Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkomplu jitwaħħlu fanali fi Triq De Paule, Balzan/Attard, fuq il-bankini lli ġew pavimentati mill-ġdid f'dawn l-aħħar ġimgħat, u kif kien hemm propost li jsir qabel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li iva, fi Triq de Paule Avenue Balzan/Attard ser jitwaħħlu arbli komplimentari għal dawk li saru qabel fl-ewwel fażi ta' dan il-proġett. (L-arbli ġew ordnati mingħand id-Dipartiment għall-Manifattura u Servizzi).
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nies mid-dipartiment ta' l-ambjent, qed jieħdu l-papri li hemm fil-Magħluq, Wied il-Għajn? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'qed isir minnhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Magħluq ta' Marsascala hu riserva naturali ta' valur ekoloġiku, rikreattiv u edukattiv.
Sfortunatament matul dawn l-aħħar snin, f'dan il-post intefa' kull xorta ta' skart. Barra minn hekk, għadd ta' papri ġew abbandunati f'dan il-post minn persuni mhux magħrufa. Biż-żmien, dawn il-papri żdiedu tant li barra li komplew iħammġu l-post, kienu sau wkoll ta' theddida għas-saħħa pubblika kif ukoll ta' dannu għall-ekoloġija tal-post.
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent beda xogħol ta' tindif biex dan il-post jerġa' jkun attrazzjoni għar-residenti u għal dawk li jżuru Marsascala.
It-teħid tal-papri hu parti mix-xogħol ta' tindif li qed isir fil-Magħluq.
Il-papri li jitneħħew mill-Magħluq qegħdin jittieħdu f'razzett taħt is-sorveljanza tad-dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir issa li jidher li ma ntlaħaqx ftehim bejn il-consortia u t-Tarzna dwar il-Baċir Nru. 1?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istess Kunsill tat-Tarzna qed jesplora alternattivi oħra ta' żvilupp ta' l-area tal-Baċir Numru 1 b'mod li dan l-iżvilupp ikun kompatibbli mal-kumplament tax-xatt tal-Kottonera u fl-istess ħin ikollu introjtu adekwat għat-Tarzna.
Bi ħsiebni fi żmien qasir ikolli laqgħa oħra maċ-Chairman tal-Kunsill tat-Tarzna biex niddiskutu dawn l-iżviluppi.
Jista' l-Ministru jserraħ ras il-Kumitat Regatta, Bormla u l-partitarji li l-club tagħhom mhux se jittieħed minn wieħed mill-consortia nvolut fil-proġett tal-Cottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-club tar-Regatta, Bormla mhuwiex parti mill-art li ġiet mgħoddija lill-Consortia nvoluti fil-proġett tal-Kottonera. Dan ma jipprekludix lill-Kumitat ta' dan l-istess Club li jagħmel dawk id-diskussjonijiet li jkun jixtieq jagħmel mal-Consortia biex jara jridx volontarjament jilħaq ftehim ma' l-istess Consortia li xorta pero' jrid jissalvagwardja illi l-Club ikollu l-faċilitajiet li jħoss li għandu bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti bini ġdid li qed isir wara ta' Villa Bighi, "l-MCR", fil-Kalkara?
X'inhu n-numru tal-permess mill-Planning Authority?
Min hu l-kuntrattur?
Min hu l-perit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus meta ġie rranġat l-East Wing Old Naval Hospital ta' Bighi, il-Kalkara fl-ewwel fażi ta' restawr taċ-ċentru?
Minn min sar ix-xogħol?
Min kien il-perit?
Kemm tħallas il-kuntrattur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-ħitan kollha ta' l-East Wing Old Naval Hospital, Bighi, il-Kalkara, l-MCR, li nfetaħ fit-3 ta' Mejju, 2000 qed jinbarax mill-ġdid?
Min kien kesa l-ħitan qabel il-ftuħ?
Min qed jagħmel ix-xogħol issa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jiġi nforzat ħajt tat-triq li dettalji dwarha qed jidhru separatament, peress li jmissu ma' l-oqbra ta' Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Paola, u li l-inkwilini ma jistgħux imissuh minħabba l-valur storiku tiegħu? Jistgħu ħaddiema tad-dipartiment jieħdu l-azzjoni meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17791 (Seduta 341).
