Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għammieri – art agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ art agrikola fl-Għammieri? Kemm hemm minnha li qiegħda tinħadem?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ art agrikola li hemm fl-Għammieri tammonta għal 152,443m2 u li barra minn dawn hemm 2,200m2 art taħt serer. Ninfurmah ukoll li l-art kollha tinħadem.

Għammieri — annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bovini, nagħġ, mogħoż, majjal, fniek, tjur u għasafar bħalissa fl-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ġewwa l-Għammieri preżentement hemm bhejjem u tajr hekk kif murija fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Apiary — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attività hemm fl-Apiary bħalissa? Kemm hemm ħaddiema assenjati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-attività li hemm fl-Apiary bħalissa hija marbuta mal-produzzjoni tal-għasel. Bħalissa hemm persuna li tiddedika ħafna mill-ħin tagħha sabiex tassigura li n-naħal li hemm jinżamm f’saħħtu.

Labour hire — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien it-titjib li sar fl-aħħar kuntratt li ngħata permezz ta’ tender lill-kuntrattur tal-labour hire meta mqabbel mal-kuntratti li kienu jingħataw qabel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti t-titjib li sar fl-aħħar kuntratt li ngħata permezz ta’ tender lill-kuntrattur tal-‘labour hire’ jikkonsisti fit-tnaqqis tar-rata pagabbli għal dan is-servizz minn 5.8% għal 4.25%. Din ir-rata, li hija across the board fejn kien hemm pagi u allowances differenti, mal-kuntratti huma applikabbli fuq il-paga bażika tal-impjegati u mhux fuq il-paga gross kif kienet qabel. Dan ifisser iffrankar ta’ spejjeż fuq l-istess servizz. Kontra kif kien stipulat fil-kuntratti preċedenti, din id-darba l-kuntrattur huwa obbligat li jagħmel tajjeb għall-ħlasijiet ta’ mard u korriment tal-impjegati. Skond il-kuntratt il-ġdid, l-impjegati tal-kuntrattur għandhom jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet u benefiċċji bħall-impjegati tal-WasteServ. Il-bidla fundamentali f’dan il-kuntratt hija li issa l-impjegati tal-kuntrattur qegħdin bl-istess kundizzjonijiet u benefiċċji bħall-impjegati tal-WasteServ u din naqset mill-animożità li seta’ kien hemm bejn l-impjegati li jagħmlu l-istess xogħol.

Proġett tal-Autoclave u l-proġett tal-impjant f’Tal-Kus Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Autoclave biswit l-inċineratur tal-Marsa u l-proġett tal-impjant f’Tal-Kus Għawdex? Jista’ jispjega x’inhuma l-benefiċċji għall-kumpanija WasteServ u meta dawn il-proġetti se jiġu fis-seħħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett tal-Autoclave wasal fil-fażi ta’ "commissioning" u għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena. Il-faċilità tal-Autoclave għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont ta’ fjuwil li jintuża, u għaldaqstant l-emissjonijiet, li llum qed jintuża biex jiġi inċinerat l-iskart tal-biċċerija. Il-proġett tal-Kus wasal fil-fazi ta’ "commissioning" u għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-proġett għandu jibda jilqa’ l-iskart ta' Għawdex fejn tibda l-ewwel fażi ta’ trattament. Finalment l-iskart jiġi imballat f’kontenituri għat-trasport lejn il-faċilitajiet ta’ trattament f'Malta. Din il-faċilità se tkun qed tirregolarizza l-immaniġġjar tal-iskart f’Għawdex kif ukoll tnaqqas l-ammont ta’ trasport meħtieġ, dan b’riżultat ta’ inqas emisjonijiet u spejjeż attribwiti.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — management agreements of protected areas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm management agreements of protected areas li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Liema huma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-Management Agreements ta’ Protected Areas jammontaw għal sitta. Dawn is-siti fil-Majjistral, Ramla il-Ħamra, Għajn Tuffieħa, Wied Għollieqa, Simar u Għadira, għalkemm Xrobb l-Għaġin m’għandux l-istess designation ta’ Protected Area bħas-sitta l-oħra, dan huwa ukoll kopert b’ management agreement simili.

Skema pilota tat-tħaddir tal-komunitajiet – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm alloka fondi s’issa l-Ministeru tiegħu taħt l-iskema pilota tat-tħaddir tal-komunitajiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-fondi li ġew allokati għall-Proġett ta’ Tħaddir fil-Komunità s’issa laħqu is-somma ta’ €350,000. Minn din l-iskema diġà bbenefikaw disgħa Kunsilli Lokali.

