Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-parks li jaħdmu fuq bażi ta’ shift huwiex mistenni li jingħatalhom shift allowance? Jekk iva, meta hu mistenni? Jekk le, x’inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-ħaddiema tal-PARKS li jaħdmu fuq bażi ta’ ġurnata xogħol u oħra le, jiġifieri bid “day in” u “day out” u mhux shift, dan ma jġorrx miegħu d-dritt ta’ shift allowance però l-istess ħaddiema jitħallsu “allowances” għall-Ħdud u l-Festi Pubbliċi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-obbligi fejn jirrigwarda l-immaniġġar tal-iskart skont il-Waste Management Plan għas-snin 2014 – 2020 qed jitwettqu skont l-istrateġija adottata? Jista’ speċifikament jgħid jekk il-ġbir tal-batteriji, ir-riċiklaġġ tal-apparat elettroniku, ir-riċiklaġġ tal-karta, tal-plastik, tal-ħġieġ u tal-metall sal-lum hux qed jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-istrateġija skont il-pjan? Jekk inhu hekk, jista’ jagħti l-figuri li jissostanzjaw dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Gvern huwa kommess li jintlaħqu l-obbligi kif stabbiliti fil-Pjan ġħal-Immaniġjar tal-Iskart ġħas-Snin 2014 – 2020.
Fir-rigward tal-batteriji, il-mira indikata fil-Pjan hi rata ta' ġbir għall-iskart ta' batteriji portabbli ta’ 25% sa l-2012. Din għandha titla' għal 45% sa l-2016. Fil-waqt li din r-rata ta’ ġbir giet milħuqa fl-2013, l-aħħar data ġħas-2014 tindika li din ir-rata ma intlaħqietx. Huwa għalhekk importanti li, kif dejjem sħaqt anke pubblikament, jkun hemm infurzar iżjed qawwi u aħna mpenjati li fir-riforma tal-MEPA l-qasam tal-infurzar jissaħħaħ sabiex nassiguraw li l-miri jintlaħqu.
Il-rati ta' ġbir u riċiklaġġ tal-apparat elettroniku kif stabbiliti fil-Pjan ma ntlaħqux. Minħabba f’hekk, il-Gvern dan l-aħħar nieda riforma fil-leġiżlazzjoni marbuta ma’ dan is-settur. Din ir-riforma hija mistennija li twassal ġħall-progress sostanzjali fir-rata ta' ġbir u ta' irkupru ta’ apparat elettroniku.
Fir-rigward tal-karta, tal-plastik, tal-ħġieġ u tal-metall, il-mira skond il-Pjan hi rata ta’ riċiklaġġ ta’ 50% sa sena 2020. Madankollu, ir-rata attwali ta' riċiklaġġ, li fl-2013 kienet tlaħħaq 21.7%, jagħmluha diffiċli biex jinkiseb dan l-objettiv. Minkejja dan, il-Gvern hu kommess li jagħmel kull sforz biex jintlaħaq dan il-għan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk issa li ġiet introdotta l-borża organika taħt skema esperimentali, x’inhuma r-riżultati li ħargu minn din l-iskema s’issa u x’inhu l-ħsieb tal-Gvern biex jintroduċi din l-iskema madwar Malta u Għawdex? Meta se tibda titwettaq?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija llili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-kampanja edukattiva “door to door” dwar il-borża organika ġiet konkluża fil-ħames lokalitajiet li se jieħdu sehem fil-proġett pilota li huma Birkirkara, Bormla, l-Imdina, Ħal Għaxaq u Ta' Xbiex.
Bħalissa r-reċipjent u boroż apposta fiex jinġabar l-iskart organiku bdew jiġu mwassla bieb bieb lir-residenti f'dawn il-lokalitajiet.
Il-ġbir ta' dan l-iskart hu ppjanat jibda nhar il-Ġimgħa 30 ta' Ottubru u ser isir darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta' Tnejn u nhar ta' Ġimgħa
Hu ppjanat moniteraġġ li jkopri l-perjodu kollu tal-proġett. Hekk kif jitlesta l-proġett pilota, l-Gvern ikun f’pożizzjoni li janalizza r-riżultati u mbagħad ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar l-introduzzjoni tal-borża organika.
