Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – Awtorità dwar il-Mediċini

Question

Peress li meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) il-pjanijiet kienu li fi żmien opportun din tieħu taħt idejha l-Awtorità dwar il-Mediċini, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk il-Gvern preżenti għadux miexi fuq din il-policy?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li fil-preżent l-Gvern mhux miexi fuq din il-policy. Jiena nfurmata ukoll li din il-policy kienet intefgħet fil-ġenb mill-Gvern preċedenti.

Awtorità dwar il-Mediċini – Kap Eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-post ta’ kap eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Mediċini huwiex vakanti u jekk le, tista’ tgħid min qed jokkupa din il-pożizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol qed isir miċ-Chairperson kif inhu permess bil-liġi.

Awtorità dwar il-Mediċini — trasferiment

Question

Peress li oriġinarjament l-Awtorità dwar il-Mediċini kellha tiġi ttrasferita għall-ispazju ppjanat apposta f’Mizzi House, tista’ l-Ministru tgħid jekk dan għadux il-każ u jekk le fejn se tiġi allokata l-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għadha ma tteħditx id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-Awtoritá tal-Mediċini.

Awtorità dwar il-Mediċini – uffiċjali professjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm uffiċjali professjonali fl-Awtorità dwar il-Mediċini f’Jannar 2013 u kemm hemm uffiċjali professjonali f’Ottubru 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru totali ta’ uffiċjali professjonali li jinkludu management, spiżjara fi gradi differenti, tobba kif ukoll pharmaceutical officers baqa’ ta' 30 impjegat kemm f'Jannar 2013 kif ukoll f'Ottubru 2014. Rigward uffiċjali professjonali fuq bażi ta’ kuntratt (contract for service), kien hemm 4 f'Jannar 2013 u 7 f`Ottubru 2014. Il-kuntratti ġodda huma ma’ studenti farmaċisti li qed jagħmlu apprentistat mal-Awtorita’ filwaqt li qed isegwu dottorat.

Awtorità dwar il-Mediċini – tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-Awtorità dwar il-Mediċni saret responsabbli mit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-mediċina, rwol li qabel kien tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur hija l-Awtorità kompetenti għall-prezzijiet tal-mediċini. Ninformha ukoll li l-Awtorità dwar il-Mediċini qed tgħin f’dan il-proċess li qed jagħti l-frott.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — reklamar fuq media

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — żjarat uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamlet minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — kuntratti ta' konuslenza

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tagħha u tgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Affarijiet tal-Konsumatur — xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tagħha mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 7 okkażjonijiet fejn inxtraw 11-il biljett tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament għall-valur bejn 360 u 800 ewro f’kull okazzjoni. Kull darba li inxtraw dawn il-biljetti intalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern. Barra biljetti, ma nxtraw l-ebda servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija.

Spezzjonijiet ta’ Playgrounds — rapporti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11579, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-playgrounds li nstabu mhux safe u f’liema lokalitajiet qegħdin? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ dawn l-ispezzjonijiet li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur hija kuntrattata biex tagħmel spezzjonijiet dwar is-sikurezza tal-playgrounds mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Dan id-dipartiment huwa legalment responsabbli mill-playgrounds. Għaldaqstant nitlob li d-domanda tagħha ssir lil Ministru konċernat.

MCCAA – spezzjonijiet ta’ Playgrounds — spiża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11580, tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa kull spezzjoni lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, tista’ minflok tpoġġi l-ftehim kuntrattwali li l-MCCAA għandha mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellanta għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari 11951.

Ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan tagħha sabiex Malta tkompli tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u timxi aktar mal-konvenzjoni ta' Istanbul?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li wara li l-Gvern Malti rratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ġie maħtur kumitat biex jipproponi tibdil fil-liġijiet relevanti skont dak rikjest mill-Konvenzjoni; tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam, tisħiħ fis-servizzi skont il-bżonn għall-vittmi ta’ vjolenza, miżuri ta’ għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; tisħiħ tal-ġbir ta’ data dwar vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Dan il-kumitat mistenni li jiffinalizza r-rapport minnufiħ.

