Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-artijiet għandux xi policy għal fidi ta' ċens fuq propjeta kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għandu l-ebda policy għal fidi ta` ċens fuq proprjeta` kummerċjali.
Il-fidi ta` ċens "ex lege" jista` jsir biss fejn il-proprjeta` tkun mogħtija b`ċens perpetwu. Għalhekk fejn ikun hemm proprjeta` kummerċjali li tkun ġiet mogħtija b`ċens perpetwu, din tista` tinfeda skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid x'tipi ta' shifts jaħdmu l-kategoriji differenti ta' nies li jaħdmu fil-qasam tas-sigurta' bħal pulizija, suldati, private security eċċ? X'tip ta' duties jagħmlu u x'ħinijiet ta' mistrieħ għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal dak li jirrigwardja l-Korp tal-Pulizija, ix-xift prinċipali tal-Pulizija huwa dak ta` tmien sigħat, filwaqt li dawk il-Pulizija stazzjonati fl-uffiċini jaħdmu ħinijiet normali ta` l-uffiċini tal-Gvern, b`żieda li nhar ta` Sibt jaħdmu sas-1.00pm. It-Taqsimiet speċjalizzati jaħdmu xifts skond il-ħtieġa ta` dik it-Taqsima fejn ikunu stazzjonati.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod u għal liema skopijiet ingħatat l-art li fuqha illum hemm ironmongery shop f'Luqa Road, Luqa fl-area ta' Ħal Farruġ? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda kopja tas-sejħa li setgħet saret u tal-kundizzjoni li fuqhom din l-art ttieħdet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art li fuqha llum hemm ironmongery shop ingħatat b`ċens temporanju għal ħamsin (50) sena għal skop kummerċjali, b`effett mis-17 ta` Novembru 1994, wara sejħa għall-offerti li saret fit-30 ta` Settembru 1994 (Avviż Nru. 248).
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti u kopja tal-kundizzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw id-donazzjonijiet finanzjarji li ingħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn id-donazzjonijiet u lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-applikazzjoni li qed tintbagħat separatament ġiet rifjutata meta fl-area immarkata (highlighted) diġa qed issir parking u anke biswit tagħha?
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-applikazzjoni ta' Scamp's Palace, il-Birgu, il-Method Statement tar-restawr ippreparat mil-Perit tal-Proġett ma kienx jaqbel mal-pjanijiet sottomessi mill-istess Perit iżda xorta waħda ġew approvati t-tnejn (il-method statement u l-pjanti sija mill-Heritage Advisory Committee, sija mill-planning directorate u sija mill-planning authority?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) biex japprova building heights aktar għoljin minn dawk stipulati (it-temporary provision schemes għal permessi ta' bini?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita' tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) japprova permessi ta' bini f'żoni mmarkati bħala green area fit-temporary provision schemes?
Min għandu l-awtorita' legali (jiġifieri jekk hijiex l-Awtorita' tal-Ippjanar, il-Ministru, il-Kabinet jew il-Parlament) li japprova permessi ta' bini f'żoni mmarkati outside development zone?
Meta twaqffet il-proċedura li l-agenda tad-Development Control Commission u tal-Awtorita' tal-Ippjanar rispettivament, tiġi ppreparata fil-planning directorate?
Min għandu d-dritt li jqabbez applikazzjonijiet li jkunu wara oħrajn fuq l-agenda jew tad-DCC jew tal-Awtorita' tal-Ippjanar?
Min għandu d-dritt itella' applikazzjoni għal-permess jew jistieden lill-applikant flimkien mal-avukat tagħhom sabiex jidhru quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar mingħajr ma tkun elenkata fuq l-aġenda u/jew avżata fil-gazzetti kif normalment isir?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija li tirrigwardja l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta` Scamp`s Palace, il-Birgu, ninsab infurmat illi l-method statement approvat kien jaqbel mal-pjanti sottomessi, iżda sar ċertu xogħol li ma kienx konformi ma` dettal indikat fil-method statement. Għalhekk l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet notifika ta` nfurzar sabiex jieqfu u jitneħħew ix-xogħlijiet mhux approvati u li ma kienux aċċettabli.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat kif ġej:-
Building Heights iktar għoljin minn dawk stipulati jistgħu jiġu mibdula fil-Pjanijiet Lokali li jiġu approvati mill-Awtorita` u mbagħad mill-Gvern. Jista` jkollok, iżda, sitwazzjoni fejn f`applikazzjonijiet li għandhom 'site area' ikbar minn 3000m2 jista` jiġi applikat il-'Floor Area Ratio' kif spjegat fil-policy "Development Control & Design Guidance 2000" u allura jista` jkollok għoli iktar minn dak stipulat.
Il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp u l-Bord ta` l-Awtorita` għandhom l-awtorita` legali li japprovaw permessi ta` bini f`żoni mmarkati bħala green area.
Il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp u l-Bord ta` l-Awtorita` għandhom l-awtorita` legali li japprovaw permessi ta` bini barra miż-żona ta` l-iżvilupp.
L-Aġenda kemm tal-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif ukoll dik tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp hija r-responsabbilita` tal-Bord jew tal-Kummissjoni stess u dejjem ġew ippreparati fuq struzzjonijiet tagħhom. Fl-20 ta` Novembru 2000, il-grupp tas-segretarji li jipprepara l-Aġenda ġie rilokat minn uffiċċju fid-Direttorat għal ieħor fl-uffiċċju taċ-Chairman.