WasteServ – inizjattivi dwar l-immanniġġjar tal-iskart u favur l-ambjent sostenibbli
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ inizjattivi li ħadet il-Wasteserv mill-2013 ‘l hawn bħala kampanji edukattivi dwar l-immaniġġar tal-iskart u favur l-ambjent sostenibbli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kienu bosta l-inizjattivi edukattivi li ħadet il-WasteServ mill-2013 ‘l hawn. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar mill-Wasteserv mill-2013 sal-lum fejn jirrigwarda t-tisħiħ tal-operat kemm fl-impjant ta’ Sant’ Antnin kif ukoll fis-siti l-oħra li għandha l-kumpanija? Kemm kienet in-nefqa, jekk u liema investiment kien iffinanzjat minn fondi tal-UE u x’kienet ir-raġuni għal dan l-investiment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mill-2013 sal-lum l-investiment li sar mill-WasteServ biex jitjieb l-operat kemm fl-impjant ta’ Sant’ Antnin kif ukoll fis-siti l-oħra tal-kumpanija, kien jikkonsisti f’dawn l-inizjattivi u l-proġetti li ġejjin:
L-impjant ta’ Sant Antnin: Matul it-tliet snin li għaddew sar investiment li jlaħħaq is-somma ta’ €274,026 fuq xogħol ta’ manutenzjoni tal-impjant eżistenti kif ukoll fuq titjib (improvements) fil-makkinarju u l-impjant biex kemm jista’ jkun tiżdied l-effiċjenza u l-produttività ħalli jkun jista’ jlaħħaq mad-domanda fil-qasam tal-immaniġġjar inkluż is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Għal dan l-investiment ma kienx hemm għajnuna minn Fondi Ewropej.
Il-Magħtab: Sar investiment ta’ €99,747 primarjament fuq l-impjant tal-gass biex nittrattaw il-gassijiet velenużi li joħorġu mill-miżbla, nikkontrollaw l-irwejjaħ u b’hekk ikollna arja aktar nadifa. Ma kien hemm ebda għajnuna minn Fondi Ewropej.
Malta North: Bil-għan li jkun ittrattat l-iskart f’konformità mal-miri stabbiliti mill-UE u biex jintlaħqu l-esiġenzi tal-pajjiż għaż-żmien li ġej inbeda l-proġett tal-Malta North b’investiment ta’ €38,124,850 minn Fondi Ewropej u €1,979,958 minn fondi lokali.
L-Autoclave: Dan huwa proġett innovattiv għal Malta li l-iskop tiegħu huwa li jittratta l-iskart tal-annimali peress li sal-lum m’għandniex back-up għat-trattament tal-iskart magħruf bħala Animal By Product skond id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan se jservi biex innaqqsu l-ispiża tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż. L-investiment ilaħħaq is-somma ta’ €73,865 minn fondi lokali u €10,720,796 minn Fondi Ewropej.
L-Inċineratur: Sar investiment bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza tal-inċineratur li jlaħħaq is-somma ta’ €32,463 minn fondi lokali.
Ta’ Qali CA Site: Ġie inawgurat sit ieħor għall-ġbir tal-iskart f’Ta’ Qali u b’hekk komplejna noffru iktar faċilitajiet f’dan ir-rigward. L-ispiża għal dan il-proġett kienet ta’ €127,161 minn fondi lokali u €2,611,863 minn Fondi Ewropej.
Gozo Transfer Station: Sar investiment ta’ €7,778,694 minn Fondi Ewropej u €466,243 minn fondi lokali. Dan il-proġett sar biex jintlaħqu l-miri tad-direttivi tal-UE.
Rijabilitazzjoni tal-Landfills: L-istadju finali tar-rijabilitazzjoni tal-‘closed landfills’ f’Malta u Għawdex cioè l-Magħtab, Wied il-Għajn u l-Qortin f’Għawdex. Għal dan il-għan sar investiment ta’ €205,588 minn Fondi Ewropej.
WEEE: Barra minn hekk, kienu investiti €7,991 bl-iskop li jkun ċentralizzat ix-xogħol tal-WEEE (Waste Electrical & Electronic Equipment) fis-sit ta’ Ħal Far u €500 f’installazzjoni ta’ PV fil-Qortin.
