Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #10471 Sitting 232 2005-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Operaturi turistiċi — Karozzi antiki tal-linja

Question

Peress li hawn operaturi turistiċi lokali li mill-esperjenza tagħhom iħossu li l-karozzi antiki tal-linja huma attrazzjoni għat-turisti, jista' il-Ministru jgħid xi sforzi qed jagħmel il-ministeru ma' ministeri oħra biex insalvaw għadd ta' karozzi bħal dawn għall-użu turistiku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Wieħed għandu japprezza l-fatt li numru ta' karozzi tal-linja antiki li ilhom snin twal jintużaw fis-servizz tal-karozzi tal-linja ma kienux għadhom f'kundizzjoni li jibqgħu jipprovdu servizz bla periklu għall-passiġġieri u kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li dawn jibdew jinbidlu f'vetturi ġodda li jkunu aċċessibli aktar għall-pubbliku in ġenerali. Dan ifisser li l-bidla kienet waħda meħtieġa l-ewwel nett minħabba s-sigurta` fit-toroq kif ukoll minħabba is-sigurta` kemm tal-passiġġieri li jagħmlu użu mis-servizz u kemm tax-xufiera li jaħdmu fih. Fl-istess waqt, il-Gvern huwa wkoll konxju mill-fatt li dawn il-vetturi minnhom infushom jistgħu jkunu wkoll ta' attrazzjoni mhux biss għat-turisti iżda aktar minn hekk għall-ġenerazzjonijiet futuri f'pajjiżna. Għaldaqstant ninsab infurmat li kien deċiż li l-Awtorita` dwar it-Trasport se żżom l-aktar 12-il karozza tal-linja li jistgħu jipprovdu attrazzjoni biex 'il quddiem ikunu jistgħu jiġu esposti f'mużew għal ta' l-apposta. Il-kumplament ta' dawn il-vetturi l-Awtorita` se tiddisponi minnhom permezz ta' sejħa għal offerti li għadha kemm ħarġet billi dawn il-vetturi jew jiġu esportati jew inkella, f'każ li ma jiġux esportati, jiġu skrapjati skond il-ftehim li kien sar fl-1995 bejn il-Gvern u l-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Tajjeb li jingħad ukoll li l-karozzi tal-linja antiki għadhom fis-servizz qegħdin jintużaw fuq is-servizz Visit Malta, li hu primarjament indirizzat lejn it-turisti. Dan is-servizz ikopri bosta postijiet storiċi u kulturali.
Leg 10 PQ #10473 Sitting 232 2005-02-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festival tal-korijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'deċiżjoni ttieħdet dwar il-festival tal-korijiet li kellu jsir f'Novembru? Kemm kienu se jiġu korijiet? Fis-snin li għaddew kemm jaħsbu li ġġenerat turisti fostna din l-attivita' kull sena? U f'kull każ, x'kienet l-ispiża ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu biex ittella' dan il-festival?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara li analizzat il-benefiċċji u l-ispejjeż relatati mal-Festival tal-Korijiet, l-Awtorità tat-Turizmu ta' Malta ddeċidiet li minn din is-sena ma tibqax torganizza hi dan il-festival. Għalkemm dan il-festival żgur li kellu preġju, speċjalment mil-lat kulturali, l-M.T.A. tħoss li l-flus li kienet qed tonfoq għal din l-attività għandhom jiġu investiti f’oqsma oħra. Fl-istess ħin mhux qed ikun eskluż illi l-M.T.A. tgħin sa livell limitat xi entita` kulturali li tibda torganizza hi dan il-festival. L-M.T.A. ma żżommx statistika ta’ kemm iġġenerat turisti din l-attività.
Leg 10 PQ #10238 Sitting 230 2005-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buskett — Mużew ta' l-inbid

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-mużew ta' l-inbid fil-Buskett jinbidel f'attrazzjoni turistika?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-mużew li rrefera għalih l-Onor Interpellent huwa taħt il-ħarsien tat-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enoloġija fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Hemm il-ħsieb li dan il-post jingħata rwol aktar xieraq meta titwaqqaf l-Enoteka Nazzjonali Maltija.
Leg 10 PQ #10241 Sitting 230 2005-02-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Għalqa ta' Kola

