Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skejjel tal-gvern, indipendenti u tal-knisja li huma b'xi mod skedati minħabba l-wirt storiku u/jew arkitettoniku jew għal xi raġuni oħra? Liema huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-iskejjel skedati f'Malta u Għawdex huma dawn li ġejjin: -
Oriġinarjament mibnijin bħala skejjel:
1. L-iskola tal-Gvern ta' Tas-Sliema li qegħda fil-blokk iffurmat minn Triq Depiro, Triq Nicolo' Isouard, Triq Blanche Huber u Triq Melita bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha.
2. L-iskola tal-Gvern ta' Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha.
3. L-iskola u l-kwartieri ġenerali fi Triq id-Difiża Ċivili, l-Mosta, bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur kuntestwali tagħha.
Oriġinarjament mibnijin bħala djar jew barracks:
1. Alcazar Skola ta' Sbuħija (li issa tifforma parti mill-MCAST) fi Triq Rudolph tas-Sliema bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur arkitettoniku (iddisinjata minn Sir Emm. Luigi Galizia u simili għall-proprjetajiet ta' maġenbha). Din il-binja kienet oriġinarjament dar.
2. Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan, bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur storiku, arkitettoniku u kuntestwali. Orinġinarjament dan il-bini kien Married Quarters Barracks tas-Servizzi Ingliżi.
3. St Andrews Army Children's School fi Triq Sant' Andrija kantuniera ma’ Triq Falaise f'Pembroke bħala ta’ Grad 1 minħabba l-valur storiku u kuntestwali tagħha.
4. Barrack Block A fi Triq Alamein f'Pembroke bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur arkitettoniku, storiku u kuntestwali tagħha.
Jista' il-Minsitru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex xi permess for commercial purposes fl-indirizz hawn fuq indikat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Biex it-tweġiba li tingħata tkun definittivament korretta, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jipprovdi site plan tal-post indikat.
Jista' il-Ministru jgħid xi ftehim kien iffirmat ma' l-Unjoni Ewropea dwar l-insib f'Malta wara s-sena 2008? Jista' jippreżenta kopja lill-Kamra ta' din il-ftehim iffirmat ma' l-Unjoni Ewropea bħala parti mis-sħubija ta' pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-ftehim li kien iffirmat ma’ l-Unjoni Ewropea dwar l-insib jagħmel parti mit-trattat għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim jinkludi l-arranġament speċjali f’sezzjoni ‘D’ dwar il-Protezzjoni tan-Natura b’referenza għal artiklu 5, 8 u Skeda IV tad-Direttiva 79/409/EEC.
Kopja tal-parti rilevanti ta’ dan il-ftehim qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2006 il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent nefaq is-somma ta’ Lm75,023 għal xiri ta’ fuel. Minn dan l-ammont Lm19,531 intużaw għall-mezzi ta’ trasport, filwaqt li l-ammont ta’ Lm55,492 inxtraw għal użu ieħor li mhux konness ma’ trasport.
Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa għall-fuel kienet kif imsemmi hawn taħt:
2004 - Lm 19,747 (transport: Lm13,181; użu ieħor: Lm6,566)
2005 - Lm 49,957 (transport: Lm16,685; użu ieħor: Lm33,272)
L-ispiża għall-fuel ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienet Lm9,061.
Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa għall-fuel kienet kif imsemmi hawn taħt:
2004 - Lm 7,933
2005 - Lm 8,370
L-ispiża għall-fuel tal-kumpanija Wasteserv Malta Ltd fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienet Lm 8,970.
Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa għall-fuel kienet kif imsemmi hawn taħt:
2004 - Lm1,339
2005 - Lm10,904
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom fil-jiem li għaddew l-għolja skart tal-Magħtab kienet qed taqbad regolarment, kif rajt b'għajnejja jien stess meta għaddejt mill-coast road diversi drabi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif kien tħabbar ftit taż-żmien ilu, l-għolja skart tal-Magħtab trid tiġi armata b'sistema ta' pipework biex il-gassijiet li jistgħu joħorġu, jinġabru u jiġu ttrattati. Il-gassijiet it-tajbin jiġu użati biex jiġġeneraw l-enerġija elettrika. Biex l-installazzjoni ta' dawn il-pajpijiet tkun tista` ssir, hemm bżonn li jiġi mibdul l-angolu tal-wiċċ tal-għolja u jinħolqu numru ta' passaġġi minn fejn ikun jista’ jsir l-aċċess. Is-sena l-oħra ingħata kuntratt biex dan ix-xogħol jibda. Bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu. Maċ-ċaqliq tal-materjal jinqala` ammont ta' trab, u jekk dan iċ-ċaqliq isir fejn hemm skart organiku xi drabi ifeġġu n-nirien. Il-kuntrattur għandu l-obbligu li jġib is-sit fi stat stabbli kuljum qabel iħalli l-lant tax-xogħol. Waqt dan ix-xogħol kollu, hemm monitoraġġ kontinwu ta' l-arja biex wieħed ikun attent jekk tinħoloq xi kontaminazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet mixjin b'ritmu tajjeb u dalwaqt inkunu nistgħu nikkonfermaw li dan l-inkonvenjent ikun intemm. Ta’ min ifakkar dejjem li n-nar intern fil-volum ta’ l-iskart għadu għaddej u skond it-tekniċi huwa biss bl-estrazzjoni tal-gassijiet li wieħed se jkun jista’ jnaqqas il-qawwa tan-nirien.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-esperti li qed jagħtuh parir rigward ir-regolazzjonijiet għas-santwarji ta' l-annimali, meta kienu appuntati u x'inhi l-brief tagħhom? Kif beħsiebu jinforza r-regolamenti u x'beħsiebu jagħmel b'dawk il-klieb li qegħdin f'santwarji li ma jistgħux jaffordjaw li jidħlu fir-regolazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2002 inħatar il-Kunsill għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali skond ir-regoli msemmija fl-Att għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali ta’ l-2001.
F’Settembru 2004, dan il-kunsill kien waqqaf sotto-kumitat għas-santwarji ta’ l-annimali li fih kien hemm uffiċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u l-Attività Veterinarja, nies minn organizazzjonijiet mhux governattivi u esperti mir-Renju Unit. L-għan ta' dan is-sotto-kumitat kien biex iħejji liġi/liġijiet biex iħarsu u jipproteġu s-saħħa tal-klieb u l-qtates li jinsabu ġos-santwarji.
L-Att Legali li qed jitħejja dwar iż-żamma tal-klieb u l-qtates f'santwarji, li jaqa' taħt l-Att għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali (Animal Welfare Act), għandu jkun il-liġi li tinforza dawn ir-regoli. Kif din il-liġi tiġi fis-seħħ, tkun ir-responsabbiltà ta' min ikun qed imexxi dawn is-santwarji li jiżgura li l-klieb u l-qtates miżmumin fihom ikunu qegħdin jiġu mħarsa b'mod xieraq.
Sadanitant qed jitħejja pjan t'azzjoni biex jindirizza din il-problema taż-żamma tal-klieb u l-qtates.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskema l-ġdida ta' l-irranġar tal-gallariji tinkludix ukoll mill-ġdid lil Belt Valletta jew din id-darba se tkun limitata għal dawk il-lokalitajiet imsemmija biss?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-iskema għar-restawr tal-gallariji ta' l-injam ta’ l-2006 inħarġet fuq il-lokalitajiet taż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex. Minbarra dawn il-lokalitajiet, l-iskema tapplika ukoll għal proprjetajiet skedati li għandhom gallarija ta' l-injam fil-lokalitajiet kollha l-oħra ta' Malta u Għawdex. Fis-snin ta' qabel, l-istess skema kienet inħarġet darbtejn fuq il-Belt Valletta u l-Furjana, tliet darbiet fuq il-Kottonera, kif ukoll darba fuq NGOs u clubs f'Malta u f’Għawdex kollha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA u/jew id-dipartiment ta' l-ambjent ħarġitx permess biex isir rave party f'Paradise Bay fl-4 ta' Ġunju li ġej, meta diversi għasafar protetti inkluż il-merill ikun qed ibejjet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma ħarġet l-ebda permess dwar l-attività imsemmija.