Jista’ l-Ministru jispeċifika x’kienu l-benefiċċji li gawdew minnhom il-ħaddiema tal-WastServ permezz tal-ewwel ftehim kollettiv tagħhom li ġie ffirmat sena ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti illi wara ħafna snin li kien ilu mwiegħed Ftehim Kollettiv lill-ħaddiema tal-WasteServ minn mindu twaqqfet il-kumpanija, dal-Gvern, permezz tal-ewwel Ftehim Kollettiv iffirmat fl-1 ta’ Diċembru 2014, żgura li l-ħaddiema gawdew, u ser jibqgħu jgawdu minn dawn il-benefiċċji:
· It-tneħħija tal-anomaliji li kienu jeżistu fil-gradi, skali u salarji tal-impjegati biex issa ġew iffissati skali ġodda li jagħtu stabbilità fl-istruttura organizzattiva.
· L-introduzzjoni ta’ ħinijiet tax-xogħol realistiċi, li fost affarijiet oħra jirrispekjaw l-miżuri favur il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja.
· L-introduzzjoni ta’ proċeduri dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-korrimenti u l-każi ta’ mard, u kodiċi ta’ etika u dixxiplina.
· Għoti ta’ żieda fil-pagi u s-salarji kif ukoll ġew riveduti għadd ta’
allowances
li jibbenefikaw minnhom l-maġġoranza tal-impjegati.
· L-introduzzjoni ta’ benefiċċji addizzjonali għall-impjegati bħalma huma
urgent family leave, Adoption leave u Career breaks.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-benefiċċji immedjati li ggwadanjat il-kumpanija WasteServ permezz tar-ristrutturar intern li sar fi ħdan l-organizzazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-benefiċċji immedjati li ggwadanjat il-kumpanija WasteServ permezz tar-ristrutturar intern kienu dawn:
Bit-twaqqif ta’
units
ġodda u l-ħatriet tal-kapijiet rispettivi ta’ dawn id-dipartimenti, l-kumpanija setgħet tfassal strateġija aktar dinamika dwar l-operat ewlieni tagħha.
Id-dipartimenti li twaqqfu ġodda huma dak tal-Implimentazzzjoni tal-Istrategija u Komunikazzjoni, id-Dipartiment tal-Finanzji, dak tas-Servizzi Korporattivi u id-Dipartiment tal-Operations u tal-Proġetti.
Wara din il-fażi ġew riorganizzati d-dipartimenti nfushom biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-kumpanija speċjalment fit-tfassil tal-viżjoni tagħha u fuq kollox fl-implimentazzjoni tar-rwol tagħha prinċipalment fis-servizz li tagħti dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv u l-linja ta’ Direzzjoni tal-Bord tad-Diretturi f’dawn l-aħħar sentejn il-Kumpanija irnexxielha tikkonsolida l-operat tagħha billi tmantni u ttejjeb l-effiċjenza fl-operat kif ukoll tidħol għal-proġetti ġodda bħalma huma l-Malta North fl-Għallis, l-impjant f’Tal-Kus, l-Autoclave biswit l-inċineratur tal-Marsa u l-ftuħ tas-sit għall-iskart goff f’Ta’ Qali. Barra minn hekk, ir-ristrutturar kien ikopri wkoll introduzzjoni ta’ proċeduri ġodda kif ukoll taħriġ għall-impjegati kollha. Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu l-maniġment tal-kumpanija għaraf il-ħtieġa tat-taħriġ u waqqaf akkademja ta’ taħriġ li minnha qed jibbenefikaw numru sostanzjali ta’ impjegati. Introduċa ‘policies’ dwar is-saħħa u s-sigurtà minbarra li waqqaf ‘unit’ speċjalizzat f’dan il-qasam. Barra minn hekk, permezz tar-ristrutturar, inqatgħu ċerti prassi antikwati u l-impjanti bdew jitmexxew fuq linji moderni. Għal dan il-għan sar ukoll investiment biex ikun imtejjeb l-apparat u l-inġenji li jintużaw fl-operat tal-kumpanija.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15690 dwar spezzjonijiet minħabba suspett jew moħqrija tal-annimali jista’ l-Ministru jispjega kif fit-tweġiba għall-mistoqsija 15690 li tkopri Jannar sa Marzu 2015 ingħatat informazzjoni li matul dan il-perijodu ttieħdu 9 proċeduri kriminali fil-konfront ta’ moħqrija ta annimali filwaqt li għall-risposta parlamentari 16777 li tkopri min Jannar sal–aħħar ta’Ġunju 2015 ġew imsemmija li qed jitteħdu proċeduri kriminal fil-konfront ta’ każ wieħed biss? Jista’ jispjega għal fini ta’ trasparenza x’ġara mit-tmien każijiet li donnu twaqqfu l-proċeduri kontra tagħhom? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ każijiet kriminali li bdew mill-bidu tas-sena sa issa bid-data ta’ meta bdew il-proċeduri kriminali u dettalji fil-qosor ta’ kull kwerela?
