Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-plots (in-numru tal-plots) ta' art fi Triq id-Dragun, Ħal Qormi u t-toroq ta' biswit li ġew mogħtija mill-gvern biex jinbew id-djar u li sal-lum l-art għadha ma ġietx akkwistata mill-gvern?
Jista' jgħid x'inhuwa t-titolu legali ta' dawn il-familji li kienu ngħataw dawn il-plots madwar 25 sena ilu u sal-lum għadhom fuq konvenju?
Jista' jgħid x'inhuma l-implikazzjonijiet legali għal dawn il-familji jekk, per eżempju jiġu biex ibiegħu d-dar li bnew fuq din l-art mogħtija mill-gvern u li sal-lum għadha mhijiex akkwistata?
Response (BORG, TONIO)
Infurmat li l-plots f'Ħal Qormi li ġew mogħtija mill-Gvern biex jinbnew djar fit-toroq li għamlet referenza għalihom l-Onorevoli Interpellanti, u li għadhom fil-proċess ta' esproprju huma plots 91 sa 102 fi Triq ir-Rignu, 103 sa 109 fi Triq id-Dragun, 110 sa 117 fi Triq il-Plejju, 118 sa 125 fi Triq is-Sagħtar u 126 sa 134 fi Triq ir-Rignu ukoll.
L-għotja ta' dawn il-plots sabiex jinbnew djar kien proċess immexxi mill-Awtorita' tad-Djar. Peress li l-proċess ta' esproprju tal-art in kwistjoni għadu mhux iffinalizzat dawn il-plots ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar sabiex din tkun tista' tiffinalizza kuntratt ta' ċens favur il-benefiċċjarji, li minflok għandhom konvenju mal-istess Awtorita'. Dwar l-implikazzjonijiet legali f'każ li jkun ser isir xi trasferiment, l-Onorevoli Interpellanti hija mitluba tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali li huwa responsabbli mill-imsemmija Awtorita'.
Nieħu pjaċir ninnota li bis-saħħa ta' l-emendi li saru għall-Kap 88 li ġew fis-seħħ fl-2003, 47 plot f'Ħal Qormi saru proprjeta' tal-Gvern u b'hekk setgħu jiġu trasferiti lill-benefiċċjarji li kienu fuq konvenju, wara li l-istess plots ġew trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar.
B'riferenza għall-aħħar parti tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22468, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar il-ħanut imsemmi f'Birżebbuġa peress li għadhom qed jasluli l-ilmenti dwar l-inkonvenjent kbir ta' storbju li jikkaġuna lill-ġirien li qed jgħixu f'sitwazzjoni intollerabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kif diġa' spjegajt, kull meta irriżulta illi kien hemm xi ksur tar-regolamenti fil-ħanut imsemmi, il-Pulizija ħadet passi u nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.
Ġaladarba l-Kappara diġa' għandu kważi 2,000 votant, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jingħata status ta' hamlet jew kunsill fuq bażi ta' diversita' totali ta' bżonnijiet tar-residenti tal-Kappara ma' dawk ta' San Ġwann? Fil-każ affermattiv, liema huma l-passi li għandhom jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kappara diġa' għandu status ta' hamlet u fil-fatt qiegħed imniżżel fil-lista ta' hamlets li tinsab fid-Disa' Skeda ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi mill-pulizija kontra sidien tat-trakkijiet li qegħdin spiss jużaw il-parking space tar-residenti tas-Swatar, kemm fi Triq Mons Arturo Bonnici kif ukoll fi Triq Balliju Guttenberg?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemm ebda restrizzjoni dwar il-parkeġġ ta' vetturi fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija, ma irriżultax li kien hemm xi vetturi ipparkjati irregolarment.
