Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Surcharge tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħlet flus l-Enemalta mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma? Jista' jaqsam id-dħul mis-surcharge mid-domestic consumption, i.e. tal-familji, hotels u fondi kummerċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Karozzi Mikrija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura mill-entitajiet konċernati skond kif mitlub.

Bejgħ ta' Lukanda

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern jasal biex ibigħ il-lukanda Selmun Maritim, il-gvern se jagħmel xi kondizzjoni fuq ix-xerrejja l-ġodda dwar l-istatus tal-ħaddiema preżenti? Jikkonferma li l-ftehim mal-kumpannija Accor se jintemm fl-aħħar ta' dan ix-xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi t-tender għall-bejgħ tas-Selmun Maritim għadu ma tlestiex u għalhekk ir-risposta ma tistax tingħata għalissa. Nikkonferma illi b'effet mill-1 ta' Novembru ta' din is-sena l-kumpanija Accor m'hix ser tibqa tmexxi din il-lukanda. Mill-istess data, din il-funzjoni ser tibda ssir mill-impjegati tal-kumpanija.

Belt Valletta — Karrozzini

Question

Jista' il-Ministru jara jekk jistgħux isiru arranġamenti għad-drenaġġ fil-venda tal-karozzini quddiem il-Palazz, il-Belt għal raġunijiet ovvji ta' iġene?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinvestiga x'jista jsir dwar is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant.

Gozo Channel — Ġarr ta' Żibel

Question

Jista' il-Ministru jara li ma jibqax jinġarr żibel fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mal-passiġġieri u vetturi f'ħinijiet ta' l-iskeda? Jaf il-Ministru li dan iż-żibel jikkostitwixxi health hazard kbir bi ġrieden saħansitra jinżlu u jitilgħu mill-istiva tat-truck u oltre dan bl-istess żibel jiġġenera intiena sħiħa mal-vapur kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-PQ Nru 5459, ninsab infurmat li hemm qbil biex l-iskart ma jinġarrx fuq il-vapuri tal-Gozo Channel f'peak hours meta jkun hemm ħafna passiġieri fuq il-vapur. Hemm ukoll ċertu kondizzjonijiet, imsemmija fil-PQ Nru 5459, li jridu jinżammu, u dawn għadhom japplikaw sa llum. Dawn il-kondizzjonijiet ġew maqbula mal-Wasteserv, il-Kumpannija responsabbli għall-ġarr tas-skart. Il-Kumpanija tikkonferma wkoll li qatt ma kellha xi rapport li kien hemm xi ġrieden jinżlu u jitilgħu mill-istiva tat-trakk fuq il-vapuri tagħna. Dwar 'Health Hazard', nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gozo Channel — Trucks bil-boilers

Question

Jista' il-Ministru jara li ma jibqgħux jinġarru mal-passiġġieri trucks bil-broilers fihom f'ħinijiet li normalment jgħaddu passiġġieri, fosthom turisti , li jkunu ġejjin minn flights u sejrin Għawdex? Huwa konxju l-Ministru ta' l-intejjen li dawn jiġġeneraw u li jikkalpestaw il-vapur għal ħinijiet twal? Jista' jagħti struzzjonijiet li dawn jitħallew jgħaddu mat-trip ta' filgħodu kmienu u mhux jgħaddu filgħaxijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li biex il-Gozo Channel tevita li ġġor livestock mall-passiġieri, ikollha tagħmel vjaġġ apposta (charter), għax il-passiġieri, inklużi turisti, jivvjaġġaw f'kull ħin tal-ġurnata. Minbarra l-ispiża dan huwa ħafna drabi loġistikament mhux prattiku għax il-ġarr tal-livestock jiddependi wkoll minn fatturi oħrajn bħall-ġurnata li fiha ssir il-qatla il-biċċerija, jew inkella ix-xiri u bejgħ ta' livestock għall-laħam. L-eċċezjoni hi l-każ tal-majjali għax f'dan il-każ huwa prattiku li trakkijiet bil-majjali jivvjaġaw fis-siegħet bikrin ta' fil-għodu. Fil-fatt hekk isir. Madankollu, il-kumpanija ser tkompli tiltaqa' ma' l-entitajiet konċernati bl-iskop li jiġi regolat it-traġitt ta' livestock fuq il-vapuri, sabiex ikunu ta' l-inqas inkonvenjent għall-passiġġieri abbord.

San Ġwann — Naxxar Road - cable tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jitlob lill-Enemalta biex jieħdu passi għaliex minkejja diversi ilmenti mill-pubbliku, għad hemm cable tad-dawl imdendel b'periklu f'Naxxar Road, San Ġwann qrib l-uffiċini ta' Frank Salt Real Estate Co. u r-residenza nru. 143 fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet ta' l-Enemalta li saru fuq il-post imsemmi, jirriżulta li l-cable imsemmi mhux tad-dawl.

