Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin jew ippjanati li jsiru fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar u jekk iva għal liema skop huwa intenzjonat dan ix-xogħol, min qiegħed iwettaq ix-xogħol, f’liema parti tal-iskola qed isir ix-xogħol u x’miżuri qegħdin jittieħdu biex is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi tiġi mħarsa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, hemm xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru sabiex ikun hemm klassijiet ġodda. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed twettaq dan ix-xogħol. Dan ix-xogħol qed isir f’parti mill-bitħa. Infurmat li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi tiġi mħarsa fosthom hemm barriers sabiex il-parti ta’ fejn qed isiru x-xogħlijiet hija diviża mill-parti tal-bitħa fejn ikun hemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi.
Jista’ l-Ministru jispjega d-differenza bejn il-kuntratti li kellu l-gvern preċedenti mas-suppliers tal-laptops lill-għalliema f’dak li għandu x’jaqsam il-manutenzjoni tagħhom, u l-kuntratti li għamel il-gvern preżenti? Veru li l-għalliema issa qed ikunu mitluba jħallsu huma għall-manutenzjoni, ħsarat u wear and tear tal-laptops? Jekk iva, għaliex il-Gvern ħa din il-pożizzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li għalliema eliġibbli għal-laptop mhumiex qegħdin jintalbu jħallsu manutenzjoni, ħsarat u wear and tear. Id-differenza bejn il-kuntratt ta’ qabel u t’issa hi li, l-kuntratt li sar qabel kien bejn il-MITA u l-fornituri tal-laptops, mentri l-kuntratt il-ġdid sar bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kuntrattur.
Tiswijiet fuq il-laptops huma koperti b’SLA (Service Level Agreement u Warranty) fuq medda ta’ ħames snin (inkluż il-batterija). Ħsarat b’riżultat ta’ negliġenza mhumiex koperti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa u qed jiswa għall-gvern l-użu ta’ laptop minn kull għalliem, separatament għall-ispiża kapitali u l-ispiża rikorrenti għall-manutenzjoni eċċ għal kull sena mill-2010 sal-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-laptop għal kull għalliem sewa lill-Gvern is-somma ta’ €834.60 filwaqt li l-ispiża għall-manutenzjoni hi dik ta’ €29.17 għal kull laptop.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-livell ta’ użu mistenni mill-għalliema tal-iskejjel tal-istat tal-Virtual Learning Environment (VLE) Fronter, separatament għall-primarja u għas-sekondarja, u x’inhu fil-fatt il-persentaġġ u t-tip ta’ użu tal-VLE mill-għalliema tal-iskejjel tal-istat separatament għall-primarja u għas-sekondarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif jidher mit-tabelli t’hawn taħt, in-numru ta’ għalliema (unique logins) li qed jidħlu jużaw il-kmamar virtwali qiegħed dejjem jiżdied
Primarja
2012
2013
2014
2015
2016
Total ta’ logins uniċi
2770
3697
4125
4629
4510
Żieda perċentwali
33%
12%
12%
-3%
Sekondarja
2013
2014
2015
2016
Total ta’ logins uniċi
2730
2917
3160
2823
Żieda perċentwali
7%
8%
-11%
Din iż-żieda qed tintlaħaq fid-dawl tal-arranġamenti eżistenti mal-imsieħba, li għadhom ukoll suġġett ta’ diskussjonijiet kurrenti. Sa issa l-għalliema kemm fil-Primarja kif ukoll fis-Sekondarja huma inkuraġġiti li:
· Jattivaw il-kamra virtwali tagħhom fil-bidu tas-sena u jagħlquha fl-aħħar tas-sena;
· Jtellgħu l-materjal edukattiv fil-kamra virtwali tagħhom;
· Jużaw il-materjal interattiv li hemm f’numru ta’ suġġetti (7 Sekondarja għal forms 1-2, u 5 fil-Primarja mit-3 sas-6 Sena) depożitat fuq il-VLE;
· Jaċċessaw l-emails u kull korrispondenza uffiċjali oħra;
· Idaħħlu l-marki tal-eżamijiet;
· Jirreġistraw l-attendenza;
· Jirreġistraw kwalità ta’ imġieba.