Jista' l-Ministru jgħin f'xogħol ta' restawr li hemm bżonn li jsir fil-Ġnien tal-Kmandant fiż-Żejtun u dan wra li l-Kunsill Lokali diġa' kiseb il-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara li kien tlesta rapport fuq il-ħtiġijiet ta' l-istess ġnien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-policy tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent hi li ma tidħolx għal xogħol li jkun diġa' ġie ppreparat minn perit privat, u dan minħabba raġunijiet t'etika professjonali. Mill-banda l-oħra, l-istess Taqsima, li għandha fi ħdanha periti speċjalizzati fir-Restawr, dejjem għamlet l-aħjar biex tirrispondi għall-esiġenzi ta' restawr ta' diversi Kunsilli bi proċess sħiħ ta' preparazzjoni ta' rapporti u pjanti kif ukoll eżekuzzjoni ta' xogħol li jkun riċerkat mill-istess taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema għall-ambjent nadif jaħdmu fuq centre strips u xogħol ieħor, bħal qtugħ ta' ħaxix, f'toroq ewlenin fil-ħinijiet li jkun hemm l-aktar traffiku? Ma tistax tinstab sistema fejn isir xogħol f'ħinijiet fejn ma jitħarbatx it-traffiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema tas-Sezzjoni għall-Ambjent Nadif jaħdmu ħinijiet kif ikun il-bżonn. F'toroq arterji u traffikużi bħal ma huma Triq Diċembru Tlettax, Triq Nazzjonali, Triq Aldo Moro, il-Venda tal-Karozzi tal-Linja eċċ, ix-xogħol isir bil-lejl. Fejn ix-xogħol ma jkunx jista' jsir bil-lejl minħabba nuqqas ta' dwal, dan ix-xogħol ikollu jsir bi nhar.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-miżbliet approvati f'Malta u Għawdex? Matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, x'kien l-ammont ta' materjal li ntefa' f'kull miżbla? Kemm f'kull każ kien hemm materjal ta' kostruzzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ammont ta' materjal li ġie depożitat f'dawn il-lokalitajiet fil-perjodu bejn Jannar u Ġunju 2000 kien jammonta għal 724,750 tunellata f'Malta, fil-waqt li dak ta' Għawdex huwa stmat li jammonta għal madwar 53,000 tunellata.
L-ammont ta' materjal ta' kostruzzjoni li daħal fil-miżbla tal-Magħtab kien ta' 622,633 tunellata. Fil-miżbla tal-Qortin jidħol ammont żgħir ta' materjal ta' kostruzzjoni biex jitgħatta l-wiċċ ta' l-iskart l-ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar u riċevimenti fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2000 fil-ministeru, dipartimenti u korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li persuni li jkunu fuq il-biċċa magħrufa bħala s-simenta fil-bajja tar-Rinella, u jkunu hemm bil-vetturi tagħhom, intalbu biex ma jmorrux aktar hemm għax ser ikun hemm xogħol ta' kostruzzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm awtoritajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, isitituti u kwalunkwe organizzazzjonijiet oħra kważi non-governmental li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid kull entita' meta ġiet imwaqqfa?
Jista' jgħid x'salarji u fringe benefits li jieħdu f'kull każ iċ-chairpersons u d-diretturi ta' kull entita'?
Jista' jgħid kemm minn dawn iċ-chairpersons u diretturi kienu mpjegati fiċ-ċivil qabel ma marru ma' dawn l-entitajiet u f'liema grad kienu l-aħħar?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti barranin li qed jagħtu servizz lill-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista' jgħid x'salarji u x'kondizzjonijiet għandhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus il-ftehim li sar s'issa ma' l-inkwilini li tneħħew minn Manoel Island u Tigne' Point, kull ftehim separatament?
Kemm għad fadal inkwilini li jrid jilħqu ftehim magħhom qabel ma jkun jista' jibda l-proġett?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16974?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat ta' Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta ddeċieda li ma jagħmilx business plan ta' tlett snin sakemm jipprepara master plan li qed jaħdem fuqu. Madankollu għas-sena d-dieħla l-ħidma se tikkonċentra fuq pavimentazzjoni ta' Pjazza San Ġwann u parti minn Triq San Ġwann, kif ukoll Triq il-Karrijiet, kif ukoll kontinwazzjoni ta' restawr fil-Knisja tal-Ġiżwiti. Għar-rigward tal-Floriana l-ħidma se tkun konċentrata fuq il-ġnien tal-Mall u l-parti tas-swar li tagħti għal fuq il-Port il-Kbir.