Billi qed isir bejgħ ta' laħam ta' annimali maqbuda bis-sistema tal-Ħalal, jista' il-Ministru jgħid fejn qed isir dan, jekk dan hux isir bil-permess tal-gvern u jekk imurx kontra l-liġi li tipproteġi l-annimali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Att Legali 260 tal-2003, dwar il-Protezzjoni ta' Annimali waqt it-Tbiċċir jew il-Qatla, meħud mill-Att dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali (Att. Nru tal-2001), fit-Tieni Kapitolu, Artiklu 6 (2), jagħti permess għal metodi partikulari ta' qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, f'dan il-każ il-metodu Ħalal. Il-kundizzjonijiet meħtieġa fejn annimal jinqatel bil-metodu Ħalal jinvolvi kriterji li huma identiċi għal qatla regolari barra l-fatt li l-annimal jiġi maqtul mingħajr l-istordiment, li huwa neċessarju fil-qatla regolari, u jrid isir minn persuna kompetenti.
Bejgħ ta' laħam ta' annimali maqtula bis-sistema tal-Ħalal qed isir. Dan il-laħam jiġi importat minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minn stabbilimenti approvati mill-Unjoni Ewropea. Malta ukoll hawn stabbilimenti approvati u liċenzjati biex tintuża din is-sistema.
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-ispiża għas-safar, għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kienet ta’ Lm62,138.36. Lm25,041.87 minn dawn huma rifużi mill-Unjoni Ewropea.
L-ispiża għas-safar, għall-istess perjodu, tal-kumpanija Wasteserv Malta Ltd kienet tammonta għal Lm 8,423.58 u dik ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet tammonta għal Lm 19,060. Dawn iż-żewġ ammonti huma netti wara li ġie mnaqqas l-ammont rifuż mill-Unjoni Ewropea.
Bħala turija ta’ trasparenza jista’ l-gvern jippubblika lista sħiħa u komprensiva tal-benefiċjarji kollha tal-lokalitajiet konċernati li sejrin jibbenefikaw mit-tibdiliet proposti għaż-żoni ta’ żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma għandhiex lista ta' l-individwi kollha interessati li ġew magħduda bħala li kkwalifikaw fl-imsemmi eżercizzju li jinsab għall-konsultazzjoni pubblika.