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-għalqa ta' Kola fir-Rabat li tħalliet fi stat daqstant degredat tant li qed toħloq inkonvenjent kbir lit-turisti minbarra r-residenti tal-lokal meta fuq kollox pajjiżna ħallas Lm2 miljun sabiex akkwista din l-art?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mhux l-art kollha magħrufa bħala l-għalqa ta’ Kola fir-Rabat inxtrat mill-Gvern. Din l-art, sit ta’ interess arkeoloġiku, inqasmet f’ħames plots. Il-Gvern xtara tnejn minn dawn il-plots wara li laħaq ftehim mas-sid. Il-plots l-oħra qegħdin jiġu ttrattati mill-Land Arbitration Board peress li s-sidien attwali ma aċċettawx il-prezz offrut mill-Gvern. Meta din l-art tgħaddi f'idejn il-Gvern, tittieħed deċiżjoni dwar kif l-aħjar isir użu tajjeb minn dan is-sit, liema użu ma jridx ikun b'xi mod ta' dannu għall-arkeoloġija li hemm mirduma u protetta taħt wiċċ l-art.
Leg 10 PQ #10275 Sitting 229 2005-01-31 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Domus Ruman

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li terġa' tinfetaħ għall-pubbliku id-Domus Ruman fir-Rabat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ftuħ uffiċjali tad-Domus Romana ser isir fis-26 ta' Frar 2005 mill-Prim Ministru. Is-sit ser imbagħad ikun miftuħ għall-pubbliku fis-27 ta Frar fid-9.00 am.
Leg 10 PQ #10142 Sitting 227 2005-01-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għar Ħasan