L-użu li l-għalliema qed jagħmlu mill-VLE ivarja. L-ikbar użu hu mill-primarja fejn l-għalliema jużaw ħafna videos biex jintroduċu jew jispjegaw il-lezzjonijiet tagħhom. Bl-introduzzjoni tal-kontenut diġitali interattiv, l-għalliema fil-Primarja u fis-Sekondarja qed isibu għajnuna addattata skont il-kurrikulu. L-użu tal-għodod għall-amministrazzjoni tal-klassi qiegħed jikber fosthom rappurtaġġ dwar imġieba tajba jew ħażina fil-klassi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-riżultati tal-istudji pilota u studji oħra teoretiċi li saru fil-fażi pilota tal-użu tat-tablets fil-primarja, kemm dawk li saru mill-Gvern preċedenti u kemm dawk li saru minn dan il-gvern? X’kienu l-konklużjonijiet tal-Ministeru dwar dawn ir-riżultati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Fis-sena skolastika 2011-2012 il-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu proġett fuq skala iżgħar fi klassi waħda f’Birkirkara tat-Tielet Sena Kulleġġ Santa Tereża u klassi oħra tar-Raba’ sena fl-iskola tal-Knisja Kulleġġ San Albertu l-Kbir. Ma’ dawn kien hemm ukoll control group li kellu biss aċċess għall-erba’ kompjuters li hemm f’kull klassi. L-enfasi f’dan l-istudju kien iktar mixħut fuq l-użu ta’ software partikulari u l-ħiliet tal-ICT għat-tfal. Dan kien proġett fuq inizjattiva ta’ kumpanija lokali f’kollaborazzjoni mad-Direttorati tal-Edukazzjoni li minnu ħarġu dawn ir-rakkomadazzjonijiet u konklużjonijiet li llum iridu jittieħdu fil-kuntest ta’ dak iż-żmien:
· Il-parteċipanti tan-netbooks kellhom iktar għodda għad-dispożizzjoni tagħhom u l-fatt li kienu jieħdu l-apparat id-dar fl-ewwel sena tal-proġett setgħu ikomplu jsaħħu l-ħiliet li kienu qed jiskopru fil-klassi.
· Idealment il-proġett jitwessa għal snin oħra u jinfirex mal-iskola kollha.
· Il-parteċipanti tan-netbooks ibbenefikaw iktar mit-tfal tal-control group u bbenefikaw iktar meta fl-ewwel sena kien ikun il-ħin kollu f’idhom. Fit-tieni sena tal-proġett, in-netbook ma kienx jittieħed id-dar u kien jitqassam f’żewġ klassijiet oħra bil-ħin.
· Ma kinitx idea tajba li t-tfal joħorġu mill-klassi tagħhom għal-lezzjoni bin-netbook għal satgħejn fil-ġimgħa.
· Il-ħiliet fl-ICT kienu iktar żviluppati f’dawk it-tfal li kienu jużaw in-netbook il-ħin kollu.
Il-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol ħass il-bżonn ta’ proġett pilota dwar l-użu tat-tablets biex iwieġeb diversi mistoqsijiet fosthom x’kienu se jkunu d-diffikultajiet li setgħu jiffaċċjaw l-għalliema sabiex inkunu f’pożizzjoni li nwieġbu għalihom u nwittu t-triq għall-addozzjoni Nazzjonali. Dan il-proġett pilota seħħ fis-sena skolastika 2014-2015.
Il-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol addotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li ħarġu mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Proġett Pilota tal-One Tablet Per Child li sar bejn Marzu 2014 u Marzu 2015:
1. L-għan primarju tal-Proġett għandu jibqa’ edukattiv u mhux teknoloġiku.
2. Dan huwa proġett nazzjonali b’għanijiet u miri nazzjonali u allura l-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol jrid jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-iskejjel kollha, kemm tal-iStat u kemm dawk tal-Knisja u Indipendenti.
3. Il-proġett għandu jinbena u jiżviluppa fuq medda ta’ snin u mhux isir kollox f’daqqa fil-bidu.
4. L-użu tat-
tablets
ikun iktar effettiv jekk is-sillabi tas-suġġetti kurrenti u kif isir l-assessjar jinbidlu biex jirrifletti t-tagħlim fis-Seklu 21, il-Litteriżmu Diġitali u l-pedagoġiji 1:1.
