Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-Anzjani – linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux linji gwida dwar standards fid-Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-linji gwida dwar standards fid-Djar tal-Anzjani huma kif dokumentat fid-dokument uffiċċjali ntitulat National Minimum Standards for Care Homes for Older People maħruġ u ppublikat mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, f`Settembru 2015. Dan ir-rapport huwa aċċessibli minn fuq is-sit elettroniku activeageing.gov.mt.

Dar tal-Anzjani – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex ikunu residenti f’Dar tal-Anzjani matul is-snin 2013, 2014 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2015? Jista’ jgħid jekk din is-sitwazzjoni ta’ stennija hijiex qed tiġi studjata u x’qed jaħseb li tista’ tkun is-soluzzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ċentru ta’ Matul il-Jum — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum u xi grad għandhom? Kemm hemm klijenti li regolarment jattendu matul il-ġimgħa f’dawn iċ-Ċentri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum hemm total ta' 93 ħaddiem, kif spjegat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sheltered Housing — Anzjani

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9243, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hux se tibni sheltered housing għall-anzjani? Jekk iva, fejn sejrin jinbnew dawn id-djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux fil-kompetenza tal-Awtorità tad-Djar li tibni sheltered housing għall-anzjani. Madanakollu, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qiegħed jesplora l-possibilità ta’ proġett ta’ sheltered housing immirat lejn l-anzjani. Bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet f’dan ir-rigward.

Djar Residenzjali tal-Anzjani – Involviment tar- residenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9241, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar residenzjali li jinvolvu direttament lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta’ dawn il-postijiet? Kemm-il darba ltaqgħu s-sena l-oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, id-djar residenzjali tal-Gvern li jinvolvu lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta` dawn l-istess residenzi, huma 8. Dawn id-djar residenzjali, u kemm -il darba ltaqgħu l-Assoċċjazzjoni Residenti Dar Residenzjali tal-Anzjani (ARDRA) huma kif ġej: Dar Residenzjali Laqgħat tal-l-ARDRA fl-2015 Mtarfa 5 Mosta 3 Msida 8 Floriana 4 Mellieħa 10 Żejtun 5 Bormla 4 Zammit Clapp 3

Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun — pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti li preżentament joqogħdu f’Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun u li d-dħul tagħhom huwa inqas minn €500 fix-xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti li preżentament joqogħdu Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun li d-dħul tagħhom mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali hu inqas minn €500 kull erba’ ġimgħat hu ta’ 1,226 Minn dan it-total, 406 jgħixu l-Fgura, 312 jgħixu Wied il-Għajn u 508 jgħixu ż-Żejtun. Huwa importanti li tali statistika ma tiġix interpretata strettament f’termini taċ-ċifri mogħtija. L-istatistika pprovduta tinkludi każi fejn koppja miżżewġa, bejniethom ikollhom aktar minn €500 fix-xahar, iżda statistikament ikunu qegħdin jidhru bħala żewġ persuni individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €500 fix-xahar. Iċ-ċifra mgħotija tinkludi ukoll nisa (jew ukoll irġiel f’xi każi) fejn żwieġhom (jew marthom) għandhom pensjoni li hi ogħla minn €500 fix-xahar u allura anke f’dawn il-każi bejniethom ikollhom ħafna aktar minn €500 fix-xahar, iżda statistikament wieħed jew waħda mill-koppja ikunu qed jidhru bħala persuna individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €500 fix-xahar.

Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun – single parents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ġenituri waħedhom (single parents) li jirċievu l-għajnuna soċjali u li huma residenti f’Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant illi, l-ammont ta’ single parents li jirċievu l-għajnuna soċjali u li huma residenti f’Wied il-Għajn, il-Fgura u ż-Żejtun, jammonta għal 458, imqassma kif ġej: Lokalita’ Numru ta’ Benefiċjarji fil-Kategorija msemmija Il-Fgura 160 Wied il-Għajn 151 Iż-Żejtun 147

Faċċata ta’ post – ħsarat – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ħsarat fil-faċċata tal-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament ġiet infurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.

Pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi – miżura ta’ tnaqqis ta’ Lm200 fl-2008

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi li gawdew mill-miżura li ngħataw Lm200 grazzja mit-tnaqqis tal-Pensjoni Kontributorja fl-2008? Kemm kienu dawk li gawdew mill-miżura li ngħataw €200 fis-sena 2013, 2014 u 2015? Kemm se jgawdu minn din il-miżura matul din is-sena 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-proċess li wassal għall-miżura imsemmija minnu kien inbeda fl-1997 meta kull min dakinhar kellu pensjoni tas-servizz li r-rata oriġinali tagħħa kienet anqas minn 200 Liri Maltin ma baqa jsofri mill-ebda tnaqqis mill-pensjoni tas-sigurta’ soċjali tiegħu. Dawk li kellhom aktar, bdew jinħafrulhom 200 Liri Maltin mill-ammont imnaqqas. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2008 l-ammont maħfur mit-tnaqqis imsemmi kien estiż b’200 Ewro (u mhux b’200 Liri Maltin) kif indika fil-mistoqsija tiegħu l-Onor. Interpellant. Skont l-informazzjoni li tinżamm mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, ma ssirx distinzjoni bejn id-diversi gruppi ta’ pensjonanti li jirċievu Pensjoni ta’ Servizz għax il-miżura imsemmija tapplika l-istess għalihom. Għaldaqstant minix f’pożizzjoni li nagħti ċifra eżatta li tkun tinkludi biss lil dawk il-pensjonanti li jirċievu Pensjoni tas-Servizz Ingliż. Minkejja dan, inżid li, l-informazzjoni miżmuma mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, turi li ta’ kull sena, jibbenefikaw madwar 4,500 pensjonant mill-miżura imsemmija. Minn din is-sena ż-żieda ta’ €200 se tkun awtomatikament miżjuda sena wara l-oħra permezz tal-liġi.

Pensjoni Kontributorja Nazzjonali Maltija — tnaqqis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont imnaqqas mill-Pensjoni Kontributorja Nazzjonali Maltija lill-pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi għas-snin 2013, 2014 u 2015? Kemm hu stmat li se titnaqqas din is-sena (2016)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m'huwiex f'posizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni.

Awtorità tad-Djar – tranġar ta’ post – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-Awtorità tad-Djar rigward tranġar ta’ post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaq l-Awtorità tad-Djar ma tidħolx fil-kwistjoni tal-każ ikkonċernat, l-Awtorita’ għamlet kuntatt mal-inkwilin minn fejn jirriżulta li ġejjin il-ħsarat, biex tkun tista’ tittieħed azzjoni minnufih. Il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet infurmata b’dan.

Vat refund fuq stairlift – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat każ min-naħa tal-KNPD tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward VAT refund fuq stairlift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Uffiċċju tal-Arbitru — appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal fl-Uffiċċju tal-Arbitru bejn Novembru 2015 sa Marzu 2016, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Ufficcju tal-Arbitru Appelli bejn Novembru 2015 – Marzu 2016 Xahar Sena Numru ta' Appelli Reġistrati Numru ta' Appelli Deċiżi Numru ta’ Appelli Ċeduti/ Revokati/ Kancellati Numru ta’ Appelli li bdew Jinstemgħu Numru ta’ Appelli li għad irridu jinstemgħu Novembru 2015 120 4 14 30 72 Diċembru 2015 98 10 11 14 63 Jannar 2016 42 NIL 2 2 38 Frar 2016 85 NIL 5 4 76 Marzu 2016 93 NIL 6 2 85