Enemalta — Cables

Question

Jista' il-Ministru jgħid: 1) kemm-il cable ta' 33KVA jew iktar jeżistu f'Malta u Għawdex u f'liema lokalitajiet jinsabu? Minn dawn, liema minnhom jinsabu għaddejjin fuq l-art permezz ta' pylons u liema minnhom għaddejjin taħt l -art? 2) X'regolamentazzjoni teżisti f'Malta in relazzjoni ma' cables ta' din ix-xorta għas-salvagwarda tal-pubbliku, x'regolamentazzjoni teżisti f'ambitu ewropew, jekk Malta hijiex konformi ma' l-istandards ewropej in materja? Liema awtorita' hija responsabbli sabiex tassigura li l-Enemalta qed tirrispetta r-regolamentazzjoni in materja? 3. X'lifetime għandhom il-pylons u l-brackets tagħhom u l-cables innifshom, kull kemm jinbidlu u x'manutenzjoni ssir? 4. Meta jkunu għaddejjin fuq l-art, x'għoli jrid jinżamm, jekk dan l-għoli jinkludix l-għoli ta' vetturi li jgħaddu taħt il-cables u jekk dan l-għoli huwiex rispettat? 5. Kemm-il każ jeżisti bħalissa ta' bini mibni viċin wisq ta' cables simili, u x'azzjoni qed tittieħed? Fuq liema linji timxi l-awtorita' ta' l-ippjanar in relazzjoni ma' applikazzjonijiet għal żvilupp fil-viċinanza ta' cables simili? 6. Kemm-il inċident seħħ fl-aħħar għaxar snin in konnessjoni ma' cables simili, u kemm minn dawn kienu jinvolvu korrimenti u/jew mewt? X'investigazzjonijiet saru, x'kienu l-konklużjonijiet u x'azzjoni ttieħdet f'kull każ? Huwa minnu li mietu tliet ħaddiema f'Ħal Luqa 20 sena ilu, ħaddiem il-Mosta tmien snin ilu u korra ħaddiem f'Ħal Qormi erbgħa snin ilu u safa inkapaċitat? 7. Huwa minnu li sar tunnel taħt l-art mill-kumpannija Rock Cut Ltd bejn il-Marsa u l-Mosta bosta snin ilu sabiex il-cables in kwestjoni jgħaddu taħt l-art u baqgħu ma ġewx mgħoddija minn hemm avolja x-xogħlijiet tat-tunnel tlestew u l-kuntrattur tħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra l-informazzoni mitluba.

Għawdex — Proġett għat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex? Meta huwa mistenni li jitlesta? Kemm se tkun il-kapaċita' totali tiegħu ta' produzzjoni ta' ilma kuljum? X'użu se jsir mill-ilma li jipproduċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li huwa stmat li madwar ħamsa u tletin fil-mija tax-xogħol fuq l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex huwa lest. L-impjant hu mistenni jibda jopera għal-nofs is-sena 2007. L-impjant ser jipproduċi l-medja ta' madwar sitt elef metru kubu ta' ilma ittrattat kuljum. L-użu ta' l-ilma ittrattat ser jiġi iddeterminat eventwalment minn 'reuse policy' li ser tinħadem flimkien mal-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.

Għawdex — Water polishing plant

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-istallazzjoni tal-polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Kemm hi l-kapaċita' ta' produzzjoni ta' l-impjant meta jkun qed jaħdem kollu? Kemm qed jipproduċi ilma b'kollox kuljum bħalissa? Liema lokalitajiet f'Għawdex qed jiġu provduti bl-ilma minn dan l-impjant bħalissa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-impjant tlesta u qed jiffunzjona. Baqa' biss xi addizzjonijiet żgħar li qed isiru sabiex jtejbu l-operat tiegħu. Il-kapaċita' tiegħu massima hija ta' ċirca 4000 cum3 kuljum. Bħalissa qed jiġi prodott 2400cum3 kuljum. Il-prodott tiegħu qed jitqassam fuq Għawdex kollu.

SmartCity

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma d-diffikultajiet li qegħdin iżommu lill-Gvern Malti milli jilħaq ftehim dwar SmartCity?

Response (GATT, AUSTIN)

L-akbar diffikulta hi l-Oppażizzjoni li jidher li qed taghmel minn kollox biex tkisser il-kredibilita' ta Malta bħala post attraenti għall-investiment barrani izda jien ċert illi l-investituri jirrikonoxxu li fis-snin li ġejjin, l-Oppożizzjoni sejra tibqa' l-istess - fl-Oppożizzjoni - u konsegwentament m'għanniex għax ma nirbħux fuq dan it-tfixkil.

Surcharge fuq id-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21112 u jgħid kemm ġabar il-gvern f'surcharge fuq dawl u ilma bejn l-01/10/2005 u t-30/09/06?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li is-surcharge fuq l-elettriku u l-ilma bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u 30 ta’ Settembru 2006 ma tkunx ghadha ngabret kollha. Ir-raguni principali hija l-billing tal-elettriku u l-ilma jinhadem b’lura.