Legislature:
Category:
Reset
Active:

Produtturi tal-Ħalib Frisk — Sussidji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tal-ħalib frisk li għadhom qed jistennew xi forma ta' pagamenti ta' sussidji u/jew għajnuna finanzjarja f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema sussidji/għajnuna qed jirreferi.

Produtturi tal-Laħam tal-Majjal — Sussidji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tal-laħam tal-majjal li għadhom qed jistennew xi forma ta' pagamenti ta' sussidji u/jew għajnuna finanzjarja f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produtturi tal-laħam tal-majjal jirċievu l-pagament tas-sussidju taħt l-SMPPMA kull ġimgħa u l-aħħar pagament li sar kien għal ġimgha li spiċċat fis-16 ta' Ġunju. In-numru ta' dawn il-produtturi huwa 72 (65 f'Malta u 7 f'Għawdex).

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus il-manutenzjoni kollha tal-vetturi tal-gvern fil-ministeru, id-dekasteru u l-enti tiegħu, vettura b'vettura separatament bejn Ottubru 2005 sa Diċembru 2005 u Jannar 2006 sal-lum ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-vetturi li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ipprovdiet tul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant lill-uffiċjali tagħha fi gradi komparabbli ma' skali governattivi 4 sa 1, huma kollha leased bil-manutenzjoni inkluża fill-prezz. Il-gradi kkonċernati huma dawk ta' Direttur Ġenerali, Direttur u Assistent Direttur. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija WasteServ Malta Limited ma tħallasx għall-manutenzjoni tal-karozzi ta’ l-uffiċjali tagħha. Ħadd mill-uffiċjali ta’ din il-kumpanija m’għandu d-dritt juża l-karozzi tal-kumpanija għal skopijiet personali. Il-manutenzjoni tal-vetturi tal-gvern użati minn uffiċjali ta’ bejn skala 4 sa 1 fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, fil-perjodu ta’ bejn Ottubru 2005 sa Diċembru 2005 u bejn Jannar 2006 sa l-aħħar ta’ April 2006 kienet kif ġej: Numru tar-Reġistrazzjoni Ottubru 2005 - Diċembru 2005 Jannar 2006 - April 2006 Total Ottubru 2005 - April 2006 LM LM LM ABD846 235.50 619.24 854.74 FBJ509 591.00 189.00 780.00 GAU467 137.64 0.00 137.64 GAU541 0.00 0.00 0.00 KBE571 0.00 40.8 40.8 LCH123 0.00 39.90 39.90 ABO735 ~~~ 0.00 0.00 ABO736 ~~~ 0.00 0.00 ABO737 ~~~ 0.00 0.00 ABO739 ~~~ 0.00 0.00 ABO741 ~~~ 0.00 0.00 ABO742 ~~~ 18.78 18.78 Total Globali 964.14 907.72 1871.86

Consortium

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk xi ħadd fil-ministeru tiegħu ġiex informat li l-istaff tal-consortium ġew avżati li spiċċaw in-nofs ta' nhari għas-sajf? Possibbli jsir xi attentat mill-gvern biex dawn il-ħaddiema jibqgħu jgawdu mill-istess kondizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern, inkluż in-nofs ta' nhari? Fid-dawl tax-xogħol li jsir minn dawn il-ħaddiema, hu possibbli li dawn igawdu l-istess kondizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħaddiem tal-Gvern misluf mal-Consortium ma tmisslu d-dritt tan-nofs ta' nhari għas-sajf. Jista’ jkun li l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) ikun ingaġġa xi ħaddiema li ma jaqgħux taħt il-ftehim milħuq mal-Gvern. Dan jista’ jsir peress li l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) hija entità private u għandi nifhem li min ikun impjegat ikun jaf il-kondizzjonijiet minn qabel.

Dipartiment Governattivi

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-lista tad-dipartimenti governattivi li għamlu talba sabiex l-art tidħol fl-iskemi ta' l-iżvilupp fl-eżerċizzju ta' reviżjoni ta' l-iskemi ta' l-inħawi kif ukoll għal liema art saret it-talba f'kull każ separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Taqsima tal-Propjetá tal-Gvern għamlet talba fuq dawn l-artijiet: 1. Birżebbuġa 2. Il-Gudja 3. L-Iklin 4. Il-Mellieħa 5. In-Naxxar (Baħar iċ-Ċagħaq) 6. Is-Swieqi 7. u iż-Żurrieq Dawk is-siti li ġew proposti biex jidħlu fl-iskema ta' l-iżvilupp ġew indikati permezz ta' stilla fuq il-volum numru 2 ta' l-abbozz għall-konsultazzjoni pubblika - "Local Plans - Rationalisation of Development Boundaries".

