Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li d-dipartiment tad-drenaġġ se jibda jifforma parti mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan l-eżerċizzju? Il-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ġew informati b'din il-bidla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Ottubru, 2003 id-Dipartiment tad-Dranaġġ ser jibda jagħmel parti mill-Water Services Corporation. Nikkonferma li l-Unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema ġew infurmati b'din il-bidla.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' ranġar tal-pumping station tad-drenaġġ fil-Marsa li għerqet bl-ilma tax-xita wara l-maltempata li saret?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pumping Station tal-Marsa, li hija l-qalba tas-sistema tad-dranaġġ fin-naħa t'isfel ta' Malta, sarulha diversi ħsarat kemm strutturali kif ukoll fl-impjant propju.
Grazzi għall-ħidma f'waqtha ta' l-uffiċjali u l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dranaġġ, id-Dipartiment kien f'pożizzjoni li jerġa jħaddem il-pompi. Dan pero' ma setax isir mill-ewwel minħabba nuqqas fil-provvista ta' l-elettriku. Immedjatament il-provvista tad-dawl ġiet għan-normal il-pompi reġgħu bdew jaħdmu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdiewa li għandhom raba' fl-inħawi ta' Imtarfa ingħatawx risposta għall-ilment li għamlu ma' l-Awtorita' tar-Riżorsi permezz ta' ittra bid-data 10 ta' Settembru 2003? L-isem ta' l-uffiċjal ma' min għamlu l-ilment qed jintbagħat separatament.
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma waslu l-ebda lmenti minn bdiewa fl-inħawi ta' l-Imtarfa permezz ta' ittra bid-data ta' l-10 ta' Settembru 2003.
Jista' il-Ministru jara li titnaddaf il-bajja ta' Għajn Tuffieħa (Golden Bay) mill-ġebel li fiha peress li huwa ta' inkonvenjent u ta' periklu għas-saħħa tal-Maltin u tat-turisti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'program għandu l-Gvern għal-xogħlijiet ta' restawr fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera huma li jiffinaliżża proġetti diġa' mibdija, partikolarment is-swar tad-daħla u Bieb Sant' Anna, Isla, il-Kappella tas-Salvatur, Kalkara u l-Armerija fil-Birgu. Rigward Bieb Sant' Anna u l-Kappella tas-Salvatur nixtieq ngħid li jinsabu fi stadju avvanzat. F'Bormla qed titkompla l-ħidma madwar il-Bieb ta' Santa Liena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-leakage ta' drenaġġ fil-garaxx tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'għamel u x'qed jagħmel id-dipartiment biex tissolva din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tad-Dranaġġ qatt ma rċieva l-ilment imsemmi. Minkejja dan id-Dipartiment iċċekkja l-main tal-Gvern fi Triq Upper St. Albert u ma nstab l-ebda leakage.
Dipartiment tar-riżorsi u infrastruttura — Kunsilli lokali b'outstanding dues
Question
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali f'Malta u Għawdex li għandhom outstanding dues dovuti lid-dipartiment u kemm huma s-somom dovuti? Liema kunsilli kellhom partijiet mis-somom dovuti waivered mill-ministru preċedenti u kemm kienu s-somom waivered?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-għajnuniet kemm finanzjarji kif ukoll tekniċi li l-Unjoni Ewropea se tagħtina fir-rigward tal-proġett skart u ta' l-engineered landfill? Se tagħtina dawn l-għajnuniet qabel ma nsiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi għajnuniet finanzjarji u tekniċi li l-Unjoni Ewropea ser tgħaddi lil pajjiżna. Bħala fondi pre-accession, Malta diga` gawdiet għajnuna finanzjarja ta' iktar minn 1.9 miljun EURO f'diversi studji u proġetti, bħalma huma:-
Evaluation of Solid Waste Management Proposals, 92,000 Euro
Environment - Strategies for Compliance with Environmental Acquis 200,000 Euro
and other Feasibility Studies,
Analysis and Approximation for Malta in the field of Environmental 200,000 Euro
Legislation,
Establishing Institutional Capacity in the Environment Sector, 1,400,000 Euro
A Solid Waste Management Strategy for the Maltese Islands. 92,000 Euro
Valur Totali 1,984,000 Euro
Fir-rigward tal-proġett skart, l-għajnuna finanzjarja u teknika tikkonsisti f'għajnuna li l-Unjoni se tipprovdi matul il-kumplament ta' din is-sena. Din l-għajnuna tiswa iktar minn 4.2 miljun EURO u tikkonsisti f'għajnuna teknika u fil-proġett tal-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ f'Għawdex.
Technical assistance for the preparation of a project to upgrade the 198,000 Euro
composting plant and the material recycling and recovery facility,
Technical assistance for the support of waste collection services and 179,000 Euro
management,
Technical assistance for the development of implementation systems for 150,000 Euro
producer responsibility directives,
Gozo Sewarage Treatment Plant {Valur totali 7.2 miljun EURO 3,700,000 Euro
(EU Funds: 3.7 miljun EURO, Malta Funds 3.5 miljun EURO)}
Valur Totali 4,227,000 Euro
Fir-rigward ta' l-engineered landfill, l-għajnuna li Malta rċeviet s'issa tikkonsisti f'żewġ żjajjar ta' familjariżżazzjoni, waħda minnhom (li diġa` saret) għall-benefiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Naxxar, fejn żewġ kunsillieri u s-Segretarju Eżekuttiv attendew żjara ta' familjariżżazzjoni dwar l-operat ta' l-engineered landfill, u t-tieni waħda ( li ser issir aktar tard dan ix-xahar) fejn grupp ta' nies tekniċi Maltin minn numru ta' entitajiet governattivi (bħal WasteServ Malta Ltd., Malta Environment and Planning Authority, the University Environment Institute, the Federation of Industries, Ministeru tas-Saħħa u oħrajn) ser iżuru diversi stabbilmenti (inkluż hazardous waste management facility) ġo l-Ingilterra. Tajjeb li nżid ngħid li hemm żjajjar oħrajn ippjanati li ser isiru iktar tard din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi kontribuzzjonijiet mill-familji jew xi tip ta' ħlas biex il-proġett skart u engineered landfill jiffunzjonaw tajjeb?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jiffinanzja dawn il-proġetti mill-voti allokati għal dan il-għan.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1331 u cioe' kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 958 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy rigward skart konsistenti f'terrapien ta' l-industrija tal-kostruzzjoni? Fejn qed jintrema' dan l-iskart illum? Min huma s-soċjetajiet privati li huma nvoluti f'dan il-proċess? Xi ħlasijiet isiru sabiex isir dan ir-rimi? Kien hemm tenders għal dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy rigward skart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni hija li dan l-iskart ma jibqax jintefa' l-Magħtab, iżda jintefa' f'barrieri li m'għadhomx jintużaw għall-iskop oriġinali tagħhom sabiex dawn jiġu rijabilitati għall-użu agrikolu skond il-gwidi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Din il-policy diġa' qed tiġi mplimentata.
Fis-sena 2002, it-taqsima tax-xogħlijiet fi ħdan dan il-Ministeru ħarġet sejħa għal tenders ristretta għal dawk il-konsorzji li kienu ġew shortlisted fi proċess ieħor pubbliku relatat ma' l-Integrated Solid Waste Management Project. Il-kuntratt għall-immaniġġjar ta' l-iskart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni ngħata lill-konsorzju magħmul minn Polidano Brothers Ltd. u Staedtereinigung West Nolting GmbH & Co. Ltd, kumpanija Ġermaniża. It-tariffa għar-rimi ta' dan l-iskart hija Lm1.18ċ kull tunnellata mingħajr VAT.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'inhuma l-vantaġġi li tinbena engineered landfill fl-Għallis l/o Naxxar u mhux fi bnadi oħra ta' Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-fażi preliminarja tal-Environment Impact Assessment (EIA) ħarġu numru ta' vantaġġi, għaliex is-sit ta' l-Għallis ta' ġewwa joffri l-aħjar potenzjal biex jakkomoda dan il-proġett meta mqabbel mas-siti l-oħra li ġew ikkunsidrati. Il-kriterji li fuqhom ġiet ibbażata din id-deċiżjoni jinkludu, fost oħrajn, possibilitajiet aħjar ta' ppjanar, aċċessibilita', impatt ridott fuq il-landscape, fuq agrikoltura, fuq wirt kulturali u saħansitra fuq it-turiżmu għaliex is-sit propost joffri opportunita' biex l-attivita' kollha tkun moħbija viżwalment mis-siti turistiċi.