Response (BRINCAT, LEO)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jerġa’ jirreferi għat-Twegiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15690 fejn kien intqal li bejn Jannar u Marzu 2015 kien hemm 325 rapport li minnhom 280 każ kienu ġew konklużi, u allura ma ttieħdu l-ebda passi fil-Qorti, filwaqt li l-45 li jibqa’ kienu defiċenzi minuri li dwarhom kienet għadha qed issir verifika sabiex ikun stabbilit jekk tkunx saret ir-rettifika neċessarja mill-persuni kkonċernati. Għandu jkun ovvju li ġaladarba dawn il-45 każ kienu kwistjonijiet minuri l-anqas dwarhom ma kienet qed tittieħed azzjoni fil-Qorti. It-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15690 imbagħad tkompli tgħid li ‘fil-preżent’, jiġifieri sa dak iż-żmien, kienu ‘qed jittieħdu proċeduri kriminali fil-Qorti fil-konfront ta’ 9 każijiet’. Għandu jkun ċar li dawn id-9 każi kienu għal żmien preċedenti jew biex niċċara sew dawn kienu għas-sena 2014. Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li kollox jitmexxa bi trasparenza u l-ebda każ mhu ser jisparixxi kif donnu irid jalludi.
Sadanittant qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni l-oħra li ntalbet.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċju tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Annimali hux fiżikament fi ħdan l-uffiċini ta’ Casa Leone f’Santa Venera? Jista’ jispjega għaliex il-Kummissarju ma ngħatax uffiċju li hu fiżikament separat mis-Segretarjat responsabbli għad-Drittijiet tal-Annimali? Ma jħossx il-Ministeru li dan l-uffiċċju jrid ikun jopera b’mod indipendenti mis-Segretarjat meta dan qiegħed fl-istess post?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirefferi lill-Onor. Interpellant li ngħatat għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19577.
Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema parametri d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jiddeċiedi jekk jieħux passi kriminali immedjatament jew japplika piena amministrattiva? Għall-finijiet ta’ trasparenza, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura bil-miktub li juża l-imsemmi Direttorat biex jiddeċiedi jekk jieħux passi kriminali jew jekk japplikax pieni amministrattivi jew jagħti twiddiba bil-miktub?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu klieb f’residenzi jew postijiet privati mill-Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu bla mikroċippa matul is-sena 2015 sal-lum? ? F’liema lokalità nstabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul l-2015 sa issa kien hemm 37 kelb/a li nstabu mingħajr ċippa f’postijiet jew residenzi privati mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Dawn kienu hekk kif ġej:
Tliet każijiet f’Ħaż-Żabbar; żewġ każijiet f’kull lokalità fil-Belt Valletta, San Ġwann, in-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi u każ wieħed f’kull lokalità fil-Gudja, Birkirkara, Raħal Ġdid, Ħal-Qormi, Burmarrad, l-Imrieħel, Ħal-Far, ix-Xemxija, Bormla, il-Birgu, il-Ħamrun, il-Mosta, il-Gżira, San Pawl tat-Tarġa, Ħal-Kirkop, il-Kappara, tas-Sliema, iż-Żurrieq, ir-Rabat, l-Imqabba, il-Fgura, Dellimara, ix-Xewkija u l-Marsa.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – allowances u benefiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu sahra, allowances u benefiċċju oħra lill-istaff fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, mill-bidu tas-sena 2015 s’issa? Jista’ jindika min huma l-uffiċjali li bbenefikaw permezz ta’ sahra, allowances u benefiċċji oħra, fl-liema grad qiegħdin, u kemm tħallsu b’mod individwali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mill-bidu tas-sena 2015 sal-lum, fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali tħallsu Allowances kif ġej:
(a) Id-Direttur irċieva
Expense Allowance
ta’ €1,254.30 skond kif jipprovdi l-
Performance Agreement
tad-Diretturi fis-Servizz Pubbliku;
(b) Il-
Coordinator (Animal Welfare, Promotion and Services)
irċieva
Disturbance Allowance
ta’ €3,059.10. Din titħallas skond il-provvedimenti tas-sejħa għall-applikazzjonijiet u tammonta għal 15% tas-salarju bażiku;
(ċ) L-
Animal Welfare Officers
irċivew
Shift Allowance