MEPA — Xrobb l-Għaġin

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol aktar mit-tħawwil ta' siġar u tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ fuq il-proġett ta' Xrobb l-Għaġin li matul din l-aħħar sena issemma aktar minn darba? Liema għaqda jew għaqdiet huma involuti hemm f'dan il-proġett, u fiex se jkun jikkonsisti? Jista' jgħid ukoll kemm qed jiġi stmat dan il-proġett u kif se jiġi ffinanzjat? Jista' il-Ministru jgħid ukoll jekk il-MEPA hux diġa' ħarġet il-permessi neċessarji u jekk iva x'tibdil se jsir fuq dan il-post? Jekk għadha ma ħarġitx il-permessi, x'qed iżommha milli tagħmel dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ restawr ambjentali u rranġar tal-bini tal-bini eżistenti sabiex iservi bħala ċentru edukattiv huwa ppjanat li jibda lejn l-aħħar ta' din is-sena. Bħalissa qed jiġi ffinalizzat il-management plan u ser jerġgħu jkunu sottomessi l-pjanti lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wara konsultazzjoni u taħdidiet ma’ din l-entità. Hekk kif jiġu approvati, ix-xogħol ikun jista’ jibda. L-għaqda involuta hija l-Fondazzjoni Natura (Nature Trust), flimkien ma’ l-International Oceanic Institute (Malta), li ser ikunu jieħdu ħsieb imexxu l-wildlife rehabilitation centre u l-istitut għar-riċerka marittima rispettivament. Il-proġett għadu qed jiġi stmat u qed tittieħed in konsiderazzoni possibilità qawwija ta' finanzjament kemm mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll min-Norwegian Funds. Huwa maħsub li parti sew mill-ispejjeż titħallas mill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) stess taħt l-iskema tal-proġetti għal titjib ambjentali. L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma ħarġet l-ebda permess għaliex il-management plan għadu qed jiġi diskuss magħha. It-tibdil ippjanat f'dan il-post hu r-restawr tal-bini dilapidat sabiex jerġa’ jiġi fl-istat oriġinali tiegħu. Il-permessi ma jistgħux jinħarġu qabel ma jkun hemm ftehim fuq il-management plan bejn il-partijiet kollha biex ikun żgurat li f'dan is-sit ta' importanza ekoloġika ma ssirx ħsara lill-flora u ’l-fauna. Dan il-ftehim issa huwa fi stadju avvanzat.

Tinda f'Ta' Qali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17395 dwar tinda kbira f'Ta' Qali., jista' il-Ministru jgħid jekk il-konsultazzjoni hux lesta? Jekk fl-affermattiv, x'inhi d-deċiżjoni finali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdil fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ta' Qali tas-sena 2000 għalqet fil-5 ta' April 2006. Bħalissa qed ikunu analizzati s-sottomissjonijiet tal-pubbliku u fil-ġimgħat li ġejjin għandha ssir rakkomandazzjoni lill-Bord ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq dawn is-sottomissjonijiet.

Farm Experimentali tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li żaru l-farm esperimentali tal-gvern matul l-2005 u l-2006 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Studenti ta' l-Iskejjel Primarji li attendew għall-Programm dwar l-Agrikoltura: Sena 2005 - 1280 student Sena 2006 (sa l-aħħar ta' Mejju) - 873 student Bijologija Prattika fl-Agrikultura - Skejjel Sekondarji - 4 u 5 Sena Sena 2005 - 355 student Sena 2006 (sa l-aħħar ta' Mejju) - 448 student

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-overtime tal-ħaddiema fid-dipartiment tas-sajd u l-akwakultura ma tħallasx la fl-2005 u lanqas fl-2006 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista' l-Onororevoli Interpellant jindika għal liema kategorija ta' uffiċjali qiegħed jalludi?

MEPA — Każi quddiem il-qorti ta' l-Appell

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18112 u jgħid kemm hemm każi li l-Qorti ta' l-Appell bagħtet lura għand il-MEPA għal deċiżjoni? Kemm ilhom pendenti dawn il-każi? Meta se jinqatgħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Numru totali ta' appelli mibgħuta lura mill-Qorti u riferuti lill-Bord ta' l-Appell - 41 każ Numru totali ta' appelli deċiżi mill-Bord ta' l-Appell - 28 każ Numru totali ta' appelli diferiti sine die mill-Bord ta' l-Appell (minħabba li qed jistennew l-eżitu tal-Local Plans) - 2 każi Numru totali ta' appelli diferiti għal deċiżjoni mill-Bord ta' l-Appell (Il-Bord jiddeċiedi meta ser tingħata tali deċiżjoni) - 2 każi Numru totali ta' appelli diferiti għal seduta mill-Bord ta' l-Appell - 8 każi Appell ritornat lill-Qorti għal ritrattazzjoni - 1 każ

Ħaxix u frott frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa t-tunnellaġġ ta' ħaxix u frott frisk li ġie gradjat fil-grading station f'Ta' Qali matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà ta’ l-operat tal-grading station f'Ta’ Qali mhijiex tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

Ħaxix u frott frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa t-tunnellaġġ ta' ħaxix u frott frisk li ġie gradjat fil-grading station f'Ta' Qali matul l-2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19528.