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex ingħalaq l-aċċess għal Għar Ħasan? Japprezza li dan huwa post imfittex ħafna mit-turisti? Jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa biex dan il-post jitgawda kemm mit-turisti kif ukoll mill-Maltin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-aċċess għal Għar Ħasan ingħalaq minħabba li fl-14 ta’ Novembru 2004 waqgħet blata kbira stmata b’volum ta’ madwar 180,000 metru kubu. Xi jiem wara waqgħet oħra ftit passi ’l bogħod. Ġie stabbilit li jeżisti periklu serju għall-pubbliku in ġenerali fl-inħawi u bil-għajnuna tal-Pulizija ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-pubbliku jinżamm ’il bogħod minn dan is-sit. Kif ġraw l-affarijiet inzerta li l-entratura ta’ Għar Ħasan tinsab fil-medda tal-blat li tinsab f’riskju li tista’ ċċedi wkoll għax hi kontinwazzjoni tal-wiċċ tal-blat li waqa’ diġà. Bħalissa qegħdin isiru surveys ġeologiċi kemm mil-livell tal-blat kif ukoll mil-livell tal-baħar ta’ dawn l-akkwati. Sadanittant fl-interess tas-sigurtà tal-pubbliku, l-post ser jibqa’ magħluq sakemm jiġi stabbilit li m’għadx hemm periklu.
Leg 10 PQ #10198 Sitting 227 2005-01-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MIA — Statistika dwar ivvjaġġar minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma jiġux imxandra fil-pubbliku u jkunu wkoll aċċessibbli għas-settur turistiku l-istatistika tal-MIA li l-Ministru dan l-aħħar ikkwota dwar ivvjaġġar minn Malta għas-sena 2004 meta dawn il-figuri lanqas biss huma fuq il-website tal-MIA? Ma jarax l-importanza li statistika bħal din tkun f'idejn dawk li jaħdmu f'dan is-settur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-istatistika li għamilt riferenza għaliha qegħda diġà fuq il-website ta’ l-MIA. Fil-fatt jien kont ħadt din l-istatistika minn fuq il-website tagħhom: www.maltairport.com
Leg 10 PQ #10187 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Fieri tat-turiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema fieri tat-turiżmu u l-ivvjaġġar mistennija tieħu sehem fihom matul is-sena 2005 l-awtorita' Maltija tat-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #10189 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Fiera ta' l-ivjaġġar u t-turiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li f'kull fiera ta' l-ivvjaġġar u t-turiżmu li l-MTA se tieħu sehem fihom ikun hemm spazju biżżejjed għall-parteċipanti privati minn Malta u Għawdex? Jista' jgħid jekk f'ċerti fieri l-ispazju mhux se jkun biżżejjed għal dawk kollha li xtaqu jieħdu sehem minn pajjiżna? Liema fieri huma dawn u x'passi ttieħdu biex dan in-nuqqas jiġi rimedjat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għall-fieri li għadna ma bbukjajniex l-ispażju għalihom, l-ażjendi privati tat-turiżmu qed jiġu mitluba jesprimu l-interess tagħhom li jipparteċipaw fuq l-istand ta’ Malta fil-fieri ndividwali, qabel ma l-Awtorita’ Maltija tikkommetti ruħha fuq id-daqs ta’ l-istand Malti. Dawn il-kumpaniji jiġu mitluba li jħallsu depositu fuq l-ammont totali tal-parteċipazzjoni u jintrabtu li jieħdu commitment. F’dan il-kaz, nippruvaw nakkomodaw lil kull azjenda li tkun interessata. Pero mhux dejjem hu possibli li nakkomodaw lil kullħadd speċjalment meta jkun hemm konkorrenza qawwija, minħabba il-fatt li nkunu marbutin b'kuntratti speċifici li mhux faċli toħroġ minnhom. Din is-sena f’żewġ fieri partikolari d-domanda kienet ħafna akbar mill-ispazju li kien hemm ġa allokat mis-sena l-oħra. Dawn huma fieri speċjalizzati għall-organizzaturi tal-Konferenzi u Inċentivi. Vera li ma stajniex nakkomodaw lil kulħadd fuq l-istand ta’ Malta, pero appoġġjajna l-inizjattivi ta’ l-azzjendi privati b’dan il-mod: i) CONFEX li ser issir f’Londra bejn il-15 u s-17 ta’ Frar Id-daqs ta’ l-istand ta’ Malta huwa 20 metru kwadru Barra l-mejda li l-MTA tokkupa ma’ l-Airmalta, hemm 3 mwejjed ohra li jakkomodaw 5 azzjendi privati tat-turiżmu L-10 azzjendi li ma kienx hemm spazju għalihom fuq l-istand ta’ Malta, ingħaqdu bejniethom u rnexxielhom jibbukkjaw spazju ta’ 16 il-metru kwadru li jmissu ma’ l-istand ta’ Malta. Huma ppreferew li l-istand tagħhom topera ndipendentement mill-istand ta’ Malta. L-MTA offriet u qed tinkludi d-dettalji ta’ dawn l-azzjendi f’kull promozzjoni li qed issir għal din il-fiera, daqs li kieku dawn l-azzjendi ser ikunu fuq l-istand ta’ Malta. ii) IMEX li ser issir ġewwa Frankfurt bejn id-19 u l-21 ta’ April Id-daqs ta’ l-istand ta’ Malta huwa 60 metru kwadru. Barra l-mejda li l-MTA tokkupa ma’ l-Airmalta, hemm 8 mwejjed ohra li jakkomodaw 16-il azzjenda privata tat-turiżmu. Għal dawk id-9 azzjendi li ma kienx hemm spazju għalihom fuq l-istand ta’ Malta, l-MTA issuġġeriet l-possibilita’ li tibbukkja 9 metri kwadri li jmissu ma’ l-istand ta’ Malta. B’hekk dawn l-azzjendi jkollhom post fejn jistgħu jiffissaw l-appuntamenti tagħhom. L-MTA offriet li tinkludi d-dettalji ta’ dawn l-azzjendi f’kull promozzjoni li ser issir għal din il-fiera, daqs li kieku dawn l-azzjendi ser ikunu fuq l-istand ta’ Malta.
Leg 10 PQ #10191 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti Ċiniżi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu matul din is-sena biex turisti Ċiniżi jitħajru jiġu f'pajjiżna? Għaliex l-organizzaturi tal-Beijing Travel and Tourist Market 2005 għadhom ma ngħatawx risposta jekk Malta hix se tieħu sehem f'dik il-fiera?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħalissa qiegħed jiġi rivedut l-operat ta’ l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu fis-suq Ċiniż. Qed isiru laqgħat ma’ aġenziji kbar ta' l-ivjaġġar biex jiżdied ix-xogħol miċ-Ċina indirettament. Ma naħsbux illi s-sehem tagħna fil-fiera indikata hija daqshekk ta' importanza. Pero ħadna sehem f’dawn il-fieri ewlenin fejn l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu kellha stand: CITM China International Travel Mart – Shanghai 25 – 28 November 2004 WTF – Shanghai 20 – 23 January 2005 L-Awtorita Maltija tat-Turiżmu ikkrejat: Publikazzjonijiet promozjonali bil-lingwa Ciniza (Mandarin) Website bil-lingwa Ciniza www.visitmalta.com/cn Fix-xogħol normali illi jsir minn l-uffiċċju tagħna f’Beijing, l-MTA: Tibni kuntatti ma operaturi Ċinizi u Maltin, u entitajiet governattivi Tistieden Operaturi u Ġurnalisti għall-żjarat ta’ informazzjoni fil-gżejjer Maltin. Dan jiggenera interess ma’ l-Operaturi u bosta artikli fil-media lokali Ċiniża u stazzjonijiet televisivi Tqassam Press Releases Tipprova tiffaċilita l-applikazzjonijet għal Visas.
Leg 10 PQ #10193 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi konkreti se jittieħdu matul din is-sena biex jitjiebu l-faċilitajiet u l-attrazzjonijiet li għandna biex iżjed għaddasa jitħajru jiġu jgħoddsu fl-ibħra tagħna? Mill-50,000 iżjed persuni li l-gvern għandu l-mira jħajjar lejn pajjiżna, kemm minnhom huma maħsuba li jkunu għaddasa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li se jsir inventarju dettaljat li jinkludi l-istat ta' faċilitajiet u tal-attrazzjonijiet ta' taħt il-baħar. Dan se jsir biex jitjieb is-Settur tad-Diving. Sadanittant ser inkomplu ntejbu l-aċċess għall-postijiet f'Malta u Għawdex li huma popolari ma' l-għaddasa. Huwa stmat li 5% tal-50,000 turist iżjed li l-Gvern għandu l-mira li jħajjar iżuru pajjiżna ser ikunu għaddasa.
Leg 10 PQ #10195 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — DVD dwar l-attrazzjonijiet għall-għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna lesta tagħti l-MTA lill-inizjattiva privata li dan l-aħħar xandret DVD dwar l-attrazzjonijiet għall-għaddasa fl-ibħra tagħna u li tixtieq tirreklama din l-inizjattiva fid-Diver magazine?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Head Office tal-MTA kien infurmat fuq il-produzzjoni ta' DVD li jiffoka fuq wreck diving fl-ibħra Maltin. Billi mal-uffiċċju tagħna f'Londra qedgħdin naħdmu fuq numru ta' inizzjattivi biex nippromwovu l-gżejjer tagħna bħala destinazzjoni għall-għaddasa bħalissa qegħdin nikkonsidraw il-proposti kollha. Waħda minn dawn il-proposti tagħti lil dan is-suq opportunita' idejali biex nippromwovu estensivament madwar l-Ingilterra kollha. L-iskop tagħna huwa li nassistu lil kumpanija li qed tagħmel dan il-DVD, imma rridu nżommu f'moħħna cost effectiveness biex nassiguraw maximum coverage. Din il-kumpanija diga ħadet riklam ta' nofs pagna fuq Diver magazine biex jippromwovu id-DVD, L-uffiċċju ta' l-MTA fl-Londra ħa riklam ta' paġna sħiħa fuq l-istess magazine biex nippromwovu l-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni għall-għaddasa. Dawn iż-żewġ riklami ħa jidru fl-edizzjoni ta' Marzu ta' l-istess magazin, li taqa' fl-istess żmien tal-London Dive Show.
Leg 10 PQ #10196 Sitting 226 2005-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għawdex — Destinazzjoni turistika