5. Għandu jsir investiment fit-taħriġ u servizzi ta’ appoġġ li diġà jeżistu biex dawn ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-proġett li mistennija jiżdiedu b’mod sostanzjali b’
tablet
f’idejn kull student.
6. L-għalliema tal-klassi għandhom jkollhom f’idejhom it-
tablet
li ħa jużaw fil-klassi xi żmien qabel jibdew jużawha mal-istudenti ħalli jkunu jistgħu jidrawha u jippreparaw ir-riżorsi tagħhom fuqha.
7. L-għalliema tal-klassi għandhom jingħataw mill-inqas 24 siegħa taħriġ fuq il-pedagoġija marbuta mat-
tablets
u kif din tintuża fil-klassi, filwaqt li għandu jingħata wkoll taħriġ lill-uffiċċjali edukattivi, lill-assistenti kapijiet, kapijiet tal-iskejjel kif ukoll uffiċċjali u edukaturi oħra konċernati.
8. Is-servizz ta’ appoġġ edukattiv lill-għalliema fl-użu tat-teknoloġija għandu jkun ibbażat fl-iskola u mhux biss fuq bażi ta’ kulleġġ jew nazzjonali.
9. Għalkemm il-proġett One Tablet Per Child se jibda mir-Raba’ Sena tal-Primarja, studenti fit-Tielet Sena għandhom ikunu esposti għall-użu tat-
tablets
sa fejn hu possibbli (għalkemm ma jingħatawx waħda kull student l-istess bħar-Raba’ Sena) biex ikunu preparati għal meta jirċievu t-
tablet
fis-sena ta’ wara.
10. L-infrasttrutta tal-ICT fl-iskejjel tal-iStat trid tiġi mkabbra filwaqt li l-iSkejjel li mhumiex tal-iStat għandhom jingħataw kull appoġġ possibbli biex jaġġornaw tagħhom.
11. Fl-ewwel tliet snin tal-One Tablet Per Child għandha tingħata
tablet
li fuqha jkun hemm
software
li jamministra lit-
tablet
(
Mobile Device Management
),
software
li jużaw l-għalliema fil-klassi biex jikkontrollaw it-
tablets
tal-istudenti u jagħtu l-lezzjonijiet fuqhom (
Classroom Management System
),
software
ieħor (
apps
), u sistema li timblokka l-aċċess għal kontenut mhux addattat għall-istudenti (
URL Filter).
12. L-għalliema fil-klassi għandu jkollhom ċertu kontroll fuq il-kontenut li jkollhom aċċess għalih l-istudenti u mhux il-kontroll jibqa’ ċentrali kif inhu llum bħal pereżempju fl-iSkejjel tal-iStat.
13. Studenti li għandhom bżonnijiet speċjali se jingħataw ukoll it-
tablet
imma din trid tingħata skont il-bżonnijiet speċifikati tagħhom flimkien mal-aċċessorji neċessarji.
14. L-istudenti se jitħallew jieħdu t-
tablet
id-dar u jġibuha ċċarġjata minn hemm, għalkemm se jkun hemm xi faċilijiet ta’ ċċarġjar fl-iskejjel.
15. It-
tablet
għandha tikkontribwixxi biex gradwalment jeħfief il-piż tal-basket tal-iskola għaliex xi riżorsi stampati jistgħu jitpoġġew f’forma diġitali fuq it-
tablet
.
16. Għandu jsir sforz biex ikun hemm kemm jista’ jkun kontenut bil-Malti fuq it-
tablets.
17. Il-Google Apps for Education għandu jkun offrut lill-għalliema b’mod uffiċjali peress li uħud minn dawn is-servizzi huma diġà popolari ħafna mal-għalliema fuq bażi personali.
18. Għandu jsir studju pilota dwar il-potenzjal tat-
tablet
u mezzi oħra diġitali simili fis-Sekondarja u dan għandu jsir fuq medda ta’ sena skolastika sħiħa.
