Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Atti kriminali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti fuq reati konnessi ma' twettiq ta' atti kriminali fil-pubbliku s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Każi ta' rapes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rapes jew indecent assaults s-sena l-oħra? X'weħlu f'kull każ dawk imressqa fuq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar rapporti ta' rapes jew indecent assaults matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Floriana — Kiosk

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax titneħħa kiosk ħadra li ilha fi Triq San Publiju, Floriana tokkupa post ta' parkeġġ għal vetturi għal żmien twil ħafna, preċiżament quddiem il-kunsill lokali tal-Floriana?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ser jieħu l-passi li hemm bżonn sabiex din il-kiosk titneħħa.

Każijiet ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika għal dawn l-aħħar għaxar snin ta' kemm ġew rappurtati każijiet ta' vjolenza fuq in-nisa - domestika u mhux - inkluż każijiet ta' stupru fiż-żwieġ? Kemm minn dawn tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kompjuterizzata ta' l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Petizzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ikun daqstant ġentili u jgħid għaliex minkejja li persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellu l-petizzjoni tiegħu l-E.T. il-President ta' Malta milqugħa fit-8 ta' Awissu 2005 sabiex jieħu lura l-effetti tiegħu personali hemm isemmija, u minkejja li fl-4 ta' Diċembru 2006 l-uffiċċju tal-President informa lil din il-persuna li għaddew l-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 2006 lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex id-deċiżjoni tal-President tkun implimentata, għala wara dawn ix-xhur kollha din id-deċiżjoni qed tiġi stultifikata bir-rifjut tal-kummissarju tal-pulizija li jirritorna l-effetti tiegħu personali? Jista' għalhekk il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu ritornati dawn l-oġġetti lill-persuna in kwestjoni kif deċiż mill-kap ta' l-Istat? In linea ma' l-istanding orders, l-Interpellant qed jiddikjara li huwa kien il-konsulent legali li kiteb il-petizzjoni għan-nom ta' din il-persuna.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-talba imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet milqugħa bil-kondizzjoni li jinħarġu dawk il-liċenzji neċessarji. Għaldaqstant qabel ma' dawn l-armi jkunu jistgħu jiġu rritornati, iridu jinħarġu l-liċenzji rikjesti mill-liġi. L-applikazzjoni sabiex dawn l-armi jkunu liċenzjati għadha qed tiġi pproċessata.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Każ dwar fond

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li d-dipartiment ta' l-artijiet jibda l-proċeduri meħtieġa biex il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilu 15-il xahar vojt ikun jista' jinkiseb għal skopijiet ta' kummerċ? X'qed iżomm li jibdew dawn il-proċeduri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċeduri biex il-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jerġa' jinkera mill-ġdid kważi tlestew. Id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' qed jikkunsidra l-possibilita' illi spazju mhux użat quddiem l-istess ħanut u li kien oriġinarjament maħsub bħala passaġġ jiġi nkorporat fis-sejħa għall-offerti biex jifforma parti mill-kirja l-ġdida.

Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku — Użu ta' vettura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawk l-Uffiċjali Pubbliċi li għandhom il-grad ta’ Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali u Direttur, kif ukoll l-Avukat Ġenerali, id-Deputat Avukat Ġenerali u l-Kap tat-Taqsima fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali huma intitolati għall-użu ta’ karozza. Matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm għaxar Uffiċjali li meta irtiraw mis-Servizz Pubbliku kienu jokkupaw xi wieħed mill-gradi imsemmija u tlieta minnhom għażlu li jixtru l-vettura li kienu qed jużaw sakemm irtiraw mis-Servizz. It-tlitt vetturi kienu tnejn tat-tip Hyundai Lantra , waħda irreġisrata fl-1994 u l-oħra fl-1998 u l-oħra kienet tat-tip Citroen Xsara reġistrata fl-1999.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir reklutaġġ fil-ġejjieni qarib fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili, speċjalment fejn tidħol il-fire fighting section billi bħalissa d-dipartiment spiss jirrikorri għas-servizz ta' għadd ta' voluntiera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz ta' Regolamenti li saru għal dan il-għan, waqqaf Korp tal-Voluntiera u qiegħed jagħti taħriġ u jħaddem għadd ta' voluntiera sabiex jassistu lid-Dipartiment kemm f'xogħol normali kif ukoll f'każ ta' diżastri. L-iskop huwa illi diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja jiffurmaw parti minn dan id-Dipartiment bħalma jsir f'diversi pajjiżi oħra Ewropej. Ir-riżultat ta' dan l-eżerċizzju huwa ta' sodisfazzjoni kbir u pubblikament nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ssieħbu f'dan il-Korp tal-Voluntiera. Qatt ma kien l-iskop ta' dan il-Korp Volontarju li jitwaqqaf sabiex ma jiġux ingaġġati nies ġodda mad-Dipartiment.