Minħabba l-istat pjetus ta' ġnien G.M. Camilleri fil-Kappara li jidher li huwa mitluq għal kollox mill-kunsill lokali, jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk jistax iżomm il-flus allokati lill-kunsill ta' dan il-ġnien u jinħareġ tender ieħor, biex dan il-ġnien ikun verament ġnien, u r-residenti ta' l-inħawi jistgħu jgawdu forma ta' ġnien?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jirrispondi mistoqsija parlamentari tiegħi 22564 u cioe' jistax jikkonsidra li l-biċċa art żdingata u abbandunata li hemm biswit il-flats tal-gvern fi block V, Luqa Road, Tarxien biswit it-telgħa taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata ssir car park, peress li faċilment joqogħdu għaxar vetturi u b'hekk ikunu moqdija aħjar ir-residenti ta' blocks 4 u 5 u fl-istess waqt ma tibqax mhux użata? Għal kull bon fini il-file number tal-lands department huwa L592/90.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda talba mill-Kunsill li fil-konfini tiegħu tinsab din l-art għal devoluzzjoni sabiex tiġi żviluppata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jew jagħti lista ta' oġġetti rrapportati mitlufa u misjuba u mogħtija f'idejn il-pulizija din is-sena? X'isir mill-oġġetti li ma jinġabrux?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-oġġetti misjuba u ikkonsenjati lill-Pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll illi f'każ fejn is-sid ma jkunx magħruf tkun segwita il-proċedura skond ma jipprovdi l-artikolu 564 ta' Kap 16 tal-Liġijiet ta' Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21831 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jilqa' għall-prattika kulturali li teżisti fil-pajjiżi ta' Lvant ta' l-Afrika, i.e. fosthom Somalia, Etiopia, Eritrea u Sudan, jiġifieri l-female genital mutilation, f'każ li dan jibda iseħħ f'Malta?
Jista' jgħid jekk qattx kien hemm xi każ li ġie rrapportat?
Qiegħed jippjana l-gvern leġislazzjoni bħal kif għamlu Franza, l-Isvizzera, l-Isvezja, l-Ingilterra u l-Iskozja biex iqiegħed il-female genital mutilation fil-kodiċi kriminali Maltija bħala reat?
Response (BORG, TONIO)
Huwa diġa' reat kriminali li wieħed jagħmel mutilazzjoni ġenitali tat-tip imsemmi mill-Onor. Interpellant, għalkemm ma jeżistix reat speċifiku fuq hekk; iżda dil-mutilazzjoni taqa' taħt ir-reat ta' offiża fuq il-persuna.
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant li jkun hemm reat speċifiku jiġi kunsidrat.
Qatt ma ġie rapportat lill-Pulizija xi reat ta' dan it-tip.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li l-kunsill ta' Raħal Ġdid għandu 12-il impjegat? Jekk fl-affermattiv, dan huwa eċċess kif tipprovdi l-liġi? Veru li s-sindku ta' Raħal Ġdid siefer iċ-Ċina u l-passaġġ tħallas minn fondi tal-kunsill? X'kien l-iskop tas-safra?
Minnu li l-kunsill jippreżenta skeda ta' ħlasijiet erba' jew ħames xhur wara li jkun sar il-ħlas? Waħda minn dawn il-ħlasijiet kienet għal avukat tal-kunsill li ismu qed jintbagħat separament, li kien ta' bejn Lm300 u Lm500. Il-kunsill jista' isejjaħ laqgħat mil-lum għal-lum? Jekk dawn huma fl-affermattiv, x'passi ħa d-dipartiment tal-kunsill lokali kontra dan il-kunsill li diġa' kien avżat b'dawn il-każi?
Response (BORG, TONIO)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Veru li l-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa baqa' għaddej b'xogħlijiet fl-area ta' Ħal Farruġ meta dan qiegħed jiġi nvestigat mid-dipartiment tal-kunsilli lokali? Jekk dan hu veru, x'passi ħa d-dipartiment? Huwa veru li kunsilliera Nazzjonalista fil-lokal tneħħewlu r-responsabbiltajiet tiegħu u dan ġie mċaħħad milli jagħmel xogħlu skond il-ġurament tal-ħatra tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Veru li l-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa għax-xhur ta' Awissu, Settembru u Ottubru ma żammx laqgħat uffiċjali tal-kunsill? Dan huwa ksur tal-liġi? Peress li l-post ta' segretarju tal-kunsill għadu vakant wara ħames xhur, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jimtela' dan il-post? Veru li l-uffiċċju tal-kunsill jinżamm magħluq għal ġranet jekk mhux ġimgħat sħaħ? Hemm xi irregolarita' ta finanzi hekk kif jidhru fl-accounts awditjati u anke mill-awditur tal-gvern? X'passi ħa d-dipartiment kontra dan il-kunsill fuq dawn is-sitwazzjonijiet li żgur mhux servizz għal poplu ta' l-Imtarfa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa minnu li għax-xhur ta’ Awissu, Settembru u Ottubru ma saritx il-laqgħa tal-Kunsill għalkemm debitament mgħajta u dan kien dovut għax ma kienx hemm quorum . Il-liġi tal-Kunsilli Lokali tipprovdi li l-laqgħat tal-Kunsill isiru mill-inqas darba fix-xahar u għalhekk il-fatt li ma sarux laqgħat fil-perjodu msemmi, jikkostitwixxi ksur ta’ dan l-artiklu. Minkejja dan, l-istess liġi tesiġi li sabiex laqgħa tista’ tibda jew titkompla irid ikun hemm quorum.
Il-post tas-Segretarju Eżekuttiv ta’ l-istess Kunsill m’huwiex vakanti. Iżda s-Segretarju Eżekuttiv ilu biċ-ċertifikat tal-mard minn Marzu 2006 u meta kien jidher li is-sick leave tiegħu kien ser jieħu fit-tul, ġie maħtur aġent Segretarju Eżekuttiv li hu wkoll Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali ieħor.
Il-Kunsill Lokali sussegwentament talab li jiġi tterminat il-kuntratt tas-Segretarju Eżekuttiv abbażi tal-fatt li l-Kunsill spiċċa s-sena finanzjarja tiegħu b’deficit fil-working capital, apparti l-fatt li jidher li s-sick leave ser jieħu fit-tul. Qabel tittieħed deċiżjoni finali, irid jiġi assigurat li ma jiġi mittiefes l-ebda dritt tas-Segretarju Eżekuttiv.
Id-Dipartiment qiegħed jissorvelja kontinwament lil dan il-Kunsill fl-operat kollu tiegħu bil-għan li minkejja d-diffikultajiet kbar amministrattivi, dan ikompli jiffunzjona. Peress li l-uniku skrivana tal-Kunsill irriżenjat ukoll, il-Kunsill qiegħed jinfetaħ kuljum mis-Sindku nnifisha kemm filgħdou kif ukoll wara nofs in-nhar. Fil-fatt dalwaqt ser isiru l-intervisti għall-mili tal-post ta’ skrivan/a.
Il-Kunsill Lokali ta’ l-Imtarfa kien wieħed minn erba’ Kunsilli Lokali li spiċċa s-sena finanzjarja 2005/2006 b’deficit fil-working capital. Id-Dipartiment kien ta struzzjonijiet lill-aġent Segretarju Eżekuttiv biex jagħmel Cash Flow Projections ta’ kif il-Kunsill kien beħsiebu joħroġ minn dan id-deficit u, mill-moniteraġġ tal-finanzi tal-Kunsill jidher li l-Kunsill qed iżomm ma’ dawn il-Cash Flow Projections, u fil-fatt naqqas id-debiti li kellu b’mod sostanzjali.
Id-Dipartiment għadu jsegwi l-operat ta’ dan il-Kunsill u hu ittamat li malli jiġi ngaġġat l-iskrivan/a u tiġi riżolta l-kwestjoni tas-Segretarju Eżekuttiv, il-Kunsill ikun jista’ jopera b’aktar impenn għas-servizz tal-poplu ta’ l-Imtarfa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li ma bagħtux kopji tal-minuti lil dipartiment tal-kunsill lokali f'dawn l-aħħar disgħa xhur? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-kunsilli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsilli li ilhom ma jibgħatu l-minuti tal-laqgħat tagħhom lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali f'dawn l-aħħar disa' xhur huma: Valletta, Rabat (M), Siġġiewi, Għasri, Ta' Xbiex u Żurrieq.
Inżid ngħid li dawn ingħataw żmien sa l-aħħar ta' Diċembru 2006 biex jibgħatuhom u fin-nuqqas ta' dan, ser isir tnaqqis mill-allokazzjoni finanzjarja skond id-disposizzjonijiet ta' l-artiklu 55(3) ta' l-Att dwar Kunsill Lokali (Kap 363).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jaħseb li meta jkun hemm abbużi ta' fondi pubbliċi minn sindki jew kunsilliera, minflok li jitnaqqsu l-fondi għad-detriment tal-lokal kollu jittieħdu passi dixxiplinarji kontra min abbuża personalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Avviż Legali 22 ta' l-2006 li ġie ppublikat wara li kienu saru taħditiet fit-tul ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għall-ewwel darba, daħħal kunċett li jekk xi membru jew xi uffiċjal tal-Kunsill ikun għamel pagament mhux approvat mill-Kunsill, iffroda jew approprija ruħu bla jedd minn fondi jew proprjeta' tal-Kunsill, jew xjentement jew bi traskuraġni naqas milli jiġbor jew jirċievi xi flus, jew naqas li jagħti kont dwarhom, huwa ikun suġġett għal azzjoni legali fejn jinżamm personalment responsabbli għal dan in-nuqqas.