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma beħsiebu jagħmel il-gvern matul din is-sena biex jippreżenta lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika separata? Mill-50,000 turist iżjed li l-gvern qed jimmira li jġib din is-sena, kemm minnhom huma maħsuba li se jibbukkjaw il-vaganzi tagħhom f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-eżerċizzju ta’ ristrutturar ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu, il-Bord ta' l-Awtorita' għadu kif ħatar numru ta’ Segment Committees, fosthom wieħed għal Għawdex. Dan il-Kumitat, immexxi minn Joe Muscat (Membru tal-Bord tal-MTA), ser ikun responsabbli biex jifformula strateġija għat-titjib tal-industrija turistika ta’ Għawdex kemm mill-lat ta’ Prodott, kif ukoll dak ta’ Promozzjoni u Marketing. Madanakollu fl-istess ħin l- Awtorita' Maltija għat-Turiżmu tattiva numru ta’ inizzjattivi li jippromwovu lill-gżira Għawdxija: Brochure għall-Għawdex Għajnuna lil Gozo Tourism Association. Il-GTA – T he Island of Gozo huma ko-eżibituri mal-MTA f’dawn il-fieri ewlenin (bla ħlas): - World Travel Market, Londra - ITB, Berlin - BIT, Milan - MITT, Moska - Destinations, Londra Taħdidiet ma’ operaturi ewlenin biex ibigħu programmi ta’ vaganzi f’Għawdex Jintuża il-logo “Malta – Gozo – Comino” Ritratti ta’ Għawdex murija waqt fieri ewlenin Programm ta’ ġurnalisti u crew televiżivi matul is-sena. Uħud minn dawn jiġu biex jiktbu jew ixandru esklussivament fuq Għawdex L-Awtorita' tippromwovi ukoll il-Festival Mediterraneana Il-gżira ta’ Għawdex hija inkluża fis-sit www.visitmalta.com Bosta artikli fuq Għawdex jinħargu fl- e-newsletters illi jiġu ippublikati mill-uffiċċji tal-MTA barra minn Malta Features fuq Għawdex fl- online training websites Fil-Ġermanja fil-passat l-Awtorita' nidiet billboard campaign fuq Għawdex Huwa stmat li 5% tal-50,000 turist iżjed li l-Gvern għandu l-mira li jħajjar iżuru pajjizna jiġu għall-btala f’Għawdex, skond ma hi l-medja normali.
Leg 10 PQ #9809 Sitting 225 2005-01-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Pagamenti