19. Għandu jsir sforz biex il-ġenituri/gwardjani jikkontribwixxu għas-suċċess tal-użu tat-
tablets
ladarba din se titħalla tittieħed id-dar.
20. Għandha ssir kampanja pubblika ta’ informazzjoni li turi l-benefiċċji tal-użu tat-
tablets
fl-edukazzjoni u tneħħi l-impressjoni li dawn huma ġugarell, sabiex dal-proġett jikseb appoġġ nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-parametri tal-użu tat-tablets fl-iskejjel primarji issa li se jitqassmu b’mod wiesa’? X’inhi l-frekwenza maħsuba tal-użu fil-klassi? Kif se jintużaw waqt it-tagħlim? Se jkunu jistgħu jintużaw id-dar? X’proviżjoni se jkun hemm għall-manutenzjoni u ħsarat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-parametri għall-użu tat-tablets jinkludu li t-tablet hija għodda ġdida li fiha ħafna potenzjal imma hija biss għodda waħda fost bosta oħrajn, kemm diġitali bħall-interactive whiteboard u l-virtual learning environment, u kemm tradizzjonali bħall-istrumenti tal-kitba, il-ktieb stampat u l-pitazz. Fil-bidu l-għalliema ser jingħataw linji gwida iżda ser jitħallew fil-libertà li jiddeterminaw huma kemm għandha tintuża t-tablet bħala ammont ta’ ħin fil-klassi basta jsir użu għaqli minnha u joħorġu l-benefiċċji fuq l-istudenti speċjalment fil-litteriżmu, il-matermatika, u l-ħiliet diġitali. Se jkun hemm linji gwida kif għandu jintuża s-software li se jinxtara fosthom skema għal qari supplimentari li kapaċi tanalizza l-livell tal-qari tat-tfal qabel u wara l-użu tas-software filwaqt li jżomm rekord tal-progress ta’ kull tifel u tifla u jindika fejn hemm bżonn l-għajnuna. Software ieħor maħsub li jinxtara jista’ jintuża f’kull ħin biex it-tfal juru x’qed joħolqu kemm bħala kitba kif ukoll bħala ritratti, tpinġijiet, mużika u proġetti oħra. Żewġ biċċiet software oħra se jagħtu lill-għalliem iktar riżorsi biex iħawwar il-lezzjoni u jagħmilha iktar interessanti għat-tfal.
Dan l-użu se jkun kopert minn ftehim mill-Malta Union of Teachers. It-tablets mistennija jittieħdu d-dar sabiex l-istudenti jkomplu jitgħallmu minn fuqhom barra mill-iskola, però dawn it-tablets se jkollhom fuqhom software apposta biex l-istudenti ma jkunux esposti għal kontenut mhux addattat għalihom. Fl-istess ħin inżidu li l-użu tat-tablet se jkun miexi flimkien ma’ kurrikulu li jgħin lit-tfal fil-litteriżmu diġitali. It-tender biex jinxtara l-hardware u s-software għat-tablets ser jipprovdi wkoll għal tiswijiet, manutenzjoni u tibdil ta’ units skont il-bżonn permezz ta’ Service Level Agreement ma’ min se jissupplixxi.
FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA għal bini ta’ skola
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19920 u 23352, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-siti fiż-żewġ domandi humiex l-istess jew jekk humiex differenti minn xulxin? Billi l-applikazzjoni 283/16 tinsab f’sit totalment differenti minn dak li għalih kont mogħti kopja tal-pjanta, jista’ jagħti tagħrif dwar liema mis-siti hu mistenni li jintużaw għal din il-bini ta’ skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19920 u 23352 qed jirreferu għall-istess sit fejn huwa ppjanat li tinbena l-iskola l-ġdida f’San Pawl il-Baħar. L-applikazzjoni mal-MEPA hija PA 283/16.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-Breakfast Club fl-iskejjel tal-istat jingħatax ukoll lil dawk l-istudenti li ġejjin minn familji foqra u mhux biss jingħata lil dawk il-ġenituri li jkunu qed jaħdmu? X’inhuwa l-ħlas għal dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Servizz tal-Breakfast Club apparti li jingħata lil tfal ta’ dawk il-ġenituri li jaħdmu, jiġu kkunsidrati wkoll każijiet ta’ studenti li ġejjin minn familji li jkollhom diffikultajiet soċjali. Is-servizz tal-Breakfast Club huwa bla ħlas.