Pensjoni tal-invalidità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża għall-Pensjonijiet tal-Invalidità fis-sena 2015 u dan sal-aħħar ta' Diċembru 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-ispiża għall-Pensjonijiet tal-Invalidità bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u 31 ta’ Dicembru 2015, kienet ta’ €24,347,811.67. Dan l-ammont ma jinkludix il-bonusijiet statutorji pagabbli lil dawn il-benefiċjarji.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid illum kemm hu n-numru ta' pensjonanti f'pajjiżna li d-dħul tal-pensjoni tagħhom huwa anqas minn €700 fix-xahar? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-pensjonanti li għandhom pensjoni kontributorja u kemm minn dawn il-pensjonanti għandhom pensjoni mhux kontributorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li individwalment għandhom dħul ta’ pensjoni waħda ta’ anqas minn €700 fix-xahar huwa ta’ 42, 475. Minn dawn, hemm 35,190 pensjonant li għandhom pensjoni kontributorja, filwaqt li hemm 7,285 li għandhom pensjoni mhux kontributorja. Huwa importanti li tali statistika ma tiġix interpretata strettament f’termini taċ-ċifri mogħtija. L-istatistika pprovduta tinkludi każi fejn koppja miżżewġa, bejniethom ikollhom aktar minn €700 fix-xahar, iżda statistikament ikunu qegħdin jidhru bħala żewġ persuni individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €700 fix-xahar. Iċ-ċifra mogħtija tinkludi ukoll nisa (jew ukoll irġiel f’xi każi) fejn żwieġhom (jew marthom) għandhom pensjoni li hi ogħla minn €700 fix-xahar u allura anke f’dawn il-każi bejniethom ikollhom ħafna aktar minn €700 fix-xahar, iżda statistikament wieħed jew waħda mill-koppja ikunu qed jidhru bħala persuna individwali b’pensjoni ta’ anqas minn €700 fix-xahar.

Pensjonijiet tal-wens u għajnuna soċjali għall-carers — riforma

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma li qiegħda ssir fil-Pensjonijiet tal-Wens u fl-Għajnuna Soċjali għall-carers? Jista’ jgħid x'ser ikunu l-kriterji l-ġodda sabiex persuna tkun eleġibbli għal dawn iż-żewġ tipi ta' benefiċċji? Jista' jgħid jekk persuna miżżewġa hijiex ser tkun qed tikkwalifika għal dawn il-benefiċċji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara d-diskors tal-Baġit 2016, id-diskussjonijiet mal-iStakeholders u professjonisti fil-qasam tal-anzjani tniedew b’mod immedjat. Bħalissa għaddejjin l-istudji neċessarji sabiex tiġi ntrodotta riforma sħiħa fil-qasam tal-Pensjoni tal-Wens u l-Għajnuna Soċjali għal carers. Il-Gvern irid jassigura li l-istudji jkunu eżawrijenti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ riforma ta’ din ix-xorta. Nassigura lill-Onor. Interpellant li, dawn l-istudji se jwasslu biex ir-riforma li se ssir ġġib titjib konsiderevoli li minnu se jgawdu aktar nies li jieħdu ħsieb anzjani fid-djar tagħhom.

Skema Sir Sid Darek

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ġie ffirmat sa issa mill-Awtorità tad-Djar taħt l-iskema Sir Sid Darek minn meta ġiet varata fi Frar 2014 sal-lum? Jista' jgħid ukoll kemm-il konvenju ġie ffirmat taħt din l-iskema minn Frar 2014 sal-lum iżda li l-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn Frar 2014 sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, ġew iffirmati 189 konvenju li minnhom ġew konklużi 122 kuntratt u 67 konvenju li għadhom pendenti.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24843 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi u jew l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi, ma tawx xogħol ta’ konsulenza jew għal ħidma fuq rapporti lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24844 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji/individwu li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24845 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji/individwu li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi u/jew l-Entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi, ma tawx xogħol ta’ konsulenza jew għal ħidma fuq rapporti lil kumpaniji u individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.