tat-tip recoil u/jew gas operated? Kemm minn dawn ġew manufatturati qabel is-sena 1900 u x'tip huma?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli, jidher illi fil-preżent hawn reġistrati mal-Pulizija 175 machine gun u 4,068 pistoli. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.
Leg 9 PQ #33437 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Awtorita` ta' l-Ippjanar — Enforcement Notices

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar mit-twaqqif tagħha sal-lum, kull sena separatament? Kemm minn dawn l-enforcement notices għadhom fis-seħħ sal-lum? Kemm minn dawk li spiċċaw tneħħew għax l-awtorita` ħadet il-passi ta' twaqqigħ u kemm tneħħew għax il-persuna konċernata jew issansjonat l-iżvilupp jew waqqgħet l-iżvilupp illegali hi stess? Minn dawk li għadhom fis-seħħ, kemm minnhom qegħdin fi stadju ta' appell, kemm quddiem il-qorti u kemm għadhom pendenti jistennew li tittieħed azzjoni diretta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b`kollox inħarġu 11,612 stop/enforcement notices mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar mit-twaqqif tagħha sal-lum. Matul l-istess perijodu 4,850 każ ġew riżolti. Infurmat ukoll illi fil-preżent l-Awtorita` għandha 6,762 każi ta` infurzar li għadhom fis-seħħ. L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-bqija ta` każi li għadhom fis-seħħ, dawn jew qegħdin jistennew l-eżodu ta` l-applikazzjoni biex tissanzjona l-irregolarita` jew tinħtieġ aktar investigazzjoni minn naħa tal-enforcement unit.
Leg 9 PQ #33506 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Gzira United F.C.

Question

Billi xi żmien ilu l-Gzira United F.C. kienu ġew mwiegħda mill-Ministru preċedenti responsabbli għall-ambjent draft agreement dwar il-football ground il-ġdid li kellu jinbena Manoel Island bħala parti mill-proġett tal-MIDI, jista' l-Ministru jgħid meta dan l-abbozz ta' ftehim ser jiġi ippreżentat lil dan il-club? Jikkonferma li l-ground se jinbena flok il-Phoenicia Glass Blowers Co. Ltd. Il-ground il-ġdid ser jkun b'titlu ta' dan il-club u jekk le, f'isem min se jkun vestit it-titlu?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li huwa ippjanat illi l-ground tal-Gżira United F.C. se jinbena fis-sit fejn qabel kien hemm il-Phoenicia Glass Blowers Co. Ltd u illi huwa maħsub li l-istess club jingħata titlu fuq dan il-ground. Rigward l-abboz ta` ftehim, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ta` l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #33561 Sitting 741 2002-05-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati estensjonijiet, tibdil u bini ta' lukandi ġodda mill-1999 'l hawn? Liema kienu dawn il-lukandi u f'liema xahar u sena ġew approvati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 1999 l`hawn, ġew approvati 60 applikazzjoni għal xi tip ta` żvilupp turistiku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Pulizija — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-għassa tal-pulizija li hemm f'Raħal Ġdid tiġi armata b'photocopy machine billi din ma għandhiex u b'fax ftit aktar moderna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'kull Reġjun hemm photocopier machine disponibbli għad-Distretti. Barra minn hekk ninsab infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda talba f'dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-għassa. Madankollu, infurmat ukoll illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun ikkunsidrat. Dwar il-fax machine, ninsab infurmat illi din kienet inxtrat f'Lulju 1999 u għadha fi stat tajjeb u taqdi il-bżonnijiet meħtieġa.

Pulizija — Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibli li l-għassa tal-pulizija li hemm f'Bormla tiġi armata b'photocopy machine?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'kull Reġjun hemm photocopier machine disponibbli għad-Distretti. Barra minn hekk ninsab infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda talba f'dan il-kuntest mill-uffiċjal inkarigat minn din l-għassa. Madankollu, infurmat ukoll illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun ikkunsidrat.
Leg 9 PQ #33361 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Hand guns

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn hand guns liċenzjati llum? X'tip huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli, jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li jistgħu b`xi mod jinkwadraw taħt id-definizzjoni ta` hand guns, huwa ta` 11,433. Minn dawn 3,849 huma revolvers, 4,068 huma pistoli filwaqt li 3,516 huma airguns.
Leg 9 PQ #33362 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Armi tan-Nar Awtomatiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar awtomatiċi liċenzjati llum? X'tip huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li jistgħu b`xi mod jinkwadraw taħt id-definizzjoni ta` awtomatiċi, huwa ta` 27,304, li minnhom 22,949 huma snieter.
Leg 9 PQ #33363 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Shooting Ranges