Mushrooms

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-produzzjoni attwali tal-mushrooms f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ammont ta' mushrooms li ġie reġistrat li nbiegħ fil-Pitkaliji jidher fit-tabella hawn taħt. Barra minn hekk, jinbiegħ ħafna mushrooms direttament fis-suq lokali. 2006 Malta (kġ) Għawdex (kġ) Jannar 9,172 738 Frar 9,850 683 Marzu 10,280 739 April 9,204 939 Mejju 8,847 898 Total 47,353 3,997

Importazzjoni ta' prodotti friski

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti li jeżerċita l-ministeru fuq kontroll ta' importazzjoni ta' shelf life ta' prodotti friski importati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi hija rregolata mill-Awtoritajiet tad-Dwana u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Mushrooms

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga jekk huwiex qiegħed jiġi rrapportat mushrooms frisk li x-shelf life tiegħu teċċedi l-ħamest ijiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu u tas-segretarju parlamentari? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom? X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza uffiċċjali tal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent hi tat-tip BMW 520. Din il-vettura hi proprjetà tal-Gvern u kienet irreġistrata mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern fid-29 ta’ Jannar 1999. Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi juża karozza tat-tip Peugeot 406. Il-karozza hi proprjetà tal-Gvern u kienet irreġistrata mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali fis-7 ta’ Lulju 2000. Mhux possibbli li tingħata informazzjoni dwar il-prezz tax-xiri tal-vetturi peress li ż-żewġ karozzi nxtraw minn ministeri oħra qabel ma ġew trasferiti lill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. B’riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jindika x’relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.

MEPA — Garage

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjoni PA02695/05 ġiet deferred mill-MEPA u dan minkejja li r-residenti qed ibatu inkonvenjent kbir b'karozzi tal-linja li qed jibqgħu jiddaħħlu f'garage f'zona residenzjali u l-aktar meta m'hemmx spazju fejn dawn il-vetturi kbar iduru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jimxi mal-proċedura maqbula fil-Kamra fil-legislatura l-oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-kiri ta' karozzi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2006, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent nefaq is-somma ta’ Lm20,124.27 għall-kiri ta’ karozzi ‘self-drive’. Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa għall-kiri ta’ karozzi ‘self-drive’ kienet kif imsemmi hawn taħt: 2004 – Lm 17,673.94 2005 – Lm 22,115.36 L-ispiża għall-kiri ta' karozzi mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienet ta’ Lm38,235. Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa kienet kif imsemmi hawn taħt: 2004 – Lm 36,847 2005 – Lm 35,725 L-ispiża għall-kiri ta’ karozzi mill-kumpanja WasteServ Malta Ltd fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienet ta’ Lm355.80. Fis-sentejn preċedenti u matul l-istess perjodu, jiġifieri bejn Jannar u April, in-nefqa kienet kif imsemmi hawn taħt: 2004 – Lm 4,015.10 2005 – Lm 1,178.33

Bini/monumenti grade 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema hu l-bini, monumenti eċċ. li huma skedati bħala ta' l-ogħla grad (grade 1)? F'dawn l-aħħar ħames snin, mill-1 ta' Jannar, 2001, kien hemm xi bini/monument eċċ. li ġie mneħħi minn grade 1? Jekk iva, liema kienu u għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ta’ min jgħid li l-lista kompluta ta' proprjetajiet skedati hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) : www.mepa.org.mt. Ma kien hemm l-ebda bini, monument, eċċ. li ġie mneħħi minn grade 1.

Bini/monumernti grade 2

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huwa l-bini/monumenti eċċ. li huwa skedat bħala grade 2? Mill-1 ta' Jannar, 2001 kien hemm minnhom li tneħħa minn din il-klassifikazzjoni? Jekk iva, liema u għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ta’ min jgħid li l-lista kompluta ta' proprjetajiet skedati hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) : www.mepa.org.mt. Mill-2001 ‘l hawn, l-unika proprjetá li ġiet descheduled hi Alcazar li kienet fi Triq il-Ponta ta' Dragut, Tas-Sliema, u li kienet skedata bħala Grade 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha.