Billi l-kunsilli lokali suppost jassiguraw li x-xogħol li jsir minnhom fil-lokalitajiet tagħhom, suppost dejjem ikunu skont l-istandards speċifikati minn Transport Malta (TM), jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk TM fil-fatt għamlitx xi testijiet, matul l-aħħar sena u jekk iva fejn, biex tispezzjona xogħlijiet li saru minn kunsilli lokali? Jekk iva fejn? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif wieħed jista’ jitlob li Transport Malta tivverifika tali xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 18802 u 17819. Hekk kif indikat ukoll f’din il-mistoqsija, il-Kunsilli Lokali, bħal kull entita’ oħra, hija obbligata li tassigura li x-xogħol li jsir fil-lokalitajiet ikun skont l-istandards u l-ligijiet veggenti bl-assitenza tan-nies teknici u l-periti mqabbda minnhom li għandhom isegwu ma’ l-istandards speċifikati fl-appalt in kwistjoni u li għandhom ikun a bażi ta’ dawk stipulati fl-L.S 499.57 f’dan il-każ. La darba x-xogħol ikun meqjus lest, il-Kunsill lokali għandu jissottometti r-rapport ta’ konformità tax-xogħlijiet sabiex Transport Malta tkun tista tispezzjona u f’kaz ta’ bżonn tiddeċiedi jekk hemmx lok għal xogħol ta’rimedju evidenti u/jew għal iżjed kontrolli minn naħa tagħha.
Billi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta hi triq prinċipali u li minnha jgħaddu eluf ta' vetturi kuljum, jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex il-ħsarat li hemm jiġu rranġati minħabba l-periklu li qed jinħoloq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iżjed speċifiku fid-domanda tiegħu.
Peress li l-pelican lights li hemm fit-Triq tal-Kosta kellhom jibdew jaħdmu għall-ħabta ta’ nofs Marzu 2016, u issa tliet xhur wara għadhom ma bdewx jaħdmu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni għal dan, u meta ser jibdew jaħdmu?
Response (MIZZI, JOE)
Huwa minnu li Transport Malta kellha l-pjan li l-pelican lights jitwaħħlu lejn nofs Marzu 2016 pero’ l-kuntrattur tal-gantries li fuqhom iridu jitwaħħlu l-lights kien tard ħafna fil-manifattura. Dawn l-istrutturi finalment ingħataw lil Transport Malta lejn l-aħħar ta’ Marzu / il-bidu ta’ April u bdew jiġu nstallati matul April. Sfortunatament l-installazzjoni kellha tieqaf għax Transport Malta ltaqat ma' ndikazzjonijiet li l-gantries ma nħadmux kif kien rikjest mill-kuntratt. Għaldaqstant Transport Malta sal-lum għadha ma approvatomx. Fil-fatt bħalissa, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tiffinalizza analizi tal-materjali u l-manifattura b’mod indipendenti u minn terzi sabiex tkun tista’ tikkonferma mija fil-mija jekk dawn l-istrutturi humiex aċċettabli jew le.
Wara li titlesta l-analizi msemmija, Transport Malta tkun f’pożizzjoni li tirrakkomanda jekk l-istrutturi humiex aċċettabli kif inhuma jew le. Minn hemm tiġi stabbilita’ d-data ġdida tal-installazzjoni tal-pelican lights. Sadanittant, pero’, ċertu xogħol li jista’ jsir mingħajr il-gantries diġa’qiegħed fi stadju avvanzat u l-pelican lights u aċċessorji kollha li hemm bżonn għal dan is-sit diġa’ jinstabu f’idejn Transport Malta.
Billi, skont risposta għal domandi parlamentari preċedenti ingħad li l-iskeda tas-sajf mistennija tibda taħdem f'nofs Ġunju għal dak li jirrigwarda Trasport Pubbliku, jista' l-Ministru jaċċerta li jibda jkun hemm servizz li jitlaq u jispiċċa ħdejn il-Knisja tax-Xemxija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, ir-rotot 221 u 222, li fi triqithom minn u lejn iċ-Ċirkewwa jgħaddu mix-Xemxija, ser ikollhom il-frekwenza tagħhom miżjuda. Fil-ħinijiet peak tal-ġurnata il-frekwenza ta’ dawn ir-rotot ser tkun qegħda tiżdied minn żewġ vjaġġi fis-siegħa għal tlett vjaġġi fis-siegħa, filwaqt li fil-ħinijiet off peak il-frekwenzi ser jiżdiedu minn kull siegħa għal kull nofs siegħa.
Jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jaċċerta li l-bridge li hemm fit-triq li twassal bejn il-Mellieħa u x-Xemxija, magħruf bħala l-bridge tal-Mistra, fil-fatt jiġi msaħħaħ qabel ma' tinqala’ xi traġedja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed jiġi kkoordinat li jsir żbir u qtugħ ta’ siġar u pjanti li qegħdin jagħmlu ħsara lill-istruttura tal-bridge. Eventwalment x-xogħolijiet ta’ restawr ser jiġu esegwiti fuq l-istess bridge.
San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – xogħlijiet fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bħalissa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Minbarra t-toroq li fuqhom qed isir ix-xogħol, jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif, għall-istess lokalitajiet, li għalkemm ix-xogħol għadu ma nbediex fuq il-post, fil-fatt diġà ngħataw it-tenders lill-kuntrattur li ser jagħmel ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħarġet il-permess biex jinbdew ix-xogħlijiet fuq Triq Ilgiem, Triq Sciberras u Triq Sogħda ġewwa n-Naxxar liema xogħol mistenni jibda sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Fil-frattemp, ingħataw it-tenders lill-kuntrattur li se jkun qed jesegwixxi x-xogħol fuq parti minn Triq Tamar u Triq il-Fugass, San Pawl il-Baħar; bejn Triq Biedja u Triq ir-Raħħala, Mellieħa u Triq Santa Faustina ta’ Kowalska, Naxxar.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw xogħol, kemm b’direct order jew wara sejħa pubblika l-Avukat u/jew id-Ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sew jekk b’konsulenza jew xogħol ieħor għas-snin 2003–2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bejn is-snin 2003 u 2013 ngħataw dawn ix-xogħlijiet ta’ konsulenza minn Transport Malta lil kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament;
Snin 2010 / 2011 Ammont
Konsulenza relatata mal-PSO tal-Gozo Channel €117,981.15
Ma nstabet l-ebda informazzjoni jekk dan ix-xogħol ngħatax b’ direct order jew wara li saret sejħa pubblika.
Transport Malta – permessi għat-tħaffir ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm permessi li nħarġu minn Transport Malta għal tħaffir ta’ toroq f'San Pawl il-Baħar, minn aġenziji tal-gvern, jew ħaddiema tal-kuntrattur, matul l-aħħar sitt xhur? Kemm minn dawn il-permessi ntużaw, u f'liema każi saru spezzjonijiet minn personnel ta' Transport Malta biex jiġi assigurat li l-istess trinek jingħalqu skont is-sengħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur inħarġu wieħed u tletin permess għal xogħlijiet maġġuri li minnhom ġew kompluti bl-asfalt dsatax. Dawn il-permessi kollha ġew spezzjonati rigward immaniġġjar tat-traffiku u sigurta’ fit-triq.
Inħarġu wkoll mitejn u ħamsin permess għal xogħlijiet minuri li jikkonsistu f’manutenzjoni u tiswijiet ta’ servizzi eżistenti li minnhom mitejn sitta u erbgħin ma jirrikjedux spezzjonar minħabba mmaniġġjar tat-traffiku u sigurta’ fit-triq. Erbgħa minn dawn il-permessi sarulhom tali spezzjonijiet.
Transport Malta għandha sezzjoni ta’ periti li ladarba jintbagħat il-compliance report mill-kuntrattur kif titlob il-liġi jiġu spezzjonati mis-sezzjoni tal-Quality Assurance Unit biex jiċċertifikaw li x-xogħlijiet saru kif suppost.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi li għandhom liċenzja ta’ burdnara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni jew impriżi illi għandhom liċenzja t’operatur għall-ġarr stradali ta’ merkanzija huwa kif ġej:
Liċenzja ta’ Operatur għall-Ġarr Stradali ta’ Merkanzija f’Malta - 34
Liċenzja ta’ Operatur għall-Ġarr Stradali ta’ Merkanzija fil-Komunità - 50
Road Transport – Certificate of Professional Competence
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi lokali li għandhom Certificate of Professional Competence u li għalhekk jistgħu joperaw servizz ta’ road transport fuq il-kontinent?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru t’operaturi u sewwieqa ta’ vetturi tal-ġarr ta’ merkanzija illi għandhom Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali huwa kif ġej:
Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali fit-Trasport Stradali tal-Merkanzija f’Malta - 114
Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali fit-Trasport Stradali tal-Merkanzija fil-Komunità - 80
Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali għas-Sewwieqa ta’ Vetturi tal-Ġarr ta’ Merkanzija fil-Komunità - 3,359
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – entitajiet – ħaddiema ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema ġodda fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b’sena mill-2013 ‘l hawn u jgħid f’liema gradi ġew ingaġġati u jekk ġewx ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ25862 6JUN PAPERS LAID GHRC.docPQ25862 6JUN PAPERS LAID TM.xls
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – entitajiet – tnaqqis ta’ carbon footprint
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu mill-entitajiet li jaqgħu fil-Ministeru tiegħu biex jitnaqqas il-carbon footprint tal-operat tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet dawn l-inizzjattivi sabiex jitnaqqas il-carbon footprint fl-operat:
- Fis-sena 2014 ġiet installata
photovoltaic plant
fuq l-uffiċini tal-Awtorita’ ġewwa l-Marsa fuq spazju ta’ 1,290m2 ta’
PV panels
. Permezz ta’ din is-sistema qed jiġu ffrankati 165 tunnellata ta’ gass CO2 fis-sena;
- F’Ġunju 2014 bdew jintużaw tlettax-il vettura tal-elettriku bħala parti mill-flotta tal-Awtorita’. Permezz ta’ dawn il-karozzi qed jiġu ffrankati 20.99 tunnellati ta’ gass CO2 fis-sena.