Apparti minn dan, hemm vantaġġi ta' natura teknika għaliex l-infrastruttura diġa' eżistenti għas-sit tal-Magħtab, tista' tibqa' tiġi utiliżżata. Barra minn hekk, l-infrastruttura l-ġdida toffri vantaġġi oħrajn biex il-miżbla tal-Magħtab tiġi ttrattata fil-futur qrib.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm se jkun il-kobor stmat tal-proġett kollu fil-fażijiet differenti tiegħu, kemm finanzjarjament kif ukoll fl-infrastruttura tiegħu? (engineered landfill fl-Għallis)
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan kollu tal-Gvern fir-rigward tal-fażijiet kollha tal-proġett ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart, kemm dak finanzjarju kif ukoll fl-infrastruttura tiegħu, jinsab elenkat fid-dettal fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart li dan il-Gvern ippubblika fis-sena 2001. L-istima kapitali ta' l-engineered landfills tammonta għal madwar Lm8.5 miljun li huwa stmat li jiġu nvestiti sas-sena 2023.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta huwa maħsub li jinbeda l-proġett skart f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u n-Naxxar? X'metodi se jintużaw biex il-familji jbiddlu l-kultura radikalment fejn jidħlu affarijiet li jikkonċernaw il-waste separation?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'laqgħa li saret mal-Kunsilli Lokali kollha, waqt laqgħa ġenerali ta' l-Eżekuttiv, ġew elenkati d-dettalji kollha f'dak li jirrigwarda l-waste separation. Il-waste separation bdiet f'numru ta' lokalitajiet u hemm pjanijiet biex din tiġi estiża fil-futur qrib.
Il-ħsieb huwa li din tidħol fis-seħħ f'Malta u f'Għawdex sas-sena 2006 bil-għan li nibbenifikaw minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea biex niffinanzjaw dawn il-pjanijiet. Il-metodu inizjali huwa dak tal-bring-in sites fejn membri tal-familja jkunu jistgħu jiddepożitaw l-iskart separat f'kontenituri differenti. Din is-sistema ħadmet b'suċċess fil-lokalitajiet ta' Pembroke u Swieqi. Dan iseħħ bi qbil mal-Kunsill Lokali tal-lokalita'. Il-Ministeru diġa' ħa l-passi meħtieġa biex dan il-proġett jibda jiġi ppjanat u mplimentat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi implimentat il-proġett li kien maħsub qabel l-elezzjoni sabiex il-koperattivi magħmula minn ħaddiema tal-gvern, jiġifieri tal-mastrudaxxi, aluminium, u tas-sinjali tat-toroq ikunu jistgħu jespandu l-operazzjoni tagħhom ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett li qed jirreferi għalih huwa x-xogħlijiet li jridu jsiru fil-ħwienet li qed jintużaw mill-koperattivi biex ikunu jistgħu jtejjbu l-ħidma tagħhom. Ninfurmah ukoll li jien kelli laqgħa ma' dawn il-koperattivi li fiha ġie ddentifikat ix-xogħol li jrid isir. Ninsab infurmat ukoll li diġa' bdiet tittieħed azzjoni biex dawn ix-xogħlijiet jitwettqu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-pavimentar fi pjazza San Gorg propja quddiem il-palazz tal-President peress li issa wara li nqala' l-paviment il-qadim, qiegħed jinġema ħafna trab u ħmieġ?
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' il-Ministru jara li d-dipartiment tas-sanita' jieħu l-passi neċessarji kollha ħalli jitneħħa l-leakage ta' drenaġġ fil-fond nru. 5, Sqaq Marina, nru. 2, Kalkara peress li wara li kont għamilt mistoqsija parlamentari 786 ftit taż-żmien ilu, jirriżulta li din il-problema għadha mhix solvuta kollha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Fir-rigward tat-temporary landfills li hemm propost li jsiru fil-limiti tas-Siġġiewi u l-Qrendi sakemm jiġi żviluppat il-controlled landfill fil-limiti tan-Naxxar, ma jaħsibx il-Ministru li biex jiġu riabilitati dawn il-barrieri kien ikun aħjar li kieku ntużaw għat-tfigħ ta' terrapien?