Scientific Advisory Council for the Environment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ s-Scientific Advisory Council for the Environment? Min huma l-membri tiegħu u kemm jitħallsu għal dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li s-Scientific Advisory Council for the Environment iltaqa 9 darbiet mis-16 ta’ Diċembru 2014 il’hawn. Il-Bord hu magħmul min Prof. Victor Axiak, Prof. Alfred Vella, Dr. Charles Galdes, Dr. Elizabeth Conrad, Dr. Noel Aquilina, Dr. Sandro Lanfranco u Ms. Paula Grech Bonnici u li l-ebda persuna minn dawn il-membri ma jitħallas għal dan ix-xogħol.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ annimali miġbura mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal ġurnata tal-lum maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm-il qattus, u kemm-il kelb inġabru, kemm-il speċi ta’ annimali oħra nġabru, kemm annimali mietu sakemm ingħataw il-kura, kemm minnhom ġew ikkurati, kemm minnhom inżammu mid-Direttorat u kemm traqqdu, b’mod separat xahar b’xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – ġbir ta’ qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru qtates mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu kkonfermati li jbatu bil-mard tal-Feline Immunodeficiency virus, Feline Leukemia virus u Feline Infectious Peritonitis virus minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jipprovdi lista ta’ qtates bin-numru tal-mikroċippa rispettiva tagħhom li kienu kkonfermati li jbatu b’xi waħda minn dan il-mard, minn liema mard ġew ikkonfermati li jbatu, u x’ġara minn kull annimal f’ kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma’ l-informazzjoni li ngħatat għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19784 fejn ġie spjegat l-użu tas-sistema tal-informatika dwar il-ġbir tal-informazzjoni mitluba, inżid ngħid li l-ammont ta’ qtates li kienu kkonfermati li jbagħtu bil-mard tal-Feline Immunodeficiency virus, Feline Leukemia virus u Feline Infectious Peritonitis virus minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien ta’ 381. Inżid ngħid ukoll li s-Segretarjat Parlamentari qed jintrabat li malli tinġabar l-informazzjoni kollha meħtiega titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – tilqim tal-annimali kontra l-mard

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-protokolli li qed jiġu mħaddma fil-pre¿ent għal tilqim tal-annimali kontra mard u li qed jiġu applikati għall-annimali miżmuma mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed isegwi protokolli nterni rrakkomandati mill-veterinarji. Dawn japplikaw biss għal dawk il-klieb u qtates li jkunu ġew taħt ir-responsabilità tad-Direttorat f’età inqas minn tmien ġimgħat u li jkunu għadhom taħt ir-responsabilità tad-Direttorat f’età ta’ aktar min sitt ġimgħat. F’każ ta’ ġriewi, dawn jiġu mlaqqmin ukoll mit-tieni tilqima ’l-quddiem jekk ikollu tnax-il ġimgħa. Il-protokolli jinkludu wkoll trattamenti regolari għal kontra l-ħniex fl-intern tal-annimal u l-insetti li jgħixu fuq barra tal-annimal (de-fleaing u de-worming).

Abbozz tar-Regolamenti dwar iż-Żamma ta’ Annimali Eżotiċi – konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-Abbozz tar-Regolamenti Dwar iż-Żamma ta’ Annimali Eżotiċi? X’kienu s-suġġerimenti li ngħataw u liema minn dawn is-suġġerimenti ġew inkorporati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari matul il-konsultazzjoni, is-Segretarjat nieda serje ta' laqgħat ma’ entitajiet varji li jistgħu jagħtu kontribut, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Bord li jirregola l-Armi, MEPA, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u organizzazzjonijiet involuti fis-settur. Infurmat ukoll li s-Segretarjat irċieva suġġerimenti u kummenti mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq dan is-settur, u individwi li għandhom interess f'dan is-suġġett. Minn dan il-proċess ta' konsultazzjoni għadha qed tiġi estrapolata l-informazzjoni biex sussegwentement tiġi diskussa fl-ambitu tal-ifformular tar-Regolament imsemmi.