Din l-azzjoni tista' tittieħed meta jkun hemm rapport konklussiv jew mis-Sindku jew Segretarju Eżekuttiv, l-Awditur Ġenerali, Bord maħtur taħt l-Att dwar l-Inkjesti jew xi Bord ieħor magħmul mill-Ministru u wara li ma tingħatax spjegazzjoni xierqa lid-Direttur għall-Gvern Lokali fi żmien stipulat.
Meta jirriżulta b'mod konkrett xi każ kif imsemmi aktar qabel, l-azzjoni li tittieħed tkun waħda kontra l-individwu personalment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22484 u jgħid l-uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni minn kemm ilu li twaqqaf kemm sab każi fejn irriżulta li kien hemm korruzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu twaqqfet il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, hi dehrilha li kien hemm tlett każi fejn irriżultalha li kien hemm provi ta' korruzzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb ġnien G Maria Camilleri fil-Kappara? X'marki tawh id-dipartiment tal-kunsilli lokali? X'passi ttieħdu biex dan il-ġnien jixbah xi forma ta' ġnien?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi Ġnien Ġ Maria Camilleri huwa responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru il-marki li ġab dan il-ġnien fir-rapporti magħmula mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala mhumiex jitħallew isiru fotokopji ta' rikorsi li jkunu ġew preżentati fil-Qorti tal-Familja u li ma jkunux għadhom ġew notifikati lill-kontro-parti? Jista' jgħid minn liema liġi toħroġ din ir-raġuni meta r-rikors li jkun ġie ppreżentat huwa dokument pubbliku u aċċessibbli għall-istess pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala regola ġenerali, l-atti kollha ppreżentati quddiem il-Qrati Maltin fil-kawżi Ċivili, inkluż il-Qorti tal-Familja, huma kollha aċċessibbli għal pubbliku, mingħajr ebda distinzjoni dwar in-natura ta' l-att.
Madanakollu, jista' jagħti l-każ illi tali aċċess ma jkunx possibbli jew minħabba f'ordni tal-Qorti, stante n-natura tal-każ jew inkella minħabba fil-fatt illi l-att ikun barra n-notifika u għalhekk ma jkunx aċċessibbli fil-mument illi jintalab aċċess għalih.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga, b'riferenza għall-applikazzjoni E40/2002/I/7 intavolata mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, x'kienet ir-raġuni li wasslet lid-dipartiment jiddikjara li l-art ma tintużax skond kif stipulat fl-iskema meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jaħdem l-istess raba u jabita fir-razzett li hemm fuq l-istess sit?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet irrifjutatha għaliex ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-Iskema tal-Qbiela li fost affarijiet oħra kienu jipprekludu li jsiru applikazzjonijiet fuq bini li jkun qed jintuża għal skopijiet residenzjali jew mhux agrikoli. Barra minnhekk l-istess applikazzjoni kienet tirkeb b'mod sostanzjali fuq art oħra tal-Gvern li hija mogħtija b'ċens temporanju lil terzi. Il-bqija tal-art ma jidhirx li kienet qed tintuża għal skop agrikolu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk jistax jikkontempla li, fl-okkażjoni ta' l-investitura ta' Arċisqof ġdid għall-Malta u fid-dawl tad-diversi drabi li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien appella l-leġislaturi għall-amnestija lill-priġunieri (anke l-Parlament Taljan), tingħata xi sura ta' amnestija lill-priġunieri f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ma nista' nagħti ebda informazzjoni jew tweġiba għal din id-domanda, peress li kwestjonijiet bħal dawn jiġu deċiżi mill-Kabinett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tittella' filata fl-opramorta fit-terazzin li jinsab retropost għas-sigrieti ta' l-Awli tal-Maġistrati fil-Qrati tal-Ġustizzja, liema terazzin iħares għal fuq Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta u dan billi l-opramorta hija baxxa ħafna u tippreżenta periklu ċar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li qiegħda tittieħed azzjoni mid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja biex meta tiġi approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Ambjent, tittella' filata fl-apramorta fit-terazzin li jinsab retropost għas-sigrieti ta' l-Awli tal-Maġistrati.