Għawdex — Klieb li sfaw mgħallqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux eżamijiet forensiċi bħal finger prints, etc fuq il-post fejn instabu tlett iklieb mgħallqa f'Għawdex? Billi dan hu att mill-aktar brutali u selvaġġ kontra l-annimali li xxokkja lil diversi nies u billi atti ta' moħqrija b ħal dawn huma ksur tal-liġijiet ta' pajjiżna, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min qed jinvestiga dan l-inċident? Għalkemm mhux interessat f'ismijiet, jista' jgħid jekk ġewx interrogati xi persuni mill-pulizija? Jista' jaċċerta li dan l-att krudili jiġi investigat kif suppost bit-tama li min hu responsabbli jitressaq biex iwieġeb għal għemilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett ta' Għawdex għadha għaddejja bl-investigazzjoni tar-rapport li kien sarilha nhar id-9 ta' Jannar 2007 dwar tlett ikliet li kienu nstabu minn sidhom mgħallqa fir-razzett tiegħu. Is-sid irraporta wkoll li kien sab diversi oġġetti nieqsa minn ġo kamra fl-istess razzett. Għalkemm f'dan l-istadju mhux opportun li tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-investigazzjoni, ninsab infurmat illi kien hemm numru ta' persuni li ġew interrogati mill-Pulizija, fejn anke' saru xi tfittxijiet għal oġġetti relatati ma' dan ir-reat.

Applikazzjonijiet għal parties

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet il-pulizija biex jiġu organizzati attivitajiet (parties) f'lejliet l-Ewwel tas-Sena? Min kienu l-applikanti? Kemm ġew aċċettati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha 9 applikazzjonijiet għall-parties għal nhar l-ewwel tas-sena, li għalihom ukoll inħarġu l-permessi. Dawn kienu kif jidher hawn taħt: Monte Cristo Vine Vaults, Ħal Farruġ l/o Qormi Jean Borg Olivier – Dice Ltd. Caraffa Vaults, Birgu Dr Mark Bencini LL.D. St Mary Band Club, Għaxaq Jesmond Debono Cottage Gardens, Żurrieq Tanya Bartolo T G I Friday, Sliema Luc Adams Schembri National Park, Ta’ Qali David Parascandolo – Leon Productions Malta Fairs and Conventions, Ta’ Qali George F Said Melita Bar & Restaurant, Ħal Balzan Adrian Gomez Blanco Independence Sqr, St Georges Sqr & Republic Str, Victoria - Gozo Robert Tabone - Victoria Local Council

Parties f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid qabel ma l-pulizija toħroġ permess biex jiġu organizzati parties f'postijiet pubbliċi jsiru spezzjonijiet biex jiġi żgurat li hemm biżżejjed sigurta' u faċilitajiet sanitarji fost affarijiet oħra? Dawn saru mal-postijiet kollha fejn saru applikazzjonijiet għall-parties f'lejliet l-Ewwel tas-Sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-parties magħmula mal-Pulizija jinkludi li dawn ikunu ikklerjati, fost l-oħrajn, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Bajja ta' l-Għadira — Konċessjonijiet enfitewtiċi ta' l-artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk kollha li tefgħu l-offerti għall-konċessjonijiet enfitewtiċi ta' l-artijiet fil-bajja ta' l-Għadira ħallsux il-prezz kollu (inkluż dak ta' l-avvjament) meta sar il-kuntratt mad-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawk kollha li tefgħu l-offerti rebbieħa għall-konċessjonijiet enfitewtiċi ta' l-artijiet fil-bajja ta' l-Għadira ħallsu l-prezz kollu inkluż dak ta' l-avvjament, mal-pubblikazzjoni tal-kuntratti.

Isla — Kuntratt ta' fond

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk illum li ċerti postijiet li kienu milquta mil-liġi Possession & Use u issa jistgħu jinbiegħu, hux minnu jew le li l-kuntratt tal-fond fl-Isla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistax isir ħames snin oħra?

Response (BORG, TONIO)

Il-postijiet meħudin mill-Gvern taħt it-termini ta' Possession & Use skond il-kapitlu 88 tal-liġijiet ta' Malta ġew mixtrija mill-Gvern. Għaldaqstant, il-fondi eżistenti li jinbnew fuq l-art illi qabel kienet okkupata mill-postijiet meħuda taħt Possession & Use, issa jistgħu jinbiegħu mill-Awtorita' tad-Djar.

Pulizija — Każ dwar serq ta' snieter

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li bdiet il-pulizija kontra l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, dwar serqa ta' tliet snieter? (referenza liċenzja nru. 08824/2004 maħruġa mis-Sliema Weapons office fil-11 ta' Frar 2004 u x'se jiġri minn dawn is-snieter ta' persuna oħra li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar it-23 ta' Mejju 2005, kienet ġiet irrapurtata serqa minn residenza f'Tas-Sliema, minn fejn fost l-oġġetti misruqa kien hemm tlett snieter. Infurmat ukoll illi waqt tfittxijiet li il-Pulizija kienet qed tagħmel fil-kors ta' investigazzjoni separata, fost l-oġġetti misjuba kien instab senter li rriżulta li kien wieħed minn dawk irrapurtati misruqa minn Tas-Sliema. Sussegwentement persuna kienet ġiet akkużata quddiem il-Qorti u s-senter imsemmi kien ġie eżebit quddiem il-Qorti f'dawn il-proċeduri, li għadhom pendenti quddiem il-Qorti. Fiċ-ċirkostanzi sid dan is-senter jista' jagħmel talba lill-Qorti sabiex tikkonsidra r-rilaxx tas-senter.

Perit tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ċ-ċertifikat tal-perit tal-gvern li kien perit ta' l-għassa tal-Belt fil-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi kien tħalla xi ċertifikat ta' perit fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt kif indikat fil-Mistoqsija. Madanakollu l-Pulizija kellmet lis-sinjura imsemmija mill-Onor. Interpellant, fejn irriżulta li din ma kienetx taf lil min kienet kellmet, għalkemm stqarret li kien mar xi perit mid-Dipartiment tad-Djar. Għaldaqstant nhar id-29 ta' Diċembru 2006, il-Pulizija infurmat lill-perit tal-gvern tal-għassa, li wara li spezzjona l-post (mhux fl-istess numru kif indikat separatament), iċċertifika li parti mill-gallarija ta' l-injam kienet ta' periklu għall-pubbliku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tieħu l-passi skond il-liġi.

Reġistru Pubbliku — Transazzjoni ta' ismijiet Maltin għall-Ingliż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Insinwa ma tagħmilx transazzjoni ta' l-ismijiet Maltin għall-Ingliż għal ċertifikati li jkunu se jmorru barra minn Malta? Jinnota l-Viċi Prim Ministru li immigranti Maltin qed ikollhom problemi għax l-awtoritajiet tal-pajjiżi fejn ikunu immigrati qed isibu problema biex jaċċettaw ċertifikati mill-Insinwa b'ismijiet Maltin għax dan ikun jinqara u jinstema totalment differenti mill-isem bl-Ingliż (eż: Mary Josephine - Maria Ġużeppa? Tista' din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku m'għandux is-setgħa legali li jittraduċi ismijiet imniżżlin fuq ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku għal lingwi oħra.

San Ġiljan — Residenza fi Triq Lapsi

Question

F'isem ir-residenti ta' 125 Lapsi Street, San Ġiljan, li d-dar tagħhom ġiet mhedda bil-kuntrattur li hemm jibni ħdejha, nappella lill-Viċi Prim Ministru biex isir xi ħaġa peress li jekk wieħed jara s-sit, jaħseb li ġejja xi diżgrazzja. Possibbli li ebda dipartiment jew awtorita' m'għandu ebda jedd fuq dan il-kuntrattur, li wara kollox jhedded il-ħajja ta' dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn naħa tal-Pulizija diġa' ittieħdet azzjoni skond il-liġi, u dan billi kemm is-sid kif ukoll il-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet fuq dan is-sit ġew intimati jneħħu kull periklu, kif ukoll ġew inizjati proċeduri kriminali kontra tagħhom.

Donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, fid-Dekasteru tiegħi ma kienx hemm it-tip ta' donazzjonijiet kif imsemmi fil-Mistoqsija.

Ġustizzja u Intern — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati l-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant hu riferut għal 'Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariat' kif approvati.

Kunsilli Lokali — Ħaddiema tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema impjegati tal-gvern li kienu ntbagħtu jaħdmu mal-kunsilli lokali u li kienu sussegwentement ntbagħtu ftit taż-żmien ilu jagħmlu xogħol ta' bini eċċ. f'Ħal Safi għal faċilitajiet adegwati biex jiġu akkomdati l-immigranti irregolari, issa li dan ix-xogħol tlesta, humiex se jerġgħu jintbagħtu lura mal-kunsilli lokali?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-imsemmija ħaddiema huma mpjegati tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.