Learning Outcome Framework – għalliema, executive officers u head of department
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għalliem, head of department u executive officer irċevew taħriġ fuq il-Learning Outcome Framework, u jagħti d-dettalji dwar fiex kien jikkonsisti t-taħriġ tagħhom? Jista’ jgħid meta dawk li diġà ngħataw it-taħriġ huma mistennija jibdew jagħtu taħriġ lill-edukaturi oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li b’kollox fuq il-Learning Outcome Framework (LOF) irċevew it-taħriġ 74 persuna. Dawn in-nies intgħażlu wara sejħa fost l-edukaturi kollha. Minn dawn, 48 edukatur jaħdmu fl-Iskejjel tal-Istat, 16 fl-Iskejjel tal-Knisja, 5 fl-Iskejjel Indipendenti u 3 mill-Università, flimkien mal-Head of Project u l-Project Leader.
Dawn l-74 persuna kienu mqassma hekk:
18-il għalliema tas-Sekondarja
15-il Uffiċjal Edukattiv
12-il għalliem tal-Primarja
10 Kapijiet tad-Dipartiment fis-Sekondarja
5 Kapijiet tad-Dipartiment fil-Primarja
4 Assistenti Kapijiet fil-Primarja
3 Lecturers fl-Università
2 Assistenti Diretturi
1 Kap ta’ Skola Sekondarja
1 Kap ta’ Skola Primarja
1 Support Teacher
1 Head of Project
1 Project Leader/Direttur
It-taħriġ ta’ dawn l-Edukaturi kien jikkonsisti fi 30 ECTS fil-Livell 7. Kien taħriġ li jħejji l-Edukaturi fil-Learning Outcomes, fl-Andragoġija (tagħlim tal-adulti), fi Training Needs Analysis u fl-Assessjar. Kien hemm ħames (5) modules, li wieħed minnhom sar fl-Irlanda. Kellhom ukoll Study Visit fl-Irlanda fejn żaru numru ta’ għalliema fi Skejjel Primarji u Sekondarji. Barra minn dan, it-taħriġ qiegħed jitkompla permezz tal-Institute for Education fi ħdan il-MEDE.
Xi wħud minn dawn l-74 Edukatur kienu qiegħdin jikkoordinaw Discussion Groups waqt Professional Development sessions fl-Iskejjel. Il-ħidma ta’ dawn l-Edukaturi se titkompla, ladarba jiġi ffirmat il-ftehim settorjali mal-MUT u jkun hemm qbil dwar il-mod kif se tiġi introdotta l-LOF fl-Iskejjel.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’preparazzjoni u taħriġ, anke dak kontinwu, ingħataw jew qed jingħataw l-edukaturi biex jiġi ffaċilitat il-coeducation b’referenza partikolari lejn dawk l-iskejjel li mis-sena skolastika li jmiss, għall-ewwel darba se jkollhom klassijiet ta’ Form 3 imħallta u l-Form 4 u 5 subien jew bniet biss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li taħriġ lill-edukaturi jingħata kontinwament fuq suġġetti varji. Il-Kap tal-Iskola u l-SMT dejjem jippjanaw dan it-taħriġ skont il-bżonn li jħossu li jkun hemm fl-iskola partikolari li jkunu qed imexxu. Taħriġ dwar il-Ko-Ed speċifikament beda jinghata minn April 2013 lil kulmin staqsa għalih u sal-lum għadu jingħata skont id-domanda. Dan isir fis-sessjonijiet tal-PD jew f’laqgħat organizzati mill-Kap tal-Iskola/SMTs fuq livelli differenti. Esperjenzi dwar tagħlim fis-sistema tal-Ko-Ed ilhom jiġu diskussi, bejn skejjel statali, skejjel indipendenti, kelliema mill-Università, u kelliema oħra, mill-2013. Taħriġ dwar il-Ko-Ed jingħata kull meta jintalab kemm bħala skola, kemm bħala suġġett u kemm bħala grupp jew individwali. Din is-sena qed isiru laqgħat fil-Kulleġġi partikolari bejn l-SMTs tal-iskejjel Medji (Yr 7 u Yr 8) u dawk tal-Iskejjel Għolja (Yr 9, Yr 10 u Yr 11) fejn ser jimxu l-istudenti f’Settembru 2016, biex it-tranżizzjoni tkun bl-inqas skoss u b’mod aktar sikur għall-istudenti. L-għalliema bħala l-adulti qed jagħmlu l-biċċa tagħhom ukoll. Xi Kulleġġi u skejjel organizzaw/qed jorganizzaw laqgħat u taħriġ flimkien bħala skejjel ukoll. B’hekk l-għalliema jħossuhom aktar konfidenti. U dan barra li tkompli ssir it-tranżizzjoni minn skola għall-oħra minn Yr 6 għal Yr 7.
