Legislature:
Category:
Reset
Active:

investiment dirett barrani — projections

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-projections tal-Gvern dwar l-investiment dirett barrani għas-sena 2014? Kemm hu mistenni li jattira ġewwa pajjiżna negozji ġodda u kemm mistenni li jħaddmu nies dawn il-kumpaniji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Kif l-Onor. Interpellanta kienet infurmata, permezz tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7769, is-36 proġetti ġodda (greenfields) minn investituri barranin li kienu approvati matul l-2013 huma mistennija li jimpjegaw madwar 1,280 persuna fl-ewwel tliet snin. Din il-figura teskludi mpjiegi ġodda fi proġetti ta’ espansjoni ta’ investimenti barranin eżistenti. Ta’ min iqabbel dan ir-riżultat ma’ kemm kien approvat investiment barrani ġdid matul is-sena preċdenti, jiġifieri l-2012, fejn it-total ta’ approvazzjonijiet kien ta’ tnejn (2) u t-total ta’ mpjiegi maħluqa 38. Ta’ min isemmi li minn dawn is-36 proġett approvati fl-2013, wieħed biss kien approvat qabel Marzu. Filwaqt li mhux fl-istil tagħna li nispekulaw, inserraħ ras l-istess interpellanta li għaddejja ħidma sfiqa mill-Malta Enterprise biex jiġu lejn pajjiżna aktar investimenti li joħolqu aktar impjiegi ġodda f’pajjiżna, ħalli fl-2014 niksru r-rekord tagħna stess li stabilixxejna fl-2013.

Responsible Gaming Foundation — amministrazzjoni tal-fond

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beħsiebu jitnieda r-Responsible Gaming Foundation u kif se jiġi amministrat dan il-fond?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Responsbile Gaming Foundation se tiġi imnedija uffiċċjalment nhar it-18 ta' Frar 2014. Il-Fond se jiġi amministrat mill-Fondazzjoni u l-fondi se jitnefqu fuq proġetti relatati.

Responsible Gaming Foundation — amministrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jibda jiġi amministrat ir-Responsible Gaming Foundation, ladarba dan jitnieda uffiċjalment?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Responsible Gaming Foundation se tibda tiġi amministrata uffiċjalment mill-uffiċini tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA).

Malta u Għawdex — Wi-Fi state

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet konkreti għandu sabiex Malta u Għawdex issir Wi-Fi state kif kemm-il darba ġie mwiegħed mill-Gvern?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li madwar Malta u Għawdex hawn 176 ‘Free Wi-Fi hotspots’. Hija l-intenzjoni tal-Awtorità li tkompli tikkollabora mal-Ministeri varji, Kunsilli Lokali u entitajiet oħra sabiex tkompli żżid l-aċċess ta' ‘Free Wifi hotspots’ bil-għan li Malta ssir wieħed mill-ewwel Wi-Fi states. Bħalissa, l-Awtorità qed tirrevedi l-proġett bil-ħsieb li tiżviluppa aktar is-servizz eżistenti f'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Nazzjonali tal-ICT.

Wi-Fi spots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Wi-Ffi spot tnieda mill-Gvern, matul is-sena 2013 u allura x’żieda kien hemm fuq il-176 Wi-Fi spots li kienu tnedew sas-sena 2012? Jista’ jagħti l-lista ta’ fejn saru dawn il-Wi-Fi spots?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Wi-Fi spots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-aktar għaxar Wi-Fi spots li sar użu minnhom sena b’sena mill-2008 sal-2013?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' l-aktar għaxar Wi-Fi spots li sar użu minnhom sena b’sena mill-2011 sal-2013. Din l-informazzjoni kienet disponibbili biss mis-sena 2011 'il quddiem.