Il-Grand Harbour Regeneration Corporation tagħmel użu minn photovoltaic plant li jinsab fuq l-uffiċini tagħha ġewwa l-Furjana. Permezz ta’ din is-sistema qed jiġu ffrankati 20 tunnellata ta’ gass CO2 fis-sena;
Servizz ta’ trasport pubbliku – puntwalità — statistika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika dwar kemm is-servizz tat-trasport pubbliku huwa puntwali u jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika relattiva minn meta beda jopera l-operatur il-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa kelli l-opportunita’ li nispjega fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24225, minn Marzu ta’ din is-sena l-metodu li bih tiġi imkejla l-puntwalita’ tas-servizz tat-trasport pubbliku nbidel.
Dan it-tibdil fisser li issa r-rotot kollha qegħdin jiġu segwiti l-ġurnata kollha permezz tal-informazzjoni miġbura mis-sistemi tal-GPS li hemm installati fuq kull karozza tal-linja li hemm fis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan jikkuntrasta ma’ dak li kien isir qabel fejn l-eżerċizzju kien jiddependi fuq osservazzjonijiet fiżiċi li persuni mqabbda minn Transport Malta kienu jagħmlu. Dawn l-osservazzjonijiet kienu jittieħdu fuq perjodu ta’ ħamest ijiem fuq kampjun ta’ rotot u mhux fuq ir-rotot kollha. Għaldaqstant, il-kejl tal-andament tar-rotot li qed isir fil-preżent huwa aktar akkurat.
L-istatistika miġbura minn Transport Malta tindika li l-puntwalita’ medja għas-sena 2015 kienet ta’ 93% filwaqt li dik tal-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena kienet ta’ 96%.
Il-Mosta – Social and Cultural Impact Assessment — parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx social and cultural impact assessment fuq ir-residenti tal-inħawi tal-Kulleġġ Maria Reġina, fil-Mosta, qabel ma’ din l-iskola inbniet u bdiet tintuża? Jista’ jgħid sarx assessment dwar il-parking u l-problemi kollha assoċjati ma’ parkeġġ u l-inkonvenjent kollu li jista’ jġib miegħu proġett bħal dan lir-residenti kollha taż-żona?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-karozza tal-linja bin-numru 47 se tibda tgħaddi miż-Żona taż-Żokrija fil-Mosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta saret din il-Mistoqsija Parlamentari, r-rotta 47 bdiet tgħaddi miż-żona taż-Żokrija fil-Mosta mit-22 ta’ Novembru tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il spezzjoni saret minn uffiċjali tal-Building Regulations Office (BRO) fis-sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Port Ruman San Pawl il-Baħar, fejn hu mistenni li tinbena Skola Primarja tal-Gvern? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’instab fuq is-sit rigward kontravenzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
San Ġwann – Triq Caruana Dingli u Triq l-Istefanotis — traffiku
Question
Fid-dawl tal-fatt li Triq Caruana Dingli u Triq l-Istefanotis, San Ġwann, saru aktar traffikużi minħabba x-xogħol fuq Kappara Junction, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-parti t'isfel ta' Triq Caruana Dingli tinfetaħ u tinfed ma' Triq il-Venew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda pjanijiet biex Triq Caruana Dingli tingħaqad ma’ Triq Venew.
Billi l-operaturi tad-dgħajjes għat-turisti joperaw minn mal-breakwater ta' Buġibba, jista' l-Ministru jara li jiġi assigurat li dawn l-istess operaturi josservaw l-obbligi tagħhom li ma jħallux skart jiġri fl-inħawi tal-moll u jiżguraw li jħallu l-inħawi nodfa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bastimenti li joperaw skont ir-Regolamenti dwar il-Bastimenti Kummerċjali (S.L. 499.23) u l-Kodiċi ta’ Prattika għas-Sigurta’ ta’ Bastimenti Kummerċjali, u li fosthom jinkludu dawk id-dgħajjes ta’ passiġġieri li joperaw mill-moll ta’ Buġibba, huma obbligati li jimxu mal-istess regolamenti għal dak li jirrigwarda mmaniġġjar ta’ skart.
It-taqsima ta’ Ports Inspectorate u l-Maritime Enforcement Unit fi ħdan Transport Malta jagħmlu spezzjoniijiet regolari sabiex jassiguraw li l-operaturi ta’ dawn il-bastimenti qed jonoraw l-obbligi tagħhom. F’każ li jinstab xi nuqqas f’dan ir-rigward, jittieħdu passi biex l-operatur jiġi penalizzat.