Ta’ min wieħed isemmi u jirreferi wkoll għal rapport li hemm onlajn dwar Co-Education in the State Secondary School Sector: A survey of the views of Students, Teachers and Parents/Guardians li ġie ppreżentat f’Lulju 2015. Rapport ieħor bħala follow-up ta’ dan qed isir bħalissa, biex wieħed jara l-progress u x’suġġerimenti jistgħu jsiru biex is-sistema tkompli timxi ’l quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm libreriji fl-iskejjel, jindika jekk hemmx u jekk hemm libreriji fil-klassijiet, u kemm hemm librara f’kull skola tal-Istat? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kwalifiki ta’ dawn il-librara? Jista’ jindika kemm minn dawn il-librara huma wkoll għalliema, u għal dawk li huma wkoll għalliema jindika x’inhuma s-suġġeti li huma jgħallmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
National Commission for Further and Higher Education — approvazzjoni għall-American University of Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21588, jista’ allura l-Ministru jgħid jekk issa li jaf li sar reklamar fil-Commonwealth Forum huwiex ser jieħu passi kontra l-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li għamlet l-imsemmi reklamar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22936. Fl-istess ħin nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi infurzar ta’ reklamar minn istituzzjoni għal edukazzjoni avvanzata u ogħla jaqa’ taħt il-Kummissjoni għal dan il-għan. Fil-fatt fil-11 ta’ Frar ta’ din is-sena, din il-Kummissjoni (NCFHE) ħarġet kjarifika dwar it-termini ta’ università, ta’ istituzzjoni avvanzata u/jew ogħla, u ta’ ċentri ta’ istituzzjoni avvanzata.
Fiż-żmien li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-kumpanija indikata minnu separatament ma kellha ebda obbligi skont SL 327.433.
Fis-26 ta’ Jannar ta’ din is-sena, din il-kumpanija ingħatat liċenzja ta’ istituzzjoni edukattiva Ogħla u minn dik id-data din il-kumpanija marbuta li ma tirreklamax jew tuża l-kelma Università, sakemm tingħatalhom il-liċenzja.
Skejjel u istituti edukattivi – persuni b’diżabilità — impjieg
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22534, u ladarba d-Direttorat ma jżommx statistika dwar persuni b’diżabilità li jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel biex jassigura li persuni b’diżabilità qed jingħataw aċċess għall-opportunitajiet ta’ xogħol fl-iskejjel u istituti edukattivi u kif dawn l-istituzzjonijiet qegħdin jonoraw l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-impjegati b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ma jimpjegax ħaddiema fuq bażi ta’ skola skola.
Il-gvern qiegħed iħares li josserva l-liġi tal-kwota fuq bażi tas-settur pubbliku u dan ikun jirrifletti l-ħsieb maqbul mal-imsieħba soċjali.