Integrazzjoni tal-immigranti f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Gvern, u b'mod speċifiku l-Ministeru tagħha, biex pajjiżna jaffronta l-isfidi tal-integrazzjoni tal-immigranti f’Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Gvern qed jaħdem fuq livell Ewropew sabiex issir pressjoni fuq l-Istati Membri u tiġi żviluppata strateġija Ewropea dwar l-immigrazzjoni filwaqt li jissaħħaħ il-koordinament bejn l-istati membri fejn tidħol l-integrazzjoni. Fl-istess waqt, il-Gvern qed jirrikonoxxi l-bżonn ta’ strateġija ta’ integrazzjoni tal-immigranti preżenti f’Malta u hu kommess li jaddotta politika f’dan is-sens fl-2015 permezz tal-proġett li qed imexxi li jismu Mind the Gap – Together we can make a Difference. Ħtarna uffiċjal sabiex jaħdem speċifikament fuq kwistjonijiet ta’ integrazzjoni tal-immigranti f’Malta u qed isir xogħol biex titwaqqaf integration unit biex tikber il- ħidma f’dan il-qasam. Dan wara li l-gvern preċedenti falla milli jieħu azzjoni biex ikun hemm xi forma ta’ integrazzjoni tal-immigranti.

Għaqdiet tal-Konsumatur – għajnuna mill-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11238, peress li taħt l-Amministrazzjoni l-oħra, l-Għaqda tal-Konsumatur kienet għamlet talba lill-Gvern biex tingħata allokazzjoni minn fejn tkun tista’ topera, tista’ l-Ministru tikkonferma li l-Għaqda tal-Konsumatur ma għamlet l-ebda talba simili lil dan il-Gvern?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li saret talba mill-Għaqda kkonċernata biex tingħata allokazzjoni minn fejn tkun tista’ topera l-istess kif kienet saret taħt l-Amministrazzjoni preċedenti bid-differenza li l-gvern preżenti alloka minn jeddu u minghajr ebda pressjoni mill-UE post b’ftehim kuntrattwali fuq perjodu mal-istess Għaqda liema ftehim offra forma ta’ sikurezza.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – għaqdiet konformi mar-rekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar eżerċizzju skont Artiklu 28(a) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap 378) u jekk jirriżultax li l-għaqdiet reġistrati humiex konformi mar-rekwiżiti imposti mil-liġi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-aħħar eżerċizzju li sar skont Artiklu 28(a) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap 378) kien f’April 2014 fil każ ta’ l-Għaqda tal-Konsumaturi ta’ Malta. Ir-reġistrazzjoni ta’ din l-għaqda ġiet ippublikata fil-gazzetta tal-Gvern tad-29 t’April ta’ l-2014. L-istess eżerċizzju sar fil –kaz tal-għaqda l-oħra l-Assoċjazzjoni għad Drittijiet tal-Konsumatur. Ir-reġistrazzjoni ta din l-għaqda ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-24 ta’ Jannar 2014. Iż-żewġ għaqdiet kienu konformi mar rekwiżiti imposta mill-ligi.

Kunsill tal-Konsumaturi – rapporti dwar għaqdiet tal-konsumaturi f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapporti li għamel il-Kunsill tal-Konsumatur dwar l-għaqdiet tal-Konsumaturi f’Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li bejn l-2008 ‘l hawn ma sar ebda rapport mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Għaqdiet tal-Konsumaturi f’Malta.

Tribunal tal-Konsumatur — arbitri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il arbitru hemm fit-Tribunal tal-Konsumatur u kif jiġu assenjati l-kawżi li jitressqu quddiem it-Tribunal? Tista’ tgħid min huma dawn l-arbitri u x’inhi l-onorarja tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fit-Tribunal hemm 4 arbitri. Il-kawżi jiġu assenjati ugwalment. Dawn l-arbitri huma: a. Dr Michela Spiteri b. Dr Martin Fenech c. Dr Gabriella Buttigieg d. Dr Richard Sladden L-onorarja ta’ dawn l-Arbitri hi ta Euro 5823.43 per annum

MCCAA — teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li għandhom it-teleworking? Tista’ tgħid fiex jikkonsisti dan it-teleworking ta’ kull individwi u kif qiegħed jiġi utilizzat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li hemm 25 uffiċjal fl-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-affarijiet tal-Konsumatur li preżentament jibbenefikaw mit-teleworking bħala family friendly measure. Dawn huma: Skrivani Seniors – 5 Eżekutivi – 6 Uffiċjali – 3 Uffiċjali Professjonali - 2 Uffiċjali Professjonali Seniors – 7 Diretturi – 2 Ix-xogħol li jsir waqt it- telework ivarja skont l-entita’ li l-impjegat ikun jaħdem fiha u dan jiġi rakkomandat mid-Direttur Ġenerali, Direttur jew kap responsabbli għall-uffiċjali skond l-esiġenzi tal-entita’ kkonċernata.

Information Officer

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-post ta’ Information Officer fl-entità tal-Affarijiet tal-Konsumatur imtlietx? Tista’ tgħid min hi l-persuna maħtura u xi kwalifiki għandha din il-persuna jekk ġiet maħtura?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proċess tal-għażla ta’ dan il-post għadu għaddej.