Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li miż-żewġ Spetturi tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex wieħed minnhom jiġi trasferit lejn Malta biex issa f’Għawdex hemm Spettur tal-Pulizija wieħed biss? Ma jaħsibx il-Ministru li bi Spettur wieħed biex ilaħħaq max-xogħol ta’ Għawdex kollu, mhux biżżejjed?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-trasferiment ta’ spettur stazzjonat Għawdex huwa wieħed temporanju u dan sar minħabba esiġenzi tas-servizz.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — fuel għall-karozza
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa fi fuel għall-karozza uffiċċju tiegħu bħala Ministru kif ukoll għas-second car tiegħu matul l-2015, xahar b'xahar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — grievence unit/board - membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-greviences unit/board li hemm fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid min huma l-membri li hemm fi ħdan dan il-unit/board? Jista' jgħid kemm ilu li twaqqaf dan il-unit/board? Jista' jgħid x'poteri għandu dan il-unit/board u lil min jirrapporta? Jista' jgħid x'deċiżjonijiet ħa s'issa dan il-unit/board u x'kienu r-rimedji li ttieħdu s'issa?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għall-liema bord qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21546 u jgħid jekk hux minnu li l-kuntratt li l-Korp tal-Pulizija kellu rigward il-breathalyzers skada? Jista’ jgħid jekk hux minnu li bħalissa m’hemmx apparat tal-breathalyzers fl-għases madwar Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk hux minnu li bħalissa min jinqabad taħt l-influwenza tax-xorb alkoħoliku, il-pulizija m’għandhiex breathalyzers biex isiru t-testijiet skont il-liġi? Jista’ jikkonferma li ftit tal-ġimgħat ilu, inqabdet persuna taħt l-influwenza tax-xorb u l-pulizija mill-għassa tal-Qawra ma kellhiex breathalyzers biex tagħmel it-test lis-sewwieq tal-karozza?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-kuntratt ta’ kalibrar u manutenzjoni tal-breathalyzers unit li normalment kienu jintużaw mill-Pulizija skada. Minflok dawn il-breathalyzers il-Korp għandu units oħra. Dawn diġa’ qed jiġu wzati. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija jista’ jagħti l-kaz li ġara hekk minħabba li kien zmien ta’ transizzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21386 u 21315 u jgħid jekk hux veru li l-breathalyser units kollha li għandu l-Korp tal-Pulizija huma bil-ħsara? Għaliex illum bdew jinġabru mill-għases?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21746.
San Ġiljan u Tas-Sliema – advertising boards mal-bankini
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21111, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux xi tenders għal dawk l-advertising boards mal-ġnub tal-bankini f’diversi lokalitajiet, fosthom San Ġiljan u Tas-Sliema? Jekk ħarġu tenders, minn min intrebħu? Il-kunsilli għandhom xi sehem minnhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – għoti ta’ kuntratti lil individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew lill-uffiċċju legali tiegħu mill- -entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħti ma għamlux uzu mis-servizz legali tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prattika jew il-policy attwali tal-pulizija meta jiġu f’sitwazzjoni fejn ikunu qegħdin jarrestaw persuna suspettata u għal kwalunkwe raġuni din il-persuna ma tkunx trid tikkollabora u tirreżisti li tkun arrestata? Jekk il-persuna suspettata tirreżisti milli tkun arrestata billi tuża vjolenza jew reżistenza fiżika kontra l-pulizija, il-pulizija jistgħu jużaw vjolenza raġonevoli? Il-pulizija għandhom l-obbligu li jwissu lis-suspettat? Jekk il-persuna arrestata ssofri xi ġrieħi waqt ċirkustanzi bħal dawn, tista’ titlob għal xi rimedju u għand min tista’ tirrikorri? Jekk persuna li hija jew kienet arrestata f’dawn iċ-ċirkostanzi tagħmel allegazzjonijiet foloz fid-dritt jew fil-fatt, minn min tittieħed azzjoni kontriha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi meta ikun hemm lok għall-arrest ta’ persuna u din il-persuna toffri xi tip ta’ reżistenza, il-Pulizija legalment tista’ tuza’ l-forza proporzjonali neċessarja sabiex jiġi affetwat l-arrest. Il-Pulizija m’huma qatt iġġustifikati li juzaw vjolenza imma tista tintuża biss bħala l-aħħar miżura u wara li jkun falla kull tentattiv paċifiku ieħor dik il-forza proporzjonali tiddependi skond iċ-ċirkostanzi f’kull każ. Il-Pulizija għandhom obbligu legali li jinformaw lill-persuna li hu qed jiġi arrestat bir-raġuni ta’ l-arrest u bid-drittijiet l-oħra kollha naxxenti mill-Kodiċi Kriminal u dan għandu jsir b’lingwa li huwa jifhem.