Direttorati tal-Edukazzjoni – xogħlijiet fl-ewwel sular
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ manutenzjoni qiegħed isir fl-ewwel sular fil-bini tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Jista’ jgħid meta dan ix-xogħol mistenni jkun lest u jista’ jagħti informazzjoni wkoll dwar x’użu se jsir minn dan l-ispazju meta x-xogħol ikun mitmum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel sular tal-bini tad-Direttorati tal-Edukazzjoni qed isir xogħol fl-ispazji komuni ta’ tisbiħ, tibdil tal-art, tas-suffett, tad-dawl, tal-arja kundizzjonata ġdida, fire alarm detection ġdida, sistema tal-internet u tat-telefonija. Dan l-ispazju komuni ser jinkludi wkoll punti ta’ sigurtà, reception point ġdida, u soft furniture ukoll. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest bejn Mejju/Ġunju ta' din is-sena.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi fil-mistoqsija, id-ditta tal-Avukati li d-dettalji dwarha ngħataw separatament irċeviet żewġ pagamenti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, wieħed ta’ €1,180 fl-2010, għal servizzi legali, u ieħor ta’ €3,968.98 minn fondi Ewropej (ESF 3.64), fl-2012. Fis-sena 2007 l-Università ta’ Malta ingħatat permezz ta’ kwotazzjonijiet, konsulenza legali mid-ditta tal-Avukati msemmija. Għal din il-konsulenza sar ħlas ta’ €1,000. Infurmat ukoll li fl-2010 il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ kienet talbet permezz ta’ direct order is-servizzi legali tad-ditta indikata b’konnessjoni ma’ appell fuq tender. Għal dan is-servizz kien sar pagament ta’ €1,722.40.
Child Care Centres – kontijiet mibgħuta lill-ġenituri
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont totali ta’ kontijiet li ntbagħtu lill-ġenituri li għandhom tfal jattendu Child Care Centres? Kemm kien il-kont individwali li rċevew il-ġenituri, f’kull każ, u dan f’ewros? Minn liema lokalitajiet huma dawk li rċevew tali kontijiet, u kemm ġejjin minn kull lokalità differenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet dovuti mill-ġenituri huma lejn iċ-Child Care Centres. Għaldaqstant il-kontijiet jinħarġu mill-istess Child Care Centres u mhux mid-dipartiment. Ghalhekk id-dipartiment mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Skejjel – parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skola pparteċipat fi proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea f’din l-aħħar sena? Jista’ jindika, l-iskejjel u t-tip u t-titolu tal-proġetti u kemm ħadu sehem studenti u l-età tagħhom? Jista’ jindika kemm ħadu sehem għalliema u membri mis-senior management team? Jista’ jindika kemm kien l-ammont ta’ fondi li ħadet kull skola biex twettaq dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 23433 - Skejjel - parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati minn fondi tal-UE.xlsx
Studenti li pparteċipaw fi vjaġġi barra mill-pajjiż organizzat mill-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il gruppi ta’ studenti pparteċipaw fi vjaġġi barra mill-pajjiż organizzat mill-iskola jew bħala parti mill-istudju tagħhom fl-iskola matul is-sena akkademika li għaddiet u dik kurrenti? Kemm minn dawn ma kenux parti minn proġett ffinanzjati jew kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jindika l-iskejjel, l-età tal-istudenti u l-pajjiżi li żaru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Attachments:PQ 23434 - Studenti li pparteċipaw fi vjaġġi barra l-pajjiż.doc
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħarġa kulturali ġiet organizzata s’issa fl-Iskejjel Primarji għas-sena akkademika kurrenti? Jista’ jindika liema skola organizzat dawn il-ħarġiet, l-età tal-istudenti li pparteċipaw, it-tip ta’ attività, u jekk it-tfal intalbu jħallsu, x’kien l-ammont?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Skejjel pubbliċi – studenti reġistrati bħala non native speakers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati fl-iskejjel pubbliċi li jista’ jiġu definiti bħala non native speakers? Jista’ jindika n-nazzjonalità ta’ dawn it-tfal, kemm hemm subien u bniet, u l-età tagħhom meta ġew reġistrati? Jista’ jindika xi programmi qed isiru sabiex jgħinuhom jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż u kif huma u l-familji tagħhom qed jiġu megħjuna sabiex jintegraw fl-ambjent tal-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika jekk bil-frażi non native speakers hux qiegħed jirreferi għal tfal li la jafu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, u dan peress li sussegwentement fl-aħħar parti tal-mistoqsija isemmi speċifikament dawn iż-żewġ lingwi.