Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'diżabilita' — Reserved parking bays

Question

Kemm ġew irtirati reserved parking bays għal persuni b'diżabilita', sena b'sena, lokalita' b' lokalita', fis-snin li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ebda entita' fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, inkluż il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', ma hi responsabbli biex tirtira xi reserved parking lill-persuni b'diżabilita'. Is-Servizz ta' Reserved Parking jingħata mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru konċernat.

Child care centres — Ħruġ ta' liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm u liema huma c-child care centres liċenzjati li l-users tagħhom se jingħataw sussidju fuq il-ħlas? Jista' jgħid minn liema dipartiment tal-Gvern inħarġitilhom il-liċenzja? Jista' jgħid fuq liema kriterji tingħata il-liċenzja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qiegħed fi proċess li joħloq l-istrutturi li jilliċenzjaw u jirregolaw iċ-child care centres. Dawk il-ġenituri li jibgħatu lit-tfal tagħhom f'dawn iċ-ċentri reġistrati jistgħu ikunu eliġibbli għal sussidju skond kriterji li qed jiġu mfassla.

UNJONI EWROPEA — PERSUNI B'DIŻABILITA'

Question

Il-Gvern Malti ssieħeb ma' l-Unjoni Ewropea biex is-sena 2003 tkun is-Sena Ewropea tal-persuni b'diżabilita'. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jippjana l-ministeru tiegħu għal din is-sena biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-inizjattivi meħduda s'issa dwar is-Sena Ewropeja għall-Persuni b'Diżabilita'.

Taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx il-kumpens dovut lilhom għat-taxxa tal-VAT li ħalset fuq l-ewwel propjeta` tagħhom

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jidhirx li l-Awtorita' għandha applikazzjoni għall-ħlas Lura ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud Imħallsa Fuq l-Ewwel Dar ta' Abitazzjoni mis-Sinjuri ndikat.

Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-isport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni għanda filosofija ta' inklużjoni f'kull aspett tal-ħajja tal-persuni b'diżabilita' inkluż fl-isport. Għalhekk il-Kummissjoni dejjem insistiet u ħadmet li l-faċilitajiet kollha sportivi, l-aktar dawk li qed jinbnew preżentament ikunu aċċessibbli għal kulħadd biex hekk kulħadd, inkluż il-persuni b'diżabilita' jkunu jistgħu jieħdu sehem. Hu ta' pjaċir li wieħed jgħid li dan l-impenn qed jagħti l-frott. Il-filosofija ta' inklużjoni tgħodd l-aktar fi sport li hu maħsub għal kulħadd. Fil-każ ta' sports kompettiv, dan mhux possibbli u għalhekk, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi li jkun hemm attivitajiet sportivi speċifikament għall-persuni b'diżabilita' imma li jkun l-eqreb possibbli għall-attivitajiet simili għall-persuni bla diżabilita'. F'dan l-ispirtu, il-Kummissjoni ressqet proposta biex fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zgħar li ser isiru f'Malta fis-sena 2003 ikun hemm parteċipazzjoni ta' logħob kompetittiv għall-persuni b'diżabilita'. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li s-sena 2003 hi s-sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabilita'. Sfortunatamnt din il-proposta ma ġietx aċċettata mill-Kumitat Internazzjonali Organizżżattiv.

Allokazzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li isimha qiegħed jintbgħat separatament tingħata post alternattiv, meta jikkonsidra l-fatt li minbarra li tgħix f'kamra waħda mat-tliet uliedha kif ukoll, issa, t-tifla tagħha li għandha tifla ta' sentejn ukoll u qed tistenna tarbija u dan fl-istess post, jigifieri (dettalji wkoll qiegħdin jintbgħhatu separatament), fejn, fuq kollox, hemm is-saqaf tal-unika kamra li qiegħed fi stat ta' periklu li jaqa'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat l-każ qed ikun ikkunsidrat, pero d-dar fejn toqgħod il-persuna la hi b'kamra waħda u lanqas m'hi bil-periklu.

Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali — Karozzi ġodda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Kera — Taż-Żwejt Housing Estate

Question

X'inhi r-raġuni li minkejja li l-inkwilin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qiegħed bil-minimum wage, is-sena l-oħra l-kera tal-fond li jgħix fih irduppjatlu għal Lm56 kull tliet xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kntratt iffirmat mill-inkwilin meta ingħata l-post.

Taż-Żwejt Housing Estate — Umdita' f'appartament

Question

Billi l-persuna li d-dettaliji dwarha qed jintbagħtu separatament għandha ħafna umdita' fil-ħitan ta' l-appartament tagħha jistgħu jittieħdu passi mill-Housing wara li ssirilha inspection tal-premises?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Taż-Żwejt Housing Estate — Persuna bi problema tad-droga

Question

Minħabba r-raġunijiet umanitarji tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kienet tilfet l-impjieg fi-żmien li kienet tbagħti mill-poblema tad-droga , tista' l-ETC tipprova issiblha xogħol xieraq, preferibbilment bħala delivery man issa li huwa fieq mill-marda kiefra li kellu, aktar u aktar billi għandu familja b'żewġt itfal xi jmantni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li, bħal ma jsir f'każijiet simili, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ tagħti attenzjoni personaliżżata biex jinstab xogħol addattat għall-persuna ndikata. Ninsab informat li matul din is-sena din il-persuna ġiet rakkomandata għal xogħol fi tlett okkażżjonijiet. Ninsab informat ukoll li fil-ġranet li ġejjin l-employment adviser tagħha ser jibgħat għaliha bl-għan li tingħata aktar attenzjoni mill-qrib.

Pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se tiġi kkalkulata l-pensjoni ta' dawk il-persuni impressed li saru tal-fiss mal-gvern, fuq il-bolla ogħla li kienu jħallsu meta kienu impressed jew il-bolla iżjed baxxa li qed iħallsu illum peress li dan jeffettwa l-livell tal-pensjoni li se jieħdu meta jirtiraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali, apparti minn numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa, tiddependi mid-'dħul pensjonabbli' ta' dak li jkun. Fil-każ ta' persuna mpjegata dan id-dħul jiġi kkalkulat fuq il-medja ta' l-aħjar tlett snin sħaħ, kalendarji u konsekuttivi fl-aħħar għaxar snin qabel l-irtirar. Id-dħul pensjonabbli ta' persuna li taħdem għal rasha jiġi kkalkulat fuq il-medja ta' l-aħħar għaxar snin sħaħ, kalendarji u konsekuttivi qabel l-irtirar. Jekk persuna tiġix ikkunsidrata bħala waħda mpjegata jew li taħdem għal rasha, biex jiġi kkalkulat id-dħul pensjonabbli, jiddependi mit-tip u n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa fl-aħħar għaxar snin. Jekk il-maġġoranza ta' kontribuzzjonijiet f'dawn l-aħħar għaxar snin ikunu ta' l-Ewwel Klassi, id-dħul pensjonabbli jiġi kkalkulat fuq il-medja tas-salarju ta' l-aħjar tlett snin sħah, kalendarji u konsekuttivi li fihom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet ta' l-Ewwel Klassi. Fil-każ ta' persuna li, fl-aħħar għaxar snin qabel tirtira, tkun ħallset maġġoranza ta' kontribuzzjonijiet tat-Tieni Klassi bħala persuna li taħdem għal rasha, id-dħul pensjonabbli jiġi kkalulat fuq il-medja tad-dħul fis-snin li fihom dik il-persuna tkun ħallset din il-Klassi ta' kontribuzzjonijiet. Sakemm saru mpjegati tal-Gvern, l-impressed drivers kienu jħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali tat-Tieni Klassi bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Minn meta saru mpjegati tal-fiss mal-Gvern bdew iħallsu kontribuzzjoni ta' l-Ewwel Klassi bħala persuni mpjegati. Il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali ta' din il-kategorija ta' mpjegati tiġi kkalkulata individwalment skond it-tip u n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa kif semmejt qabel.

Childrens' Allowance — Ommijiet mhux miżżewġa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa li jirċievu ċ-children allowance? Kemm minnhom huma taħt it-tmintax-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Reġistrazzjoni għax-xogħol — Persuni jaħdmu bla permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid s'issa kemm kien hemm nies li nqabdu jaħdmu meta kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kienu nisa u kemm rġiel? Minbarra li tneħħew mir-reġistru tax-xogħol, ittieħdu xi passi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Ottubru 2002 instabu total ta' 284 persuna jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. 273 kienu rġiel u 11 kienu nisa. Minbarra li nqatgħu minn fuq ir-reġistru, dawk li kienu qed jirċievu xi benefiċċju soċjali twaqqfilhom.

Benefiċċju tal-mard — Hlasijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li s'issa din is-sena applikaw għall-benefiċċju tal-mard? Kemm hu kkalkulat li kien il-ħlas totali li ngħata bħala benefiċċju s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-12 ta' Novembru 2002, tħallset is-somma ta' Lm1,708,134 bħala benefiċċju tal-mard (sickness benefit). Lm1,613,954 tħallset direttament lil 16,831 persuna. Il-bilanċ ta' Lm98,180 tħallas direttament lil diversi entitajiet f'isem l-impjegati tagħhom li taw il-kunsens biex, sakemm ikunu qed jirċievu l-paga, il-benefiċċju jitħallas direttament lill-entita' li timpjeghom. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' persuni li dwarhom ikun qed isir il-pagament f'dawn il-każijiet.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kienet taħdem ta' warrant officer qed tieħu pensjoni bbażata fuq grade 20?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha

Birgu — Installazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Ministru, wara l-mistoqsija parlamentari numru 33567, jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslu l-installazzjoni tal-lifts ġewwa Blk 10, Dr 2, St Philip Street Birgu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għall-installazzjoni ta' lift fi Blokk 10, Door 2 St. Philip Street, Birgu ħarġet fl-1 ta' Novembru 2002 u ser tagħlaq fit-12 ta' Diċembru 2002.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq il-lift ta' block A4, Ta' Xbiex HE, minħabba l-problema ta' l-ilmijiet li feġġet fis-shaft tal-lift?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-lift shaft fil-post indikat qed jitkompla minkejja l-problema msemmija mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li, wara li ġie kkonfermat li l-ilma mhux ġej minn katusi fil-blokk, il-problema ser tiġi ndirizzata billi tiġi nstallata pompa fix-shaft biex l-ilma li jinġabar jitneħħa.