Jekk il-persuna arrestata ssofri xi ġrieħi filwaqt li jkun qed jiġi affetwat l-arrest din tiħalla tara tabib mediku ta’ l-għa¿la tagħha minnufih u jekk huwa jagħżel li ma jeżerċitax dan id-dritt, hija il-prattika tal-Pulizija li ssejjaħ tabib mill-eqreb klinika jew sptar sabiex jezamina/idewwi lill-arrestat. Il-persuna arrestata għandha d-dritt li tirrifjuta li tiġi invistata imma f’tali ċirkostanza ssir dikjarazzjoni f’dan is-sens mill-uffiċjal mediku. Jekk il-persuna arrestata tħossa aggravata bil-mod li mxew bih il-Pulizija fil-ħin ta’ l-arrest u detenzjoni tagħha dan għandu d-dritt ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju.
Jekk mill-investigazzjonijiet interni tal-Pulizja jew mir-rizultati ta’ l-Inkjesta Maġisterjali jekk ikun il-kaz, jirrizulta li kienu saru allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ persuni oħra, inkluz membri tal-Korp, jistgħu jittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront ta’ l-imsemmi persuna. Proceduri kriminali jitmexxew mill-Pulzija Eżekuttiva u dan mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ċivili li l-Pulizija, li jħoss ruħu ingurjat bl-allegazzjoni falza fil-konfront tieghu, jista’ jagħzel li jieħu.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20880, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk id-delitti li kienu kkawżati permezz ta’ arma tan-nar, jekk l-arma tan-nar kenitx irreġistrata/liċenzjata għand il-pulizija jew le?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella t’hawn taħt.
Armi reġistrati mal-Pulizija
8 kazijiet
Armi mhux reġistrati mal-Pulizija
7 kazijiet
Armi li kienu rreġistrati pero misruqin
2 kazijiet
Armi li ma nstabux
25 kaz
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 20257, 20258, 20256 u 20255, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, f’kull wieħed mill-korpi indikati li fil-fatt weġġgħu fuq il-post tax-xogħol tagħhom matul l-2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015 kien hemm total ta’ ħamsa u ħamsin persuna li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Dawn huma mqassmin kif ġej:
Protezzjoni Ċivili – 4 membri
Pulizija – 24 membru
Faċilita` Korretiva ta’ Kordin – 8 membri
Forzi Armati ta’ Malta – 19 il-membru
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — lista ta' bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2690 u jagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Jista’ jgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?
Response (ABELA, CARMELO)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21256, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns li għandhom il-pulizija ta' kemm instabu persuni taħt l-età kif ukoll ta' persuni jpejjpu ġewwa l-istabbilimenti ġewwa Paceville mis-sezzjoni tal-ALE?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li diġà ngħatat għall-mistoqsija numru 21256.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21227, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-konsulent tal-Korp tal-Pulizija, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jkun fil-pussess ta' vettura tal-Korp tal-Pulizija fil-ħinijiet meta ma jkunx fuq xogħol uffiċjali?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li diġa` ngħatat għall-mistoqsija parlamenari 21227.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-suldati li jsuqu l-coaches bin-nies u t-trakkijiet bis-suldati għandhomx liċenza biex isuqu dawn il-vetturi minn Transport Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kif kien isir fil-passat, is-suldati li jsuqu t-trakkijiet u coaches jagħmlu dan wara li jġibu kwalifika speċjalizzata maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta. Reċentement sar ftehim mat-Transport Malta sabiex is-suldati li jagħtu taħriġ fuq sewqan jiġu mħarġa wkoll bħala “driving instructors” mit-Transport Malta.
San Ġiljan – break-ins, serq, hit and run u vandaliżmu ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati rapporti ta’ break-ins, serq, hit and run u kull tip ta’ vandaliżmu ieħor fil-lokalità ta’ San Ġiljan, sena b’sena mill-2008 sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irraportati każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ San Ġiljan fix-xahar ta’ Ottubru 2015 u Novembru 2015 separatament? Jista’ jgħid jekk u kemm minn dawn is-serqiet ġew solvuti mill-pulizija u jekk u kemm tressqu persuni l-Qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul ix-xahar ta` Ottubru ġew rapurtati 146 il-serqa lill-Pulizija ġewwa il-lokalita` ta’ San Giljan, filwaqt li matul ix-xahar ta’ Novembru ġew irrapurtati 116. Min dawn erbgħa każijiet ġew solvuti, li dwarhom tlett persuni diġa tressqu l-Qorti u persuna oħra għad trid titressaq il-Qorti.