Kuntratt ta’ individwu bħala speċjalista fuq il-kaċċa u l-insib

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn fl-2014, il-Gvern ħass il-bżonn li jagħti kuntratt ta’ servizzi bħala speċjalista fuq il-kaċċa u l-insib lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’kienet ir-raġuni li dan il-kuntratt inħareġ bħala direct order? Ġew ikkunsidrati quotations mingħand speċjalisti oħra qabel ma nħarġet din id-direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-raġunijiet għall-ingaġġ tal-individwu li d-dettaliji dwaru ngħataw separatament huma l-istess raġunijiet li għalihom kien ilu jiġi ingaġġat b’sempliċi ittra mill-Gvern preċedenti sa mill-2006. Kuntrarju tal-prassi minn amministrazzjoni preċedenti, dan il-Gvern ingaġġa lil dan l-individwu b’kuntratt u skond ir-regoli.

Kuntratt ta’ individwu — rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kuntratti mogħtija lill- individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti, rakkomandazzjonijiet u pariri maħruġa mill-individwu msemmi, bħala parti mis-servizz li ta s’issa??

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li s-servizzi mogħtija mill-konsulent in kwistjoni jinkludu parteċipazzjoni f’laqgħat impenjattivi. Il-pariri mogħtija huma ta’ natura professjonali u kunfidenzjali kemm fil-każ fejn il-Ministeru qabel ma dawn il-pariri u kemm fejn ma qabilx u allura ma ġewx addottati.

Ta’ Qali – Ċentru San Franġisk – pariri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex il-Gvern ħass il-bżonn li jagħti kuntratt ta’ servizzi lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar servizz ta’ pariri marbuta ma’ talba għall-proposti għaċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali? X’kienet ir-raġuni li dan il-kuntratt inħareġ bħala direct order? Ġew ikkunsidrati quotations mingħand speċjalisti jew kumpaniji oħra qabel ma inħarġet din id-direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari illi peress li l-operatur taċ-Ċentru San Frangisk infurmana illi kien ser jieqaf f’qasir żmien kien hemm urġenza sabiex ikun imfassal qafas ta’ kuntratt ġdid għal dan iċ-Ċentru li jkun jirrifletti aħjar x’rid il-Gvern sabiex joffri iżjed aċċessibiltà għall-NGOs u jkun hemm iżjed garanziji favur il-Gvern milli kien hemm kif kien il-kuntratt li kien sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Il-kumpanija in kwistjoni kellha l-ħiliet u r-rekwiżiti neċessarji biex tgħin lis-Segratarjat Parlamentari fiż-żmien qasir rikjest u l-ħatra tagħha kienet taqa’ wkoll fil-parametri tar-regoli. Saru diversi laqgħat ta’ diskussjoni u pariri sabiex sussegwentement setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Artijiet.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ħaddiema li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tiġi vverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, li qed jimpenja ruħu li jagħti l-informazzjoni korretta u t-tweġiba tingħata minnufih.

Skart Organiku — boroz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu s'issa r-riżultati marbutin mal 'hekk imsejħa 'tielet borza' u ċjoè dik tal-iskart organiku?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett fir-rigward tal-hekk imsejħa ‘tielet borża’ beda f’Lulju 2015 b’kampanja edukattiva bieb bieb f'ħames lokalitajiet li huma B'Kara, Bormla, Għaxaq, Mdina u Ta’ Xbiex. L-iskop ta’ din il-kampanja hu li tispjega lir-residenti ta' dawn il-lokalitajiet l-iskop ta' dan il-proġett u kif sa jiffunzjona. Kull dar qed tingħata ukoll barmil u boroż apposta biex jinġabar l-iskart organiku fihom. Ninsab infurmat ukoll li l-ġbir propju tal-iskart organiku minn dawn il-lokalitajiet ser jibda l-Ġimgħa, 30 ta’ Ottubru 2015. Il-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jagħti informazzjoni dwar riżultati marbutin ma’ dan il-progett ladarba l-ġbir tal-iskart organiku jibda fil-ġranet li ġejjin fil-lokalitajiet imsemmija.

Bini ta' serer u ġwiebi — policies

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi policy partikolari marbuta mal-bini ta' serer u ġwiebi? Jekk iva, kif qed jassiugra li dawn il-policies jiġu osservati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policies dwar bini ma jaqgħux fi ħdan dan id-dekasteru, u għaldaqstant nitolbu jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kennedy Grove — Proġett ta’ bandli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ippjanat li jsir tkabbir fil-proġett ta’ bandli fil-park ta’ Kennedy Grove?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett ta’ tisbiħ ġewwa l-Park ta’ Kennedy Grove, li jagħmel parti mill-Park tas-Salina, jinkludi żieda ta’ apparat tal-logħob għat-tfal ġdid, stallazzjoni ta’ apparat tal-gym, dwal u għamara ġdida tal-ġonna u tisbiħ ieħor ġenerali.