Dan minħabba dawn ir-raġunijiet:
a) min kiteb mhux dejjem identifika ruħu jew anki mhux b’mod komplet jew formali;
b) f'numru konsiderevoli ta' każi, kiteb il-perit mingħajr ma identifika għan-nom ta' min kien qed jikteb;
ċ) f'każi fejn l-individwu identifika ruħu, mhux bilfors li llum il-ġurnata għadu s-sid jew il-benefiċjarju tal-propjetà konċernata;
d) kien hemm diversi każi fejn għalkemm it-talba saret minn persuna waħda, wara rriżulta li din tolqot diversi persuni;
e) m'huwiex komuni li l- Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tagħmel riċerki fuq benefiċjari ta' xi biċċa propjetà, u ma għandha l-ebda database maħsuba għal dan il-għan.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ir-rampa li hemm fil-port ta' l-Imġarr u li tagħti għall-vapur, liema rampa tintuża kemm mill-vetturi kif ukoll minn nies, hijiex konformi ma l-istandards ta' NCPD għal persuni b'diżabilita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk katusa tal-plastic ta' xi sitt pulzieri dijametru li hemm mirduma friska taħt is-simenta li hemm mal-baħar eżatt taħt il-Qawra Palace Hotel u li tiżbokka fil-baħar għandhiex il-permessi meħtieġa tal-MEPA? Jekk iva, jista' jgħid x'kien in-numru ta' dan il-permess u meta ġie approvat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Mill-informazzjoni li ngħatat f’din il-mistoqsija parlamentari, ma jidhirx li l-uffiċċju tad-Development Notification Order (DNO) ħareg xi permess għax-xogħol imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-green wardens s'issa? Kemm ingħataw fl-area ta' Paceville, fl-area tal-junior college, fejn ingħataw l-oħrajn u x'kien l-abbuż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Iskart ġewwa siti rurali. Is-siti msemmija f'din il-Mistoqsija Parlamentari huma urbani, u għalhekk ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità ta’ dan il-Ministeru imma taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn fish farms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kkakulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor, qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fish farms?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ammontat l-għajnuna li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u produtturi tal-majjal u lis-sajjieda kull sena fl-aħħar sentejn u cioe' fl-2004 u fl-2005? Għal liema skop ngħatat din l-għajnuna u kemm minnha ġiet mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari hawn fuq imsemmija.
L-ammont ta’ għajnuna li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u produtturi tal-majjali u lis-sajjieda kull sena fl-aħħar sentejn u cioe’ fl-2004 u fl-2005 huwa kif ġej:
Għajnuna minn Fondi Pubbliċi fit-2004: Lm 6,153,609.67
Għajnuna mill-Fondi ta’ l-Unjoni Ewropea fit-2004 : Lm 606,099.61
Għajnuna minn Fondi Pubbliċi fit-2005 : Lm 9,391,193.87
Għajnuna mill-Fondi ta’ l-Unjoni Ewropea fit-2005: Lm 2,404,586.82
Aktar dettalji dwar l-għajnuniet li ngħataw jinsabu fit-tabella annessa.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pagamenti tal-paying agency? Meta se jsir il-ħlas dovut għall-bdiewa u meta sar l-aħħar pagament rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Aġenzija tal-Pagamenti effettwat dawn il-pagamenti:
Data
Skema ta’Għajnuna
LM
18/01/2006
Prodotti għall-persuni żvantaġġjati
45,583.47
25/01/2006
Qmuħ, ċerejali u mgħalef ieħor
49,405.53
25/01/2006
Żoni żvantaġġjati
855,692.44
25/01/2006
Żriegħ tal-patata
67,627.25
25/01/2006
Raba’ mistrieħ
8,569.89
28/01/2006
Taħwil tad-dwieli
22,077.43
28/01/2006
Tadam għall-Ipproċessar
542,563.07
Huwa ppjanat li fil-futur qarib jiġu ffinalizzati pagamenti lill-bdiewa rreġistrati full-time, għajnuna fuq restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u ta’ lqugħ, għajnuna addizzjonali fuq id-dwieli, għajnuna fuq l-għoġġiela u fuq l-qatla taċ-ċanga, u għajnuna għall-produtturi tal-ħalib.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 18664, jista' il-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma liIl-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni kienet kif jidher hawn taħt:
Malta
Għawdex
2003
931,504 rjus
2,206,769 kili
219, 909 rjus
512,910 kili
2004
902,866 ras
2,020,978 kili
256,079 ras
572,169 kili
2005
578,842 ras
1,261,274 kili
113,035 ras
276,180 kili
Ma kenitx tinżamm statistika qabel dawn id-dati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm/jew hemm matul l-2005 sal-lum applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini ta' grounds tal-football? F'liema lokalita' huma u f'liema stadju waslet l-applikazzjoni f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex traffic count survey ta' Marina Street, St Anthony Street, il-bypass u Triq Wied il-Għajn? X'kien ir-riżultat ta' tali survey?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista' l-Onorevoli Interpellant jindika f’liema lokalità jinsabu dawn it-toroq?