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn shooting ranges illum? X'tip ta' sparar isir fihom? Liema huma r-ranges liċenzjati llum u kemm hemm oħra applikanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 4 shooting ranges liċenzjati mill-Pulizija, u dawn huma għal sparar ta` skeet, trap u clay pigeon. Wieħed minn dawn ir-ranges huwa liċenzjat ukoll għal sparar bl-airguns. Infurmat ukoll illi hemm applikazzjoni waħda pendenti.
Leg 9 PQ #33364 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Armi tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm liċenzjati armi tan-nar li ma humiex snieter u li s-sena tal-manifattura tagħhom hi post-1900? X'tip huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sistema kompjuterizzata miżmuma mill-Pulizija ma kenitx maħsuba sabiex tikkwalifika l-armi reġistrati bil-mod kif qed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Madankollu, mit-tagħrif disponibbli jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li ma humiex snieter jammonta għal 18,890.
Leg 9 PQ #33390 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Grand Harbour Local Plan

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-grand harbour local plan, ġiex appruvat mill-gvern? Jekk fl-affermattiv, tista kopja tiegħu titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Il-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir (Grand Harbour Local Plan) ġie approvat mill-Ministru għall-Intern u l-Ambjent fis-26 t`April 2002. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Pjan Lokali, li hu maqsum f`żewġ partijiet, (General Policies document u Area Policies document). Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Leg 9 PQ #33394 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Development — National Report

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-draft: National Report for Sustainable Development?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tad-draft tan-National Report for Substance Development. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage tal-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent (www.mha.gov.net).
Leg 9 PQ #33495 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department — Kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33276 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe`: Jista' jara li tinqaleb il-kera fuq persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija peress li d-dokumenti li ġiet mitluba tibgħat mil-lands ġew mogħtija? Jista' dan is-sinjur jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet għadu qiegħed jistenna konferma mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex ikun jista` jagħti risposta għat-talba li għamlet il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #33499 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Discharge Permit Unit — Interviews

Question

B'riferenza għall-vakanzi ta' assistant technical officer (discharge permit unit) mad-dipartiment tad-drenaġġ tat-taqsima ta' xogħlijiet jista' l-Ministru jgħid sarux l-interviews? Jekk iva, meta saru?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Leg 9 PQ #33545 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Għassa ta' Ħal Tarxien

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar kemm ġranet kienet magħluqa l-għassa ta' Ħal Tarxien matul l-2001? Jaf li din l-għassa fil-prattika dejjem magħluqa u t-Tarxiniżi jkollhom jinżlu r-Raħal Ġdid jew iż-Żejtun f'każ ta' xi bżonn? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan u jgħid xi skeda ta' ftuħ għandha din l-għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords tad-detail of duties għas-sena 2002 jirriżulta illi regolarment ikun hemm kuntistabbli dettaljat fl-Għassa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu illi l-kuntistabbli li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.
Leg 9 PQ #33547 Sitting 740 2002-05-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhuma l-kriterji biex gallarija tal-ġebel fi flat tingħalaq kompletament bl-injam jew bl-aluminium? Dan huwa possibli li jsir? X'inhuma l-kriterji ġenerali għaliex applikazzjoni għal notification no DN0093/02 li tikkonċerna persuna marida ħafna bi spazzju limitat ħafna tidher li kull darba qed tiġi rrifjutata mingħajr ma' l-applikant jingħata xi gwida dwar x'jista' jagħmel, b'mod partikolari meta l-każ huwa wieħed ta' natura umanistika?

Response (BORG, TONIO)

Ladarba x-xogħlijiet imsemmija jaffettwaw materjalment il-karattru tal-faċċata, jeħtieġu applikazzjoni għall-permess ta` l-iżvilupp mhux notifika taħt l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp (DNO). In-notifika indikata (DN 093/02) hija għal antenna satellitari u mhux għal tibdil ta` gallarija, u ninsab infurmat illi din lanqas ma jirriżulta li ġiet irrifjutata.
Leg 9 PQ #31644 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Traffiku — Koluzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien hemm koluzzjonijiet tat-traffiku rapportati fit-toroq Konti Ruġġieru, St Mary, St Publius, Kola Xara, Ferris u College Str, ir-Rabat matul Novembru 2001, Diċembru 2001 u Jannar 2002? Jista' jinvestiga x'qed jikkawża dawn il-kolluzzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar in-numru ta` kolliżżjonijiet fit-toroq li rrefera għalihom fil-Mistoqsija li seħħew f`Novembru 2001, Diċembru 2001, u Jannar 2002 kien ta` xejn, 7 u 4 rispettivament. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmilha lill-Ministru responsabbli mit-Traffic Planning.