Ħadd m`għandu d-dritt li jqabbeż applikazzjonijiet li jkunu wara oħrajn jekk mhux fuq struzzjonijiet tal-Bord jew tal-Kummissjoni jew tac-Chairman rispettiv tagħhom.
Kemm l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif ukoll il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp jirregolaw il-proċeduri tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' l-akkwist mill-Gvern Ċentrali tal-Ġnien Pubbliku fil-Marsa, dak ta' Belveder li kien beda żmien ilu w li kien ġie inawgurat mill-Eċċellenza tiegħu il-President ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, għalkemm din l-art ġiet żviluppata fi Ġnien Pubbliku fl-1970, id-Dipartiment ta` l-Agrikoltura għamel it-talba uffiċjali għall-esproprjazzjoni f’Ġunju ta’ l-1999.
Għaldaqstant id-Dipartiment ta’ l-Artijiet lest li jippubblika d-Dikjarazzjoni tal-President sabiex jakkwista l-proprjeta` u jikkonkludi l-kuntratt mas-sidien meta jiġu eżawriti l-proċeduri normali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li huma sekondati mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi? Meta se tiġi regolarizzatta l-pożizzjoni ta' dawn l-impjegati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hemm 99 impjegati li huma detailed ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar skond il-provvedimenti ta` l-Att dwar l-Ippjanar ta` Żvilupp. Għalkemm hemm ftehim li dawn l-impjegati jistgħu jiġu mpjegati formalment ma` l-Awtorita`, jidher li hemm bżonn ta` tibdil fl-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet sabiex dawn l-impjegati ma jitilfux ċertu benefiċċji tal-impjieg tagħhom mal-Gvern. Ninsab infurmat li l-emendi neċessarji għall-imsemmija Ordinanza qegħdin jiġu fformulati mill-Ministeru tal-Finanzi flimkien ma` l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema kumitati, bordijiet, konnessi mal-qasam tal-intern, kienet membru l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tirrapreżenta l-Ministeru tal-Politika Soċjali u l-Intern bejn l-1989 u 1994?
F'liema bordijiet biex jingħataw liċenzji jew permessi ta' ħwienet jew każijiet oħra kienet membru tagħhom il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li għandu x`jaqsam mal-qasam ta` l-Intern, bejn l-1992 u l-1995 il-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant kienet membru fuq il-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħmistax il-sena kemm il-darba Maltin inqabdu fi Sqallija inkonnessjoni ma' vjaggi klandestini? Meta? Min kienu u x'weħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar ħmistax-il sena n-numru ta` Maltin li nqabdu fi Sqallija in konnessjoni ma` vjaġġi klandestini huwa ta` 8. Ma nħossx illi l-ismijiet tal-persuni nvoluti għandhom ikunu ippublikati.
Meta seħħ il-każ
Eżitu / Stadju tal-każ
19.10.1992
Lm300 multa
02.02.1996
Lm100 multa
17.08.1998
sub-judice
17.08.1998
sub-judice
23.01.1999
sec 9 għal 6 xhur
23.01.1999
sub-judice
18.12.2000
għadu qed jgħaddi proċeduri l-Italja
18.12.2000
għadu qed jgħaddi proċeduri l-Italja
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kommessi reati bejn l-1 ta' Jannar 2000 u t-30 ta' April 2000 b'indikazzjoni ta' kemm ġew kommessi reati xahar b'xahar? Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għax-xhur ta` Jannar u Frar tas-sena 2000, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14571.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub għax-xhur ta` Marzu u April tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jara li fl-inħawi ta' Triq il-Jum, Marsa issir patrol mil-Pulizija wara li ħafna serq li sar u dan l-aħħar ġranet il-ħruq ta' bieb ta' persuna li tgħix waħida, minħabba l-biża li għandhom dawn ir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel patrols aktar spissi f`dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari nru. 24320 għas-snin 1972-1992?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti u d-dokumenti (immarkati Dokument 'A' sa 'K') mitluba mill-Onor. Interpellant għal perijodu bejn l-1972 u l-1992 fejn id-Dipartiment ta` l-Artijiet ta konċessjonijiet ta` beach establishments jew beach concessions fl-Għadira fil-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti is-sena l-oħra u din is-sena talli :
(1) serqu
(2) sawtu persuni oħra
(3) daħħlu f'propjeta privata
u x'weħħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u d-19 ta` April 2001, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti fuq l-akkużi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, dawn il-persuni kif ġej:-
Serq 455
Swat 161
Dħul fi proprjeta` privata 142
Dwar dawn il-każi, 254 persuna nstabu ħatja, 21 persuna ġew liberati, 2 persuni mietu qabel il-każ tagħhom kien deċiż, filwaqt li fil-każ ta` 2 persuni, l-parti leża irtirat il-każ. Il-kumplament tal-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni mill-pulizija in konnessjoni ta' reati konnessi mad-droga lejlet il-Ġimgħa l-Kbira sa Ħadd il-Għid ta' din is-sena? X'kienet il-kwantita' ta' droga maqbuda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija żammet 12-il persuna fuq suspett ta` abbuż mid-droga, filwaqt li d-droga maqbuda kienet kif ġej:-
Heroin 4 grms
Cannabis plant 9 plants
Cocaine 16 grms
Cannabis seed 3 seeds
Ecstasy 65 tablets
Cannabis grass 0.5 grms
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għar-rave parties din is-sena u meta saru?
Response (BORG, TONIO)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li ma jeżistux permessi għal parties hekk imsejħa rave, iżda għal parties li ma jsirux f`postijiet liċenzjati ta` divertiment.