Davos Declaration — iffirmar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat id-Davos Declaration skont kif ġie mħeġġeġ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso waqt il-World Economic Forum sabiex il-gvernijiet u n-negozji fis-settur diġitali jingħaqdu fl-inizzjattiva EU’s Grand Coalition for Digital Jobs bil-għan li jinħolqu 900,000 impjieg madwar l-Unjoni Ewropea fis-settur diġitali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Gvern Malti permezz tal-MITA qed tipparteċipa fil-‘Grand Coalition’ billi qed tinvolvi ruħha fi proġett fuq livell Ewropew imsejjaħ ‘Thematic Network: Grand Coalition for Digital Jobs’. Il-MITA ser tkun qed tikkontribwixxi lejn il-‘Grand Coalition’ billi flimkien ma’ Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizza l-ħiliet li l-ekonomija digitali tirrikjedi. F’din il-‘multi-stakeholder partnership’ il-MITA ser tkun qed tikkolabora ma’ Stati Membri oħra sabiex iktar studenti jgawdu mill-opportunita` ta’ esperjenza (temporanja) prattika f’postijiet tax-xogħol. Din it-‘Thematic Network’ qed tiġi iffinaliżżata issa, fi Frar, mal-Kummissjoni Ewropeja u l-proġett huwa twil sentejn. Apparti minn din il-parteċipazzjoni prattika, il-Gvern għadu kemm nieda l-‘eSkills Foundation’, li hija koalizzjoni nazzjonali sabiex Malta jkollha l-ħiliet neċessarji għall-iktar ħolqien ta’ xogħol f’ekonomija diġitali.

ICT kors — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm attendew għall-kors tal-ICT sena b’sena mit-tnedija ta’ din l-inizzjattiva sal-aħħar tas-sena 2013?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal-liema kors tal-ICT u għal-liema snin qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Investiment barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irnexxielu jġib investiment barrani matul is-sena 2013 u allura kemm-il kumpanija irnexxielu jattira biex tinvesti minn Malta? Jista’ għal kull kumpanija jgħid x’inhu s-settur tan-negozju tagħha? Jista’ jgħid kull kumpanija kemm tħaddem nies u jekk hemmx pjanijiet li tkabbar u f’dak il-każ kemm huma l-projections ta’ kull kumpanija rigward l-impjiegi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Air Malta – Transportation Logistics Services u courier services

Question

Jista' l- Ministru jgħid jekk il-kuntrattur li ismu qed jintbagħat separatament appuntat fis-sena 2013 permezz ta' sejħa għall-offerti tal-kumpanija Air Malta għal servizzi ta' transportation logistics services u courier services, huwiex reġistrat skont il-liġi mal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni abbażi tal-Postal Services (General) Regulations filwaqt li ġentilment jispeċifika: i) f'każ li huwa reġistrat meta ġie reġistrat u; ii) x'passi amministrattivi ttieħdu jekk irriżulta li fil-mument li ġie ffirmat il-kuntratt mal-imsemmija kumpanija statali, huwa ma kienx reġistrat u allura kien qed jikser il-liġi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li fit-22 ta’ Novembru 2013, l-kuntrattur imsemmi innotifika lill-Awtorità sabiex jibda’ jipprovdi ‘courier services’ taħt il-kategorija ta’ servizzi postali li joħorġu ’l barra mill-iskop tas-servizzi universali, fejn dan ingħata awtorizzazzjoni ġenerali sabiex jibda jipprovdi dan is-servizz.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

MCA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien id-dħul tal-MCA matul l-2012 u l-2013? X'kienet in-nefqa tal-istess Awtorità matul l-istess perijodu ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-flus li għaddew mingħand il-Gvern lill-Awtorità matul dawn l-istess sentejn? Minn fejn oriġinaw il-flus li għaddew mingħand il-Gvern għal għand l-MCA? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien id-dħul u l-ħruġ li sar mill-MCA fis-sentejn indikati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeur għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — top management position

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7495, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpaniji — sensja lill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm sabiex kumpaniji bħal din il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li qegħdin jaffaċċjaw problemi finanzjarji u qegħdin jagħtu s-sensja lill-impjegati tagħhom, jiġu megħjuna sabiex jiġu salvati l-impjiegi? X’inizzjattivi qed jingħataw sabiex isalvaw l-operaw tagħhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpaniji li qed jaffaċjaw problemi finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux indikazzjoni dwar jekk hemmx fabbriki jew kumpaniji li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji bħal kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk għandu indikazzjoni, jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ dawn il-kumpaniji u x’inhu n-numru ta’ impjegati li qegħdin fir-riskju li jispiċċaw bla xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dar Malta fi Brussel – ħlas għal xogħol ta’ konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għax-xogħol ta’ konsulenza relatat ma’ xiri ta’ Dar Malta fi Brussel?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-individwu tħallas is-somma ta’ €30,514.79.