Question

Jista' il-Ministru issa jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 9324?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn xi nżid ma l-informazzjoni li kont diġa pprovdejt għall-Mistoqsija Numru 9324.
Leg 10 PQ #10118 Sitting 224 2005-01-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Green Leaders

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders? Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol? Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Leg 10 PQ #10042 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Qasam turistiku — Eco-tax

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret miegħu dwar id-dħul ta' l-eco-taxes u l-impatt tagħhom fuq il-qasam turistiku? Xi studji saru ta' l-impatt ta' l-eco-taxes fuq il-qasam turistiku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-Gvern qiegħed l-ambjent bħala prijorità assoluta. Li jkollna livelli ambjentali għoljin mhuwiex biss importanti għalina li ngħixu f’dawn il-Gżejjer imma huwa essenzjali ukoll għas-settur turistiku. Sabiex nilħqu dawn il-livelli qegħdin indaħħlu u nippromwovu kultura u valuri ambjentali u miżuri fosthom il-polluter pays principle. Fit-tfassil ta’ dawn il-miżuri ttieħdu in konsiderazzjoni l-impatt fuq operaturi f’diversi oqsma inkluż dawk fil-qasam turistiku. Għalhekk ta’ min jgħid li, per eżempju, ċerti containers li jintużaw mil-lukandi qed jiġu eżentati mill-eko kontribuzzjoni. Il-ħsieb wara l-eko kontribuzzjoni huwa li sservi ta’ deterrent sabiex jitnaqqas l-użu ta’ materjali li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent. L-istrateġija tal-Gvern inkluż it-twettiq ta’ dawn il-miżuri kienet diskussa f’diversi livelli tal-Gvern li jien nifforma parti minnhom. Jien inżomm laqgħat regolari ma’ l-operaturi fis-settur u magħhom niddiskuti għadd ta’ miżuri, fosthom dawk ambjentali, u l-impatt tagħhom fuq is-settur. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impatt ambjentali, l-iskop ta’ din il-miżura huwa bla dubju ta’ xejn li jkollna ambjent aħjar li lkoll nixtiequ għalina, għal ġenerazzjonijiet futuri tagħna u għan-nies li jiġu jżuruna. Dan żgur se jkun ta’ ġid għall-qasam turistiku.
Leg 10 PQ #10052 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mużewijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9975, jista' il-Ministru jgħid, każ b'każ, kemm minn dawk indikati daħlu bil-ħlas u kemm minnhom le?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.
Leg 10 PQ #9902 Sitting 221 2005-01-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Attendenza

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2004 kemm daħlu nies bi ħlas fil-mużewijiet li huma taħt il-kontroll ta' Heritage Malta ? Jista’ jagħti n-numri għal kull mużew individwalment u jgħid x’kien il-ħlas li sar f’kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Leg 10 PQ #9903 Sitting 221 2005-01-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Fort Sant'Anġlu — Restawr

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux se jsir xogħol ieħor ta’ restawr fis-sena 2005 fuq dik il-parti tal-Forti Sant’Anglu li mhux qiegħda f’idejn l-Ordni Sovran ta’ San Ġwann? Kemm intnefaq fuq xogħlijiet f’dan il-forti fl-2002, 2003 u 2004? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol kien sar f’dawn is-snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #9757 Sitting 220 2005-01-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 8481 u cioe' jgħid xi progress ġie reġistrat fil-lukandi li fix-xhur li għaddew kellhom joffru opportunitajiet ġodda għall-impjiegi alternattivi lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg mil-lukandi li għalqu jew taw is-sensji lill-ħaddiema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li hu mistenni li matul din is-sena sejrin jiftħu ħames lukandi li bejniethom ser joffru ħafna opportunitajiet ta' impjieg ġdid. Dawn huma mqassma kif jidher hawn taħt: Isem tal-Lukanda Lokalita` Klassifikazzjoni Numru ta' kmamar tas-sodda Cavalieri San Ġiljan 4 Star 500 Golden Sands Golden Bay 4 Star 642 Le Meridien San Ġiljan 4 Star 350 Fortina Extension Sliema 4 Star 300 Dragon San Ġiljan 3 Star 52 Total 1,844