ta’ €3,461.5 kif stabbilit fl-aħħar sejħa għall-applikazzjoni li nħarġet għal din il-pożizzjoni;
(d) L-
Animal Carers
u s-
Senior Tradesman
jibbenefikaw minn
Shift Allowance
skond paragrafu 2.4.10 tal-
Public Service Management Code
(PSMC) u kif ukoll ħlas talli jaħdmu fil-Ħdud u l-festi skond kif jipprovdu paragrafi 3.2.6.2 u 3.2.7 tal-istess Kodiċi. L-ammont globali li tħallas lil seba’ ħaddiema kien ta’ €10,976.98 u l-pagamenti individwali jvarjaw minn €1,244.5 sa €2,966.42. Il-varjazzjoni fl-ammonti tiddependi mill-paga bażika, mit-tip ta’
shift
li jinħadem u minn kemm kull uffiċjal ilu jaħdem fuq bażi ta’
shift
.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – ġbir ta’ klieb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru klieb mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu kkonfermati li jbatu bil-mard tal-Leishmaniasis, Ehrlichiosis, Leptospirosis, Toxocariasis u jew mard żoonotiku ieħor minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-mikroċippi tal-klieb li kienu kkonfermati li jbatu b’dan il-mard u jiddeskrivi x’ġara mill klieb f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ klieb li kienu kkonfermati li jbagħtu bil-mard tal-Leishmaniasis, Ehrlichiosis, Leptospirosis, Toxocariasis u/jew mard żoonotiku ieħor minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien ta’ 479. L-informazzjoni dwar l-annimali li kellhom dan il-mard kienet miżmuma fuq sistema elettronika f’database u titmexxa mill-eks operatur taċ-Ċentru San Franġisk. Peress li din is-sistema ma kinitx intenzjonata sabiex toħroġ tali nformazzjoni mitluba, d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali se jkollu bżonn żmien twil sabiex jiġbor tali informazzjoni. Fid-dawl tal-ispjega li għadha kif ingħatat is-Segretarjat Parlamentari qed jintrabat li malli tinġabar l-informazzjoni kollha meħtiega titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni sabiex tiġi rranġata t-triq li hemm fil-Pitkalija n-naħa tal-frott għaliex tinsab fi stat ħażin u ta' inkonvenjent għal-pitkala u l-bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma tifformax parti mill-Pitkalija tal-frott u ħxejjex Maltin u għalhekk ma taqax fid-dekasteru tiegħi. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ kaxxi fil-pitkalija u kemm minnhom inxtraw ġodda għax kienu mkissrin, sena b’sena mill-2012, 2013, 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ kaxxi li nxtraw għas-snin 2012, 2013 u 2014 huwa ta’ 8,000, 11,808, u 19,192 kaxxa rispettivament. Bejn il-perjodu Jannar – Settembru 2015 inxtraw 22,000 kaxxa oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar bejgħ mill-Pitkalija, sena b’sena fl-2011, 2012, 2013, 2014 u fl-ewwel disa’ xhur tal-2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jelenka l-ġonna u l-parks kollha f’Malta u Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema assenjati għall-manutenzjoni u t-tindif tal-ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti n-numru ta’ ħaddiema hands on, assenjati għall-manutenzjoni u t-tindif tal-ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat tal-PARK huma ta’ 120. 11 minn dawn il-ħaddiema jaħdmu direttatment fuq il-proġett b’Fondi Ewropej li huwa Life + Saving Buskett.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx programm ta’ manutenzjoni u tindif fuq il-ġonna u l-parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhu dan il-programm? Jekk m’hemmx programm, jista’ jgħid jekk il-manutenzjoni ssirx skont il-ħtieġa jew fuq bażi kontinwa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, kemm ix-xogħol ta’ tindif kif ukoll ix-xogħol ta’ manutenzjoni jsiru fuq bażi regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aħħar ħidma ta’ manutenzjoni u meta sar dan ix-xogħol f’kull ġnien u park li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17876 ix-xogħol ta’ manutenzjoni jsir fuq bażi regolari u meta jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa. Dan ix-xogħol jikludi: xogħol ta’ manutenzjoni tal-apparat tal-logħob u tal-water features ġewwa l-Adventure Park u l-Park tal-Familja f’Marsaskala, l-apparat tal-ilma ġewwa l-Water Park ta’ Buġibba, il-funtani tal-ilma ġewwa l-Park tas-Salina u dawk ġewwa l-Park Nazzjonali ġewwa ta’ Qali.