Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpannija ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23937 u jgħid jekk hemm xi pjani li tiġi xolta l-kumpanija ta' l-Armata ADSC li qabel kienet l-Air Defence Battery? Huwa minnu li diversi membri tagħhom talbu li jitilqu minn hemm għax iħossu ruħhom demotivati iżda t-talba tagħhom baqgħet bla tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kumpanija msejħa ‘Air Defence & Support Company’ (ADSC) ġiet stabbilita b’riżultat tar-Review tal-Forzi Armati li saret dan l-aħħar, u għaldaqstant, m’hemm l-ebda pjan biex din il-kumpanija tiġi xolta.

OPM — Riżenji ta' chairmen

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Marzu 2004 sa llum kien hemm tlett okkażjonijiet fejn chairpersons ta’ bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bagħtu r-riżenja jew urew ix-xewqa li ma jiġux ikkonsidrati għal darb’oħra. 1. Chief Justice Emeritus Dr Joseph Said Pullicino, bħala chairperson ta’ l-Awtorità tax-Xandir, wara li ġie appuntat bħala Ombudsman fit-12 ta’ Diċembru 2005. 2. Dott David Attard wera x-xewqa li ma jibqax chairperson tal-Maritime Jurisdiction Commission, b’effett mit-8 ta’ Novembru 2006. 3. Is-Sur Victor Scicluna offra r-riżenja tiegħu bħala chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku fis-27 ta’ Frar 2007, imma għadu jaqdi din il-funzjoni sakemm jinħatar chairperson ġdid.

Lista tal-Protokoll

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23654 u 24013, jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jingħad li l-aħħar li ġiet emendata din il-lista tal-protokoll kien f'Mejju, 1997 meta fil-lista hemm titli li ma kenux jeżistu sa dak iż-żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nikkonferma dak li rrispondejt f’mistoqsija parlamentari numru 23654 inżid ngħid li minn dak iż-żmien ’l hawn saru biss addenti kif ukoll aġġornament kontinwu ta’ l-informazzjoni personali ta’ l-individwi.

Host families — Refunds tal-kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu rifonduti lura l-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet soċjali 2005 lil dawk il-host families li għażlu l-għażla kif imħabbra fid-diskors tal-budget 2006 u cioe' li jistgħu jagħżlu li l-kontribuzzjonijiet soċjali ma jħallsuhomx u jekk diġa' ħallsuhom jistgħu jitolbu li jiġu rifonduti lura lilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lil dawk li għamlu talba lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fir-rigward tal-host families skond kif tħabbar fil-budget tal-2007, se jsir matul il-ġimgħat li ġejjin.

Forzi Armati — ADSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kumpannija ADSC tal-1st Regiment tal-forzi armati ta' Malta għadha tiffunzjona peress li ħafna persuni fl-armata huma tal-fehma li din m'għadx hemm skop li tibqa' tiffunzjona?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minkejja l-limitazzjonijiet li l-Kumpanija tal-Forzi Armati ta’ Malta msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) f’dak li huma armamenti sofistikati kontra attakki mill-ajru, hu meqjus li għad hemm skop għall-funzjonament ta’ din il-kumpanija partikolarment fejn jistgħu jsiru xi attakki terroristiċi fuq l-ajruport ta’ gżiritna. Barra minn hekk, din il-Kumpanija hija dejjem meħtieġa li tkun pronta biex tagħti s-serivzżz tagħha fejn jidħol għoti ta’ salut waqt żjarat uffiċjali lill-pajjiżna minn kapijiet ta’ stati barranin u ċerimonjal ieħor statali.

Forzi Armati — ADSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif fl-ADSC tal-1st Regiment tal-forzi armati ta' Malta ċertu xogħol qiegħed isir mis-Senior NCOs meta dan suppost li jsir mill-Junior NCOs? Jaf il-Prim Ministru li f'dan il-kontest anke d-duty qiegħed jiġi affettwat minħabba n-nuqqas ta' nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba li ċ-ċirkustanzi tal-pajjiż, fejn tidħol il-problema ta’ l-immigrazzjoni rregolari huma tali, u li l-Armata ġiet mitluba milL-Gvern biex tipprovdi sigurtà u servizzi oħra fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li jinsabu sew fil-Barracks ta’ Ħal Safi kif ukoll f’dik ta’ Lyster f’Ħal Far, kien hemm il-bżonn li membri ta’ l-Kumpanija msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) kif ukoll membri oħra minn unitajiet oħra ta’ l-Armata jgħinu f’din il-problema. Għaldaqstant, biex ċertu taħriġ f’din il-Kumpanija seta jerġa’ jsir, inħass il-bżonn li jsiru xi kambjamenti fit-tqassim tax-xogħol ta’ membri ta’ din il-Kumpanija sabiex b’hekk l-effiċjenza ta’ din l-istess Kumpanija tkun tista’ tiġi mtejba.

Hlas tal-VAT lura

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24210 u jara li l-flus tal-VAT li anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament , ħallset biex għamlet lift minħabba diżabilita', jingħatawlha lura peress li għad m'għandha l-ebda risposta

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 24210.

Dipartimenti tal-gvern — Vjaġġar mill-ministri u uffiċjali

Question

Peress li l-awditur ġenerali kien imqabbad minnek biex jagħmel investigazzjoni dwar vjaġġar mill-ministri u uffiċjali f'dipartimenti tal-gvern u mill-general governmentli jidher li hija lesta, tista' jekk jogħġbok titlob li din l-investigazzjoni titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-Mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Impjegati tal-Gvern — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema tal-gvern li kienu jokkupaw kariga u li kellhom karozza għall-użu tagħhom, jiġifieri meta temmew dan ix-xogħol kienu intitolati li jixtru dik il-karozza? Min kienu? X'kariga kellhom? Kemm kien it-total ta' flus li bihom inxtraw dawn il-karozzi għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda ta-Kamra Tabella li turi l-Informazzjoni mitluba.

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' oġġezzjonijiet, ilmenti u/jew protesti li rċeviet l-Armata mingħand is-suldati li nqabżu fil-promozzjonijiet li ngħataw riċentement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-numru ta’ ilmenti li waslu minn suldati b’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ l-aħħar promozzjonijiet kienu ta’ mitejn u tmienja u għoxrin (228) wieħed.

OPM — Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' proprjeta' fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

OPM — Kiri ta' Pjanti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' xtieli/pjanti fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-nefqa globali fuq kiri ta’ xtieli/pjanti matul is-sena 2006 kienet ta’ Lm15 fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Lm790 li ntefqu mill-Ministeru tal-Finanzi rispettivament.

OPM — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' għamara/pittura fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-nefqa fuq kiri ta’ għamara/pittura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet ta’ Lm116 filwaqt li l-Ministeru tal-Finanzi nefaq Lm85.

Kumpannija ta' l-Armata

Question

Hemm xi pjani li tiġi xolta l-kumpanija ta' l-Armata ADSC li qabel kienet l-Air Defence Battery? Huwa minnu li diversi membri tagħhom talbu li jitilqu minn hemm għax iħossu ruħhom demotivati iżda t-talba tagħhom baqgħet bla tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kumpanija msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) ġiet stabbilita b’riżultat tar-Review tal-Forzi Armati li saret dan l-aħħar, u għaldaqstant, m’hemm l-ebda pjan biex din tiġi xolta.

Sptar Mater Dei — Żjajjar u coffee mornings

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min qed jawtorizza li jsiru żjajjar u coffee mornings minn kandidati tal-PN fl-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nippreċiża li fl-iSptar Mater Dei l-ebda deputat ma jorganizza coffee mornings. L-Onorevoli Interpellant probabilment qiegħed jirreferi għaż-żjajjar edukattivi li jagħmlu parti mill-Public Information Programme. L-FMS bagħtet ittri ta’ stedina lil diversi għaqdiet soċjali, politiċi, kulturali u oħrajn biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva. Ittri ta’ stedina ntbagħtu lill-Trade Unions, Kunsilli Lokali, ċentri ta’ l-anzjani, assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti, partiti politiċi, għaqdiet ta’ volontarjat, każini tal-baned, għaqdiet sportivi u għaqdiet mhux governattivi fost oħrajn. Waqt intervent fil-Parlament, il-Ministru tas-Saħħa Dr Louis Deguara kien ukoll stieden lil kull min huwa interessat biex jorganizza żjajjar simili. Ir-rispons sa issa huwa qawwi, tant li mill-2001 sa l-aħħar ta’ l-2006, żaru l-proġett ’il fuq minn 7,500 persuna u madwar 1,500 persuna oħra ipparteċipaw fil-programm mill-bidu ta’ din is-sena sa l-aħħar ta’ Frar. Din il-konkorrenza tixhed biċ-ċar l-għatx għal informazzjoni oġġettiva.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Bordijiet ta' Għażla

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif li tlabtu dwar riżultati ta' bordijiet ta' għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ġiet mogħtija fis-seduta numru 502 għall-mistoqsija numru 23732.

Dipartimenti/Azjendi parastatali — Vacancies

Question

Kemm kien hemm vacancies li saret sejħa għall-applikazzjoni għalihom fid-dipartimenti, enti, agenziji, korporazzjonijiet u azjendi parastatali li fihom il-gvern għandu l-maġġoranza ta' l-ishma minn nofs is-sena 2006 sal-lum? Liema kienu dawn il-vacancies, azjenda, azjenda? Kemm minnhom u liema kienu engagements on contract?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vakanzi li nħolqu f’postijiet fi gradi u f’pożizzjonijiet kuntrattwali għall-perjodu definit matul il-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant huma elenkati f’Appendiċi ‘A’ (Servizz Pubbliku) u f’Appendiċi ‘B’ (Settur Pubbliku) li jinkludi l-entitajiet li fihom il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma u li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ tas-Settur Pubbliku, il-vakanzi approvati kienu kollha f’pożizzjonijiet kuntrattwali għall-perjodu definit li mtlew jew wara sejħa t’applikazzjonijiet jew permezz tal-proċeduri statutorji tal-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Impjiegi (ETC).

Settur Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il petizzjoni saret kull sena mis-sena 2000 'l hawn dwar riżultati ta' Bordijiet ta' Għażla għal ħatriet/promozzjonijiet fis-settur pubbliku? Kemm-il riżultat nstab li kien żbaljat? Għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjonijiet f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ? X'kien l-iżball f'kull każ? X'rimedju ngħataw dawk il-kandidati li kienu ntlaqtu ħażin bir-riżultat żbaljat? Minn min kien kompost il-bord f'kull każ? X'passi ħa l-Prim Ministru biex jassigura li dawn l-iżbalji ma jibqgħux jiġru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, rigward petizzjonijiet li jsiru fis-Servizz Pubbliku skond il-Public Service Management Code (1.1.10), huwa miġbur fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni nkisbet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għas-snin 2001-2006. Jien infurmat li fl-2000, l-istatistika mitluba ma kinitx bdiet tinżamm. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija u mingħajr ma jingħataw dettalji fuq l-andament intern tal-Kummissjoni u fuq każi individwali, ninsab infurmat li fejn il-Kummissjoni dehrilha li kien hemm dubji serji dwar il-ġenwinità ta’ xi żball, hija rrakkomandat li jsiru aktar investigazzjonijiet u, f’xi każi, li wkoll jittieħdu dawk il-passi xierqa kif mistħoqq. F’kull każ, ir-rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni ġiet osservata.

Sistema FAIR

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex sejjer jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, ir-Regolament ta’ l-2005 dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdu għal metodi varji għal akkwist pubbliku, taħt kriterji li huma uniformi mal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Minħabba l-fatt li lokalment ma jeżistux manifatturi ta’ l-apparat li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, il-Gvern mexa ma’ dawn il-kriterji u, fl-ispirtu ta’ l-aħjar valur għall-fondi minfuqa u l-iskadenzi li għandu quddiemu, beda proċess ta’ negozjati b’mod dirett ma’ kumpaniji barranin. Fil-każ ta’ converters li ser jingħataw lill-konsumaturi, il-Gvern għaddej fi trattativi ma’ bank kummerċjali li huwa interessat li jipprovdi